European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2313

10.10.2024

RIŻOLUZZJONI (UE) 2024/2313 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-11 ta’ April 2024

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2022

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2022,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0107/2024),

A.

billi skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2022 kien jammonta għal EUR 115 807 269,88, u dan jirrappreżenta żieda ta’ 9,48 % meta mqabbel mal-2021; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni u l-introjtu operatorju;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2022 (ir-“rapport tal-Qorti”), tiddikjara li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

C.

billi, fir-rigward tas-settur tal-akkwist tal-Aġenzija, ma ġiet irrapportata ebda kwistjoni li tirrikjedi azzjonijiet korrettivi għall-2022, u lanqas ma hemm azzjonijiet korrettivi għaddejjin jew pendenti mill-awditi u l-valutazzjonijiet tas-snin preċedenti;

D.

billi, fir-rigward tas-sistemi ta’ kontroll intern tal-Aġenzija, ma ġiet irrapportata ebda kwistjoni li teħtieġ azzjonijiet korrettivi għall-2022, u lanqas ma hemm azzjonijiet korrettivi għaddejjin jew pendenti mill-awditi u l-valutazzjonijiet tas-snin preċedenti;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b’apprezzament li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2022 irriżultaw f’implimentazzjoni tal-baġit ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena kurrenti ta’ 99,80 %, u dan jirrappreżenta żieda żgħira ta’ 0,14 % meta mqabbla mal-2021 u rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena kurrenti ta’ 98,42 %, u dan jirrappreżenta żieda ta’ 1,10 %;

Prestazzjoni

2.

Jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija tuża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tkejjel l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tagħha fl-oqsma ewlenin li għalihom tikkontribwixxi l-Aġenzija u l-attivitajiet orizzontali tagħha (sostenibbiltà, sorveljanza, sikurezza u sigurtà, simplifikazzjoni, diġitalizzazzjoni, assistenza teknika, bini ta’ kapaċità u appoġġ strateġiku); ifaħħar il-fatt li b’mod ġenerali l-miri ntlaħqu, bi ftit miri li waqgħu lura prinċipalment minħabba raġunijiet ġustifikati; jinnota wkoll li l-Aġenzija laħqet l-objettivi tagħha tal-2022 f’konformità mal-programm ta’ ħidma annwali u l-qafas strateġiku pluriennali;

3.

Jieħu nota tal-fatt li l-Aġenzija ilha involuta b’mod attiv f’diversi inizjattivi relatati mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u pprovdiet appoġġ u data lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri b’enfasi partikolari fuq proposti differenti fi ħdan il-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” bħall-proposta FuelEU Maritime u l-proposta li għandha l-għan li testendi l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet għat-trasport marittimu;

4.

Jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija saret attur importanti fir-rigward tal-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ bastimenti ta’ interess wara l-invażjoni Russa illegali u mhux provokata tal-Ukrajna fi Frar 2022; jinnota f’dan ir-rigward li s-servizz ta’ appoġġ marittimu (MSS) irrapporta dwar bastimenti li jtajru l-bandiera Russa lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, dwar waqfiet ta’ vapuri f’portijiet tal-UE lil Stati Membri speċifiċi u lill-Kummissjoni, u dwar waqfiet ta’ bastimenti relatati ma’ sanzjonijiet (eż. importazzjonijiet tal-faħam);

5.

Jinnota li s-servizzi ta’ Osservazzjoni tad-Dinja tal-Aġenzija komplew jiżviluppaw u jipprovdu kapaċitajiet ta’ sorveljanza, b’enfasi fuq CleanSeaNet, is-Sorveljanza Marittima Copernicus lill-Frontex u l-appoġġ għall-emerġenzi marittimi fuq il-baħar fil-kuntest tal-pjan ta’ kontinġenza tal-Aġenzija;

6.

Jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija pprovdiet appoġġ tekniku lill-Kummissjoni u lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA billi pparteċipat fl-ispezzjonijiet li organizzaw biex tivvaluta u tivverifika l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà marittima fl-Istati Membri;

7.

Josserva li fl-2022 l-Aġenzija pprovdiet lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (EUROPOL) aċċess għas-servizzi ta’ informazzjoni marittima u ta’ sorveljanza biex tappoġġjahom fl-oqsma tal-infurzar tal-liġi u l-attivitajiet ta’ kriminalità organizzata fuq il-baħar;

8.

Jinnota li l-Aġenzija żammet ir-rwol tagħha bħala ċentru ta’ eċċellenza għall-bini tal-kapaċità, l-implimentazzjoni tal-proġett IPA II u l-konklużjoni ta’ proġetti għal assistenza teknika fil-Baħar Mediterran (Safemed IV) u l-Baħar l-Iswed u l-Baħar Kaspju (BCSEA) fl-2022;

9.

Jilqa’ l-appoġġ tal-Aġenzija lill-Kummissjoni fl-OMI, b’mod partikolari f’fora bħall-MEPC, il-PPR u s-CCC; dan l-appoġġ ikopri oqsma kruċjali tal-prevenzjoni tat-tniġġis u s-sostenibbiltà, inkluża l-Istrateġija tal-OMI dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-intensità tal-karbonju tat-tbaħħir, is-sikurezza, l-evalwazzjoni, l-implimentazzjoni u l-użu ta’ fjuwils u teknoloġiji alternattivi sostenibbli, l-iskart fil-baħar u l-istorbju taħt l-ilma; jenfasizza li l-ħidma li jmiss tal-OMI dwar l-iżvilupp tar-rekwiżiti u tal-istandards korrispondenti għall-użu ta’ fjuwils u teknoloġiji ġodda se tkun ta’ importanza ewlenija għall-adozzjoni tagħhom kemm fil-livell globali kif ukoll f’dak tal-UE;

Effiċjenza u kisbiet

10.

Jinnota li fil-qafas tal-mandat il-ġdid għall-kooperazzjoni Ewropea dwar il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta, l-Aġenzija qasmet informazzjoni, għarfien espert, proċeduri, għodod u materjali ta’ taħriġ mal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA) u l-Frontex; jinnota wkoll li l-Aġenzija qed tkompli taħdem mill-qrib maċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) sabiex iżżid l-effiċjenza tagħha u tiffranka l-kostijiet minħabba l-prossimità ġeografika taż-żewġ aġenziji; jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija kienet qed tappoġġja lill-EMCDDA permezz tal-kondiviżjoni tal-għarfien fir-rigward tar-reġistrazzjoni EMAS u flimkien mal-EFCA kompliet tiżgura l-arranġament ta’ backup reċiproku fis-seħħ għall-funzjoni tal-kontabbiltà fiż-żewġ Aġenziji; jirrimarka l-benefiċċji orizzontali ta’ ħidma flimkien u l-adattament tal-aħjar prattiki u li l-inizjattivi konġunti jiġbru flimkien perspettivi differenti, inaqqsu d-duplikazzjoni tal-isforzi, itejbu t-tagħlim u jsaħħu r-relazzjonijiet bejn il-parteċipanti;

11.

Jinnota li l-Aġenzija ħadmet biex ittejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tagħha bl-awtomatizzazzjoni tal-proċeduri bl-għan li tnaqqas b’mod sinifikanti l-ammont ta’ xogħol amministrattiv ta’ membri speċifiċi tal-persunal, u tippermettilhom jiffukaw fuq kompiti f’oqsma relatati b’valur miżjud ogħla; josserva li barra minn hekk, l-Aġenzija bdiet proġetti pilota għall-Firma Elettronika Kwalifikata u l-integrazzjoni ta’ għodod korporattivi mal-ARES; jistieden lill-Aġenzija tidentifika aktar proċeduri interni li jistgħu jiġu ssimplifikati permezz tal-awtomatizzazzjoni;

Politika dwar il-persunal

12.

Jinnota li fil-31 ta’ Diċembru 2022, it-tabella tal-persunal kienet stabbli, u eżegwita sa 99,06 %, bil-ħatra ta’ 210 uffiċjali jew aġenti temporanji mit-total ta’ 212 awtorizzati skont il-baġit tal-Unjoni (bħal fl-2021); jinnota li, barra minn hekk, 28 aġent kuntrattwali u 16-il espert nazzjonali sekondat ħadmu għall-Aġenzija fl-2022;

13.

Jinnota n-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fost il-membri tal-maniġment superjuri u dak intermedju tal-Aġenzija, fejn 5 minn 16 (31 %) huma nisa; jinnota n-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fost il-membri tal-bord amministrattiv tal-Aġenzija, fejn 10 minn 57 (18 %) huma nisa; jinnota wkoll in-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fost il-persunal ġenerali tal-Aġenzija, fejn 99 minn 264 (38 %) huma nisa; ifakkar fl-importanza li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri u jistieden lill-Aġenzija tqis dan l-aspett fir-rigward tar-reklutaġġi ta’ persunal u ħatriet futuri fi ħdan il-maniġment superjuri u dak intermedju tagħha; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-Aġenzija nediet Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Ġeneru għall-perjodu 2022-2025, li jiffoka fuq it-titjib fit-tul tal-bilanċ u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fuq bażi ta’ kwalità; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-importanza li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw lill-membri tagħhom għall-bord amministrattiv tal-Aġenzija; iħeġġeġ lill-Aġenzija tadotta wkoll il-“Karta dwar id-diversità u l-inklużjoni” u tkompli tipparteċipa f’inizjattivi li jippromwovu d-diversità u l-inklużjoni fuq il-post tax-xogħol fil-livelli kollha tal-ġerarkija;

14.

Jisħaq fuq l-isfida kontinwa tar-reklutaġġ ta’ Esperti Nazzjonali Sekondati (SNE) minħabba d-diffikultà li jiġu attirati esperti mill-Istati Membri; jirrimarka li l-Aġenzija kellha xi sejħiet li ma rnexxewx; jipproponi li l-aġenti kuntrattwali interni jingħataw opportunità li javvanzaw għall-grupp ta’ funzjoni li jmiss permezz ta’ proċedura tal-għażla ġenerali; rigward il-kisbiet fl-effiċjenza, jinnota li l-Aġenzija timmira u taħdem biex ittejjeb il-proċeduri tagħha ħalli ssaħħaħ l-effiċjenza u l-effettività tagħha favur l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi umani u finanzjarji tagħha;

15.

Jilqa’ l-fatt li fil-kuntest tal-prevenzjoni tal-fastidju fuq il-post tax-xogħol inħatru sitt Konsulenti Kunfidenzjali ġodda wara li lestew b’suċċess taħriġ obbligatorju u issa huma attivi f’dan ir-rwol fl-Aġenzija;

16.

Jinnota li l-Aġenzija nediet proġett ta’ Strateġija tar-Riżorsi Umani bil-konsultazzjoni tal-persunal, il-maniġment u l-Kumitat tal-Persunal, proġett biex jinħoloq programm ta’ induzzjoni online għal parteċipanti ġodda, u l-ħidma preparatorja relatata mad-deċiżjoni dwar il-ħin tax-xogħol u x-xogħol ibridu, li kienu mistennija li jiġu adottati fl-2023; jitlob lill-Aġenzija żżomm lill-awtorità ta’ kwittanza infurmata dwar il-progress f’dawn il-kwistjonijiet;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza

17.

Jirrikonoxxi li l-Membri u s-Sostituti tal-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija huma mitluba jiffirmaw Dikjarazzjoni ta’ Impenn u Kunfidenzjalità fin-nomina tagħhom u kull sena, jiddikjaraw kwalunkwe kunflitt ta’ interess (potenzjali) li jista’ jitqies li jippreġudika t-trattament ta’ kwalunkwe punt fuq l-aġenda fil-bidu ta’ kull laqgħa tal-Bord Amministrattiv; jinnota li l-persunal kollu (inkluż il-maniġment superjuri involut fi proċeduri speċifiċi) huwa meħtieġ jiddikjara kunflitti ta’ interess (potenzjali) f’diversi proċeduri bħall-akkwist u r-reklutaġġ; jieħu nota li matul l-2022 ġie ddikjarat każ wieħed ta’ kunflitt ta’ interess minn membru tal-kumitat tal-għażla fi proċedura ta’ reklutaġġ u wara analiżi tal-kunflitt iddikjarat, il-membru ġie sostitwit;

18.

Jinnota li l-Aġenzija adottat “Politika dwar il-Kunflitti ta’ Interess tal-Bord Amministrattiv tal-EMSA”, li tistabbilixxi prinċipji li jirregolaw l-imparzjalità u l-indipendenza tal-membri tiegħu u tas-sostituti tagħhom u tiddefinixxi l-miżuri biex tiġi żgurata l-applikazzjoni prattika tagħhom sabiex jiġu evitati u mmitigati r-riskji li interessi passati, attwali jew futuri jistgħu jinfluwenzaw b’mod mhux xieraq l-imparzjalità u l-indipendenza tal-membri tal-Bord matul il-qadi ta’ dmirijiethom;

19.

Jieħu nota tal-fatt li s-CVs għall-membri tal-Bord Amministrattiv u l-Persunal Maniġerjali huma ppubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija;

Kummenti oħra

20.

Ifaħħar il-fatt li, f’konformità mal-Qafas tal-Aġenzija għall-Ġestjoni tar-Riskju, ir-reġistru tar-riskji ġie aġġornat u rfinat bis-sħiħ fl-2022, u li matul dan l-eżerċizzju ngħatat attenzjoni speċjali lill-identifikazzjoni ta’ riskji potenzjali relatati mal-frodi u l-opportunitajiet ġenerali; jilqa’ wkoll il-fatt li wara l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna, xi riskji u opportunitajiet ġodda identifikati relatati ma’ din il-kriżi kbira ġew identifikati u inklużi fir-reġistri tar-riskju aġġornati;

21.

Jifraħ lill-Aġenzija talli żviluppat għadd ta’ prodotti ad hoc biex tassisti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE relatati mal-invażjoni tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa, bħar-rapportar dwar waqfiet tal-bastimenti b’rabta ma’ tagħbijiet u bnadar speċifiċi; jilqa’ wkoll il-fatt li l-Aġenzija żviluppat u tipprovdi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti rapport ta’ kull xahar dwar l-impatt tal-iżviluppi fl-Ukrajna fuq it-traffiku u l-kummerċ marittimu;

22.

Jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija wettqet attivitajiet differenti ta’ ekoloġizzazzjoni fl-2022, bħall-kampanja estensiva ta’ komunikazzjoni dwar l-ekoloġizzazzjoni, il-ħolqien ta’ kamra stazzjonarja li tista’ terġa’ tintuża, il-parteċipazzjoni fil-Ġimgħa Ewropea tal-Mobilità, u t-tnaqqis tat-temperatura bażika fil-bini matul l-istaġun tax-xitwa, fost affarijiet oħra;

23.

Ifakkar li fl-2019 l-Aġenzija varat il-proġett “Greening EMSA” (Ekoloġizzazzjoni tal-EMSA) bl-għan li tintroduċi ġestjoni ambjentali, u l-pass finali tal-awditu estern ta’ verifika sar f’Jannar 2022; jinnota li konsegwentement l-Aġenzija rċeviet it-tikketta EMAS u għandha d-dikjarazzjoni ambjentali tagħha ppubblikata;

24.

Jinnota li l-Aġenzija intensifikat il-kooperazzjoni tagħha mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà billi pparteċipat fil-proġett pilota għall-implimentazzjoni futura tar-Regolament dwar iċ-Ċibersigurtà li jmiss; jinnota, barra minn hekk, li l-Aġenzija saħħet il-kollaborazzjoni tagħha ma’ CERT-UE billi ġeddet Ftehim dwar il-Livell ta’ Servizz speċifiku li issa jinkorpora aktar azzjonijiet, bħal għadd akbar ta’ valutazzjonijiet tas-sigurtà, u billi pprovdiet aċċess għal monitoraġġ f’ħin reali ta’ avvenimenti ta’ sigurtà fl-infrastruttura tal-IT tal-EMSA; jinnota wkoll li l-Aġenzija qed twettaq valutazzjonijiet regolari tas-sigurtà ma’ CERT-UE u mal-fornitur tas-Servizzi tas-Sigurtà Interistituzzjonali tal-Kunsill;

25.

Jinnota li l-Aġenzija implimentat miżuri differenti sabiex iżżid il-viżibbiltà pubblika u l-preżenza online tagħha, bħall-ospitar ta’ konferenzi, il-kondiviżjoni ta’ vidjos li jispjegaw l-attivitajiet u l-kompetenzi ewlenin tal-Aġenzija, l-istreaming dirett, u t-tnedija tal-kunċett tal-“EMSA open day”;

26.

Ifaħħar l-impenn tal-Aġenzija li ttejjeb il-komunikazzjoni multilingwi tagħha filwaqt li tiżgura aċċessibbiltà akbar għaċ-ċittadini Ewropej kollha; jinnota li l-istrateġija ta’ ħames snin tal-Aġenzija u r-Rapporti Ewropej dwar l-Ambjent Marittimu u s-Sikurezza Marittima issa huma aċċessibbli bl-24 lingwa kollha tal-UE;

27.

Jisħaq fuq l-importanza tal-attivitajiet tal-Aġenzija fil-qasam tas-sigurtà marittima u jitlob li l-Aġenzija tkompli tipprovdi assistenza teknika lill-Kummissjoni waqt spezzjonijiet f’dan il-qafas skont ir-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) dwar it-titjib tas-sigurtà fuq il-vapuri u fil-faċilitajiet tal-portijiet; jisħaq fuq żieda sinifikanti ta’ inċidenti taċ-ċibersigurtà fis-settur marittimu f’dawn l-aħħar snin;

28.

Jappella għall-promozzjoni tad-diġitalizzazzjoni fis-settur marittimu billi tiġi ffaċilitata t-trażmissjoni elettronika tad-data, filwaqt li jiġu appoġġjati s-simplifikazzjoni u l-forniment ta’ sistemi u servizzi integrati ta’ sorveljanza u sensibilizzazzjoni marittimi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri;

29.

Jisħaq li t-tkabbir tal-flotta tal-UE (kemm f’termini ta’ vapuri kif ukoll ta’ tunnellaġġ) qed iseħħ aktar bil-mod meta mqabbel mat-tkabbir tal-flotta globali; fl-aħħar ħames snin, il-flotta tal-UE esperjenzat tkabbir ta’ 3,4 %, b’kuntrast mal-flotta globali, li wriet rata ta’ tkabbir aktar sostanzjali ta’ 7 %;

30.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ April 2024 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 73, 28.2.2023, p. 91.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar it-titjib tas-sigurtà fuq il-vapuri u fil-faċilitajiet tal-portijiet (ĠU L 129, 29.4.2004, p. 6).

(3)  Testi adottati ta’ dik id-data, P9_TA(2024)0280.


ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2024/2313/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)