European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2494

25.9.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2494

tal-24 ta’ Settembru 2024

li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ formoli, mudelli u proċeduri standard għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, l-EBA u l-ESMA

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 96(3), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 96(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114 jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw mill-qrib mal-AwtoritàEwropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA, European Securities and Markets Authority), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u mal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA, European Banking Authority), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(2)

L-Artikolu 96(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114 jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jipprovdu lill-ESMA u lill-EBA l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex iwettqu dmirijiethom, f’konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 rispettivament.

(3)

Jenħtieġ li normalment l-informazzjoni tiġi skambjata bil-miktub. Madankollu, jenħtieġ li f’każijiet xierqa jkunu possibbli komunikazzjonijiet bil-fomm, inkluż, b’mod partikolari, qabel tintbagħat talba bil-miktub għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni, biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar talba futura għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni, jew biex tiġi diskussa kwalunkwe kwistjoni li tista’ tagħmel diffiċli l-konformità ma’ dik it-talba. F’każijiet urġenti, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li tiġi kkomunikata bil-fomm talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni, dment li tali urġenza ma tkunx dovuta għal dewmien min-naħa tal-parti li qed tissottometti.

(4)

L-informazzjoni li mhijiex is-suġġett ta’ talba speċifika jenħtieġ li tiġi trażmessa f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/1114, inkluż fuq bażi volontarja, meta l-korp li qed jissottometti jqis li l-informazzjoni fil-pussess tiegħu tista’ tkun ta’ użu għal korp ieħor. Meta jittrażmetti informazzjoni mhux mitluba, jenħtieġ li l-korp li qed jissottometti jindika d-dispożizzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1114 li skontu jittrażmetti dik l-informazzjoni fil-forma stabbilita fl-Anness rilevanti.

(5)

Jenħtieġ li talba jkun fiha informazzjoni suffiċjenti dwar is-suġġett tal-kooperazzjoni jew tal-iskambju ta’ informazzjoni u tinkludi r-raġunijiet għat-talba u l-kuntest tagħha, sabiex il-korp riċeventi jkun jista’ jipproċessa t-talba faċilment u b’mod effiċjenti. Jenħtieġ li l-korp li qed jissottometti ma’ jkunx mistenni jindika l-fatti li jwasslu għas-suspett ta’ ksur tar-Regolament (UE) 2023/1114 li mmotiva t-talba meta l-informazzjoni mitluba tkun meħtieġa biex dak il-korp jaqdi dmirijietu.

(6)

Jenħtieġ li l-proċedura kif ukoll il-formoli u l-mudelli użati għall-iskambju ta’ informazzjoni u d-dispożizzjoni ta’ kooperazzjoni jiżguraw li kwalunkwe informazzjoni skambjata jew trażmessa tibqa’ kunfidenzjali, u li jkun hemm konformità mar-regoli fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u l-moviment liberu ta’ data personali.

(7)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni żviluppat mill-ESMA f’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA u ppreżentat lill-Kummissjoni.

(8)

L-ESMA talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010,

(9)

L-ESMA ma wettqitx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, u lanqas ma analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati tal-introduzzjoni ta’ tali standards, peress li kieku sar hekk kien ikun sproporzjonat ħafna fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-impatt ta’ dawk l-istandards, fid-dawl tal-fatt li dan ir-Regolament jaffettwa biss lil dawk l-awtoritajiet u l-entitajiet kompetenti u mhux lill-parteċipanti fis-suq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“mezzi elettroniċi” huma mezzi ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża l-kompressjoni diġitali), il-ħażna u t-trażmissjoni ta’ data, li jkunu jużaw wajers, radju, teknoloġiji ottiċi, jew kull mezz elettromanjetiku ieħor li jiżguraw li l-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni jinżammu matul it-trażmissjoni;

(2)

“korp li qed jissottometti” tfisser il-korp li jippreżenta notifika, talba għal informazzjoni jew kooperazzjoni, jew li jipprovdi informazzjoni mhux mitluba;

(3)

“korp riċeventi” tfisser il-korp li jirċievi notifika, talba għal informazzjoni jew kooperazzjoni, jew informazzjoni mhux mitluba.

Artikolu 2

Punti ta’ kuntatt

1.   Kull awtorità kompetenti għandha tiddeżinja punti ta’ kuntatt għall-finijiet ta’ kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 96 tar-Regolament (UE) 2023/1114.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw id-dettalji tal-punti ta’ kuntatt tagħhom lill-ESMA sas-27 ta’ Novembru 2024 u jżommu lill-EBA u lill-ESMA informati dwar kwalunkwe bidla marbuta ma’ dawk id-dettalji.

3.   L-ESMA u l-EBA għandhom iżommu u jaġġornaw lista tal-punti ta’ kuntatt iddeżinjati f’konformità mal-paragrafu 1.

Artikolu 3

Mezzi ta’ komunikazzjoni

1.   Għall-finijiet ta’ kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 96(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-awtoritajiet kompetenti, l-ESMA u l-EBA għandhom jikkomunikaw bil-miktub, permezz tal-posta jew ta’ mezzi elettroniċi, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

2.   Meta jiddeterminaw l-aktar mezzi xierqa ta’ komunikazzjoni fi kwalunkwe każ partikolari, l-awtoritajiet kompetenti, l-ESMA u l-EBA għandhom iqisu kif xieraq dan li ġej:

(a)

il-kunsiderazzjonijiet ta’ kunfidenzjalità;

(b)

il-ħin meħtieġ għall-korrispondenza;

(c)

il-volum tal-materjal li għandu jiġi kkomunikat;

(d)

il-faċilità ta’ aċċess għall-informazzjoni li qed tiġi skambjata.

3.   Il-mezzi ta’ komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw il-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni matul it-trażmissjoni tagħha.

Artikolu 4

Notifiki u talbiet għal informazzjoni jew kooperazzjoni

1.   In-notifiki u t-talbiet għal informazzjoni jew kooperazzjoni bil-miktub, għandhom jiġu ppreżentati bil-miktub permezz tal-posta jew ta’ mezzi elettroniċi, bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness I. Meta awtorità kompetenti, l-ESMA jew l-EBA jagħmlu talba għal informazzjoni jew kooperazzjoni skont l-Artikolu 96 tar-Regolament (UE) 2023/1114, huma għandhom jużaw il-formola standard stabbilita fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament. Il-korp li qed jissottometti għandu jibgħat in-notifika jew it-talba lill-punt ta’ kuntatt iddeżinjat skont l-Artikolu 2.

2.   Meta jagħmel talba għal informazzjoni jew kooperazzjoni, il-korp li qed jissottometti:

(a)

jista’ jehmeż mat-talba kwalunkwe dokument jew materjal ta’ sostenn li jqis meħtieġ bħala appoġġ għat-talba;

(b)

jista’, f’każijiet urġenti, jagħmel it-talba bil-fomm, iżda dik it-talba bil-fomm għandha sussegwentement tiġi kkonfermata bil-miktub mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 5

Konferma tar-riċevuta ta’ notifiki u talbiet

1.   Il-korp riċeventi għandu jibgħat konferma tar-riċevuta lill-korp li qed jissottometti mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ fi żmien 5 ijiem tax-xogħol minn meta jirċievi notifika jew talba magħmula skont l-Artikolu 4, billi juża l-formola stabbilita fl-Anness II, u, fejn possibbli, jindika d-data stmata tat-tweġiba.

2.   Kull meta ma jkunx possibbli li tiġi indikata d-data stmata għat-tweġiba, il-korp riċeventi għandu jindika l-frekwenza li biha se jaġġorna lill-korp li qed jissottometti.

Artikolu 6

Proċeduri biex tintbagħat, tiġi pproċessata u titwieġeb talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni

1.   Il-korp li qed jissottometti u l-korp riċeventi għandhom jiżguraw li talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni tiġi ttrattata malajr kemm jista’ jkun. Huma għandhom jikkooperaw biex isolvu kwalunkwe diffikultà li tista’ tinqala’ fl-eżekuzzjoni ta’ talba.

2.   Meta l-korp li qed jissottometti jehmeż mat-talba għal kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni kwalunkwe dokument jew materjal ta’ sostenn f’konformità mal-Artikolu 4(2), il-punt (a), u meta tali dokument jew materjal ta’ sostenn ma jkunux b’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru tal-korp riċeventi, il-korp li qed jissottometti għandu jipprovdi wkoll traduzzjoni ta’ tali dokument jew materjal ta’ sostenn, jew sommarju ta’ tali dokument jew materjal ta’ sostenn b’lingwa abitwali fl-isfera tal-finanzi internazzjonali.

3.   Jekk il-korp riċeventi jitlob kwalunkwe kjarifika dwar notifika jew talba ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 4, huwa għandu jitlob kjarifika ulterjuri minnufih bi kwalunkwe mezz.

4.   Il-korp li qed jissottometti għandu jwieġeb minnufih għal kwalunkwe talba għal kjarifika mill-korp riċeventi.

5.   Meta jwieġeb għal talba magħmula f’konformità mal-Artikolu 4, il-korp riċeventi għandu:

(a)

juża l-formola stabbilita fl-Anness III;

(b)

jieħu l-passi kollha raġonevoli biex jipprovdi l-kooperazzjoni jew l-informazzjoni mitluba;

(c)

jaġixxi mingħajr dewmien u b’mod li jiżgura li kwalunkwe azzjoni regolatorja meħtieġa tista’ tipproċedi mingħajr dewmien filwaqt li titqies il-kumplessità tat-talba kkonċernata u jekk huwiex meħtieġ li jiġu involuti parijiet terzi.

6.   Fejn xieraq, il-korp riċeventi għandu jipprovdi lill-korp li qed jissottometti aġġornamenti regolari dwar il-progress ta’ talba pendenti, inklużi l-aġġornamenti dwar id-data stmata riveduta tat-tweġiba.

7.   Fejn il-korp riċeventi jsir jaf b’ċirkustanzi li jistgħu jwasslu għal dewmien fid-data stmata jew fil-perjodu ta’ żmien għat-tweġiba, imsemmija fl-Artikolu 5(1), b’aktar minn għaxart ijiem tax-xogħol, dan għandu jinnotifika lill-korp li qed jissottometti mingħajr dewmien żejjed.

8.   Fejn it-talba tiġġustifika kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-korp li qed jissottometti u dak riċeventi jew fejn it-talba tkun ġiet immarkata bħala urġenti, il-korpi għandhom jaqblu dwar il-frekwenza kif ukoll dwar il-mezzi tal-kooperazzjoni aktar mill-qrib.

Artikolu 7

Kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni mhux mitluba

Għall-finijiet ta’ kwalunkwe kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni li ma tkunx is-suġġett ta’ talba speċifika, inkluża kwalunkwe komunikazzjoni sussegwenti relatata magħha, il-korp li qed jissottometti għandu juża l-formola stabbilita fl-Anness IV.

Artikolu 8

Proċeduri ta’ kooperazzjoni

1.   Fejn l-ESMA jew l-EBA tkun mitluba, skont l-Artikolu 95(5) tar-Regolament (UE) 2023/1114, biex jikkoordinaw investigazzjoni jew spezzjoni b’effett transfruntier, l-ESMA jew l-EBA tista’ tistabbilixxi grupp temporanju fuq bażi ad hoc biex jinkludi l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri affettwati minn dik l-investigazzjoni jew dik l-ispezzjoni.

2.   Meta jipparteċipaw fi gruppi temporanji msemmija fil-paragrafu 1, l-ESMA u l-EBA għandhom jikkonsultaw regolarment lil xulxin.

Artikolu 9

Riferiment lill-ESMA jew lill-EBA

Ir-riferiment lill-ESMA skont l-Artikolu 95(6) tar-Regolament (UE) 2023/1114 jew lill-EBA skont l-Artikolu 95(7) ta’ dak ir-Regolament tar-rifjut jew tan-nuqqas ta’ azzjoni fi żmien raġonevoli għandu jsir bil-miktub bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness I u għandu jinkludi:

(a)

kopja tat-talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni u kwalunkwe tweġiba rċevuta;

(b)

ir-raġunijiet għar-riferiment tar-rifjut jew tan-nuqqas ta’ azzjoni lill-ESMA jew lill-EBA.

Artikolu 10

Restrizzjonijiet u l-użi permissibbli ta’ informazzjoni

1.   Il-korp riċeventi ma għandux jiżvela l-eżistenza u l-kontenut ta’ talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 96 tar-Regolament (UE) 2023/1114 sakemm il-korp li qed jissottometti ma jkunx ta l-kunsens espliċitu tiegħu għal tali żvelar. Fejn tali kunsens ma jingħatax u fejn ma jkunx raġonevolment prattikabbli li t-talba tiġi ssodisfata mingħajr ma tiġi żvelata l-eżistenza jew il-kontenut tagħha, il-korp li qed jissottometti għandu jirtira jew jissospendi t-talba tiegħu sakemm ikun jista’ jagħti tali kunsens għall-iżvelar.

2.   Il-korp li qed jissottometti li jkun irċieva informazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jużaha biss għat-twettiq tad-dmirijiet tiegħu u għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu jew għall-finijiet tal-iżgurar tal-konformità mar-Regolament (UE) 2023/1114 jew l-infurzar tiegħu, inkluż il-bidu, it-twettiq, jew l-assistenza fi proċedimenti kriminali, amministrattivi, ċivili jew dixxiplinari li jirriżultaw minn ksur ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2023/1114/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE ( ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2010/1093/oj).


ANNESS I

Formola għal talba għal kooperazzjoni jew għal skambju ta’ informazzjoni

Talba għal kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni

Numru ta’ referenza:

Data:

Informazzjoni ġenerali

MINN:

Stat Membru:

Korp li qed jissottometti:

Indirizz:

(Dettalji ta’ kuntatt tal-punt ta’ kuntatt deżinjat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2494

Isem:

Telefown:

Email:

Lil:

Stat Membru:

Korp Riċeventi:

Indirizz:

(Dettalji ta’ kuntatt tal-punt ta’ kuntatt deżinjat f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2494

Isem:

Telefown:

Email:

Għażiż/a [daħħal l-isem xieraq],

F’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2494 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ formoli, mudelli u proċeduri standard għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, l-EBA (European Banking Authority) u l-ESMA (European Securities and Markets Authority), qed tintalab il-kooperazzjoni tiegħek fir-rigward tal-kwistjoni(jiet) speċifikata/i hawn taħt.

Tip ta’ talba jew notifika

Immarka l-kaxxa/i adattata/i

notifika lill-ESMA u lill-EBA ta’ talbiet ta’ assistenza bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fir-rigward ta’ spezzjonijiet jew investigazzjonijiet fuq il-post skont l-Artikolu 95(4) tar-Regolament (UE) 2023/1114;

talba lill-ESMA u lill-EBA biex jikkoordinaw l-investigazzjoni jew l-ispezzjoni skont l-Artikolu 95(5) tar-Regolament (UE) 2023/1114;

komunikazzjoni lill-ESMA ta’ sitwazzjonijiet ta’ rifjut jew ta’ nuqqas ta’ azzjoni rigward talbiet għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni, skont l-Artikolu 95(6) tar-Regolament (UE) 2023/1114;

komunikazzjoni lill-EBA ta’ sitwazzjonijiet ta’ rifjut jew ta’ nuqqas ta’ azzjoni fuq talbiet għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni, skont l-Artikolu 95(7) tar-Regolament (UE) 2023/1114;

notifika lill-ESMA u lill-EBA ta’ miżuri kawtelatorji skont l-Artikolu 102 tar-Regolament (UE) 2023/1114;

notifika lill-ESMA ta’ miżuri ta’ intervent fuq il-prodott skont l-Artikolu 105(3) u (4) tar-Regolament (UE) 2023/1114, għall-kriptoassi;

notifika lill-EBA ta’ miżuri ta’ intervent fuq il-prodott skont l-Artikolu 105(3) tar-Regolament (UE) 2023/1114, għal tokens irreferenzjati ma’ assi u tokens tal-flus elettroniċi;

komunikazzjoni lill-ESMA u lill-EBA ta’ informazzjoni dwar il-proċeduri ta’ trattament tal-ilmenti skont l-Artikolu 108(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114;

komunikazzjoni lill-ESMA ta’ data u informazzjoni għall-kompilazzjoni tar-Reġistru tal-white papers dwar il-kriptoassi, tal-emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi u ta’ tokens tal-flus elettroniċi, u tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, skont l-Artikolu 109(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114;

notifiki lill-ESMA tal-miżuri elenkati fl-Artikolu 94(1), il-punti (b), (c), (f), (l), (m), (n), (o) jew (t), u dwar kwalunkwe miżura kawtelatorja pubblika meħuda skont l-Artikolu 102, u l-Artikolu 109(6) tar-Regolament (UE) 2023/1114;

komunikazzjoni lill-ESMA għall-istabbiliment tar-Reġistru tal-ESMA dwar entitajiet mhux konformi li jipprovdu servizzi tal-kriptoassi, skont l-Artikolu 110 tar-Regolament (UE) 2023/1114;

rapportar ta’ penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra mill-awtoritajiet kompetenti lill-ESMA u lill-EBA, skont l-Artikolu 115 tar-Regolament (UE) 2023/1114;

kwalunkwe notifika oħra, għoti ta’ informazzjoni jew talba għal informazzjoni rilevanti f’konformità mal-Artikolu 96 tar-Regolament (UE) 2023/1114.

Informazzjoni dwar in-notifika jew ir-raġunijiet għat-talba

In-notifika/it-talba tikkonċerna [agħżel “notifika” jew “talba” skont l-għażla li saret hawn fuq]

[daħħal id-deskrizzjoni tas-suġġett tan-notifika jew tat-talba, il-fini li għalih qed tintalab il-kooperazzjoni jew l-iskambju ta’ informazzjoni jew il-fatti sottostanti għat-talba għal koordinazzjoni ta’ investigazzjoni u spjegazzjoni dwar l-utilità tagħha]

Sussegwentement għal

[jekk applikabbli, daħħal id-dettalji tan-notifika jew tat-talba preċedenti sabiex tkun tista’ tiġi identifikata]

L-informazzjoni inkluża f’din in-notifika/it-talba [agħżel l-għażla korretta] għandha tinżamm kunfidenzjali f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2494 u għandha tkun soġġetta għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali f’konformità mal-Artikolu 100 tar-Regolament (UE) 2023/1114.

Kwalunkwe data personali pprovduta għandha tiġi pproċessata mill-ESMA jew mill-EBA f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. B’mod partikolari, l-ESMA, l-EBA kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-data f’konformità mat-Taqsima 2 “Informazzjoni u aċċess għad-data personali” tal-Kapitolu III “Id-drittijiet tas-suġġett tad-data” ta’ dawn ir-Regolamenti.

Dejjem tiegħek,

[firma]


ANNESS II

Formola għall-konferma tar-riċevuta ta’ notifika jew ta’ talba għal kooperazzjoni jew għal skambju ta’ informazzjoni

Konferma tar-riċevuta ta’ notifika jew talba għal kooperazzjoni jew skambju ta’ informazzjoni

Numru ta’ referenza:

Data:

MINN:

Korp Riċeventi:

Indirizz:

(Dettalji ta’ kuntatt tal-punt ta’ kuntatt deżinjat f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2494

Isem:

Telefown:

Email:

Lil:

Stat Membru:

Korp li qed jissottometti:

Indirizz:

(Dettalji ta’ kuntatt tal-punt ta’ kuntatt deżinjat f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2494

Isem:

Telefown:

Email:

Għażiż/a [daħħal l-isem xieraq],

Wara l-preżentazzjoni tan-notifika/it-talba tiegħek [daħħal ir-referenza għan-notifika/it-talba] nixtiequ ngħarrfuk li rċevejna n-notifika/it-talba għal kooperazzjoni/it-talba għal informazzjoni tiegħek [agħżel l-għażla korretta] fi [daħħal id-data]

□ Il-[korp riċeventi] biħsiebu jwieġeb fi/fi żmien [daħħal id-data jew il-perjodu ta’ żmien stmat sa meta jkun mistenni li tiġi pprovduta tweġiba]

□ Il-[korp riċeventi] biħsiebu jipprovdi aġġornamenti dwar it-talba pendenti [daħħal il-perjodiċità tal-aġġornamenti li għandhom jingħataw]

[F’każ li għall-korp riċeventi ma jkunx possibbli li jindika data jew perjodu ta’ żmien stmat għat-tweġiba, indika l-frekwenza li biha l-korp riċeventi se jaġġorna l-korp li qed jissottometti]

□ Il-[korp riċeventi] mhux se jkun jista’ jwieġeb sal-iskadenzi indikati mill-[korp li qed jissottometti] għar-raġunijiet li ġejjin [speċifika liema eċċezzjoni/jiet hija/huma applikabbli fis-sitwazzjoni tiegħek]:

[F’każ li l-korp riċeventi ma jkunx jista’ jwieġeb sal-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2494, ipprovdi r-raġunijiet u d-data stmata tat-tweġiba]

Kwalunkwe data personali pprovduta għandha tiġi pproċessata mill-ESMA jew mill-EBA f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. B’mod partikolari, l-ESMA, l-EBA kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jiżguraw li l-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-ipproċessar tad-data personali tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-data f’konformità mat-Taqsima 2 “Informazzjoni u aċċess għad-data personali” tal-Kapitolu III “Id-drittijiet tas-suġġett tad-data” ta’ dawn ir-Regolamenti.

Dejjem tiegħek,

[firma]


ANNESS III

Formola għat-tweġiba għal talba għal kooperazzjoni jew għal skambju ta’ informazzjoni

Tweġiba għal talba għal kooperazzjoni jew għal skambju ta’ informazzjoni

Numru ta’ referenza:

Data:

MINN:

Stat Membru:

Korp riċeventi:

Indirizz:

(Dettalji ta’ kuntatt tal-punt ta’ kuntatt deżinjat f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2494

Isem:

Telefown:

Email:

Lil:

Stat Membru:

Korp li qed jissottometti:

Indirizz:

(Dettalji ta’ kuntatt tal-punt ta’ kuntatt deżinjat f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2494

Isem:

Telefown:

Email:

Għażiż/a [daħħal l-isem xieraq],

Wara t-talba tiegħek [daħħal ir-referenza għat-talba] nixtiequ ngħarrfuk li rċevejna t-talba tiegħek għal kooperazzjoni jew għal informazzjoni fi [daħħal id-data].

Informazzjoni miġbura

[Jekk l-informazzjoni nġabret, niżżel l-informazzjoni hawnhekk jew ipprovdi spjegazzjoni dwar kif se tingħata]

L-informazzjoni pprovduta hija kunfidenzjali u tiġi żvelata lil [Daħħal l-isem tal-korp li qed jissottometti] skont [Daħħal id-dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni settorjali applikabbli] u fuq il-bażi li l-informazzjoni għandha tibqa’ kunfidenzjali f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2494 u l-Artikolu 100 tar-Regolament (UE) 2023/1114.

Il-[Daħħal l-isem tal-korp li qed jissottometti] għandu josserva r-rekwiżiti tal-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2494 fir-rigward tal-użi permissibbli ta’ dik l-informazzjoni.

Fejn il-[Daħħal l-isem tal-korp li qed jissottometti] biħsiebu juża jew jiżvela informazzjoni pprovduta f’din it-tweġiba għal finijiet differenti minn dawk iddikjarati fit-talba iżda relatati mal-kompiti tiegħu f’konformità mar-Regolament (UE) 2023/1114, il-[Daħħal l-isem tal-korp li qed jissottometti] għandu jinnotifika lil [Daħħal l-isem tal-korp riċeventi] li għandu għaxart ijiem tax-xogħol biex joġġezzjona għal tali użu jew żvelar, jew fejn meħtieġ jindika limitu ta’ żmien preċiż sa meta se jkun jista’ jipprovdi tali feedback.

Fejn il-[Daħħal l-isem tal-korp li qed jissottometti] biħsiebu juża jew jiżvela informazzjoni pprovduta f’din it-tweġiba għal finijiet li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1114, għandu jinnotifika lil [Daħħal l-isem tal-korp riċeventi] u, sakemm ma japplikax l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 100(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114, għandu jikseb il-kunsens minn qabel ta’ [Daħħal l-isem tal-korp riċeventi]. Fejn il-[Daħħal l-isem tal-korp riċeventi] jagħti l-kunsens għal tali użu jew żvelar tal-informazzjoni, jista’ jkun soġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

Kwalunkwe data personali pprovduta għandha tiġi pproċessata mill-ESMA u mill-EBA f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. B’mod partikolari, l-ESMA, l-EBA kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti rilevanti għandhom jiżguraw li l-informazzjoni kollha rilevanti dwar l-ipproċessar tad-data personali tiġi pprovduta lis-suġġetti tad-data f’konformità mat-Taqsima 2 “Informazzjoni u aċċess għad-data personali” tal-Kapitolu III “Id-drittijiet tas-suġġett tad-data” ta’ dawn ir-Regolamenti.

Dejjem tiegħek,

[firma]


ANNESS IV

Formola għal skambju ta’ informazzjoni mhux mitlub

Skambju ta’ informazzjoni mhux mitlub

Numru ta’ referenza:

Data:

MINN:

Korp li qed jissottometti:

Indirizz:

(Dettalji ta’ kuntatt tal-punt ta’ kuntatt deżinjat f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2494

Isem:

Telefown:

Email:

Lil:

Stat Membru:

Korp Riċeventi:

Indirizz:

(Dettalji ta’ kuntatt tal-punt ta’ kuntatt deżinjat f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2494

Isem:

Telefown:

Email:

Għażiż/a [daħħal l-isem xieraq],

F’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2494, qed nipprovdu l-informazzjoni li ġejja li nemmnu li tista’ tkun ta’ assistenza fit-twettiq ta’ dmirijietek.

Informazzjoni pprovduta

[Daħħal id-dettalji tal-informazzjoni pprovduta, inkluża, jekk tkun rilevanti, deskrizzjoni ta’ kwalunkwe dokument jew materjal ta’ prova mehmuż.]

L-informazzjoni pprovduta hija kunfidenzjali u tiġi żvelata lil [Daħħal l-isem tal-korp li qed jissottometti] skont [Daħħal id-dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni settorjali applikabbli] u fuq il-bażi li l-informazzjoni għandha tibqa’ kunfidenzjali f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2494 u l-Artikolu 100 tar-Regolament (UE) 2023/1114.

Il-[Daħħal l-isem tal-korp riċeventi] għandu josserva r-rekwiżiti tal-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2494 fir-rigward tal-użi permissibbli ta’ tali informazzjoni, u tal-Artikolu 101 tar-Regolament (UE) 2023/1114 fir-rigward tal-ipproċessar u t-trasferiment tad-data personali.

Dejjem tiegħek,

[firma]


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2494/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)