European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2218

4.9.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2218

tat-28 ta’ Awwissu 2024

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u d-Drittijiet tal-Bniedem, id-Demokrazija u l-Istat tad-Dritt

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2349 (1), il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati f’isem l-Unjoni għal konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-intelliġenza artifiċjali u d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt. Fis-17 ta’ Mejju 2024, in-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalizzazzjoni tal-Konvenzjoni Qafas dwar l-Intelliġenza Artifiċjali u d-Drittijiet tal-Bniedem, id-Demokrazija u l-Istat tad-Dritt (“il-Konvenzjoni”) u l-adozzjoni tagħha mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa.

(2)

Il-Konvenzjoni tistipula prinċipji u obbligi ġenerali li l-partijiet għall-Konvenzjoni jenħtieġ li josservaw biex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fir-rigward tal-attivitajiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali (IA).

(3)

Fit-13 ta’ Ġunju 2024, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw, abbażi tal-Artikoli 16 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ir-Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li fih regoli armonizzati, ġeneralment ibbażati fuq armonizazzjoni sħiħa, li jirregolaw l-introduzzjoni fis-suq, it-tqegħid fis-servizz u l-użu ta’ sistemi tal-IA fl-Unjoni. Dawk ir-regoli huma direttament applikabbli fl-Istati Membri, sakemm dak ir-Regolament ma jkunx jipprevedi espliċitament mod ieħor. Il-Konvenzjoni trid tiġi implimentata fl-Unjoni esklużivament permezz tar-Regolament (UE) 2024/1689 u ta’ partijiet rilevanti oħra tal-acquis tal-Unjoni, fejn applikabbli.

(4)

Attivitajiet fiċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistemi tal-IA relatati mal-protezzjoni tal-interessi tas-sigurtà nazzjonali huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni. Ir-Regolament (UE) 2024/1689, li ser ikun l-att legali ewlieni tal-Unjoni li jimplimenta l-Konvenzjoni, jeskludi wkoll mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu sistemi tal-IA introdotti fis-suq, imqiegħda fis-servizz, jew użati b’modifika jew le esklużivament għal finijiet ta’ sigurtà nazzjonali, u l-output tas-sistemi tal-IA użati fl-Unjoni esklużivament għal tali finijiet, irrispettivament mit-tip ta’ entità li twettaq dawk l-attivitajiet. Barra minn hekkk, is-sigurtà nazzjonali għadha r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru, kif previst fl-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tiġi espressa fil-Konferenza tal-Partijiet stabbilita mill-Konvenzjoni jenħtieġ li tirrispetta l-limiti stipulati hawn fuq. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Kummissjoni żżomm lura milli tiddiskuti jew tieħu kwalunkwe pożizzjoni dwar attivitajiet fiċ-ċiklu tal-ħajja ta’ sistemi tal-IA relatati mal-protezzjoni tal-interessi tas-sigurtà nazzjonali fil-laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet.

(5)

Meta jitqies li l-kamp ta’ applikazzjoni personali u materjali tal-Konvenzjoni u d-dispożizzjonijiet sostantivi tal-Konvenzjoni jikkoinċidu fil-biċċa l-kbira mar-Regolament (UE) 2024/1689, li hu kkumplementat minn partijiet rilevanti oħra tal-acquis tal-Unjoni, il-konklużjoni tal-Konvenzjoni tista’ taffettwa r-regoli komuni tal-Unjoni jew tbiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tat-TFUE. Acquis rilevanti ieħor tal-Unjoni jinkludi atti legali li għandhom l-għan li jimplimentaw id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bħal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar in-nondiskriminazzjoni, inkluż id-Direttivi tal-Kunsill 2000/43/KE (3) u 2000/78/KE (4); l-acquis tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, inkluż ir-Regolamenti (UE) 2016/679 (5) u (UE) 2022/2065 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bl-għan li jiġi żgurat ambjent online sikur, prevedibbli u affidabbli fejn jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u d-dritt li wieħed jirċievi u jagħti informazzjoni; ir-Regolament (UE) 2024/900 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7); u s-sikurezza tal-prodotti u l-leġiżlazzjoni dwar ir-responsabbiltà għal prodotti difettużi, inkluż id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE (8), għaldaqstant, l-Unjoni tgawdi minn kompetenza esterna esklużiva biex tiffirma l-Konvenzjoni. Għalhekk, l-Unjoni biss jenħtieġ li ssir Parti għall-Konvenzjoni, soġġett għall-konklużjoni tagħha f’data aktar tard.

(6)

Il-Konferenza tal-Partijiet ser taqdi rwol ewlieni fl-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni, inkluż billi tagħmel rakkomandazzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħha. Il-Konferenza tal-Partijiet ser tikkunsidra wkoll emendi possibbli għall-Konvenzjoni. F’konformità mal-Artikolu 218(9) TFUE, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jenħtieġ li jadotta deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni fil-Konferenza tal-Partijiet meta dak il-korp jintalab jadotta atti li jkollhom effetti legali, b’mod partikolari r-Regoli ta’ Proċedura tal-Konferenza tal-Partijiet. Waqt in-negozjar ta’ dawk ir-Regoli ta’ Proċedura, li għandhom jiġu adottati b’kunsens fi żmien 12-il xahar mid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni, l-Unjoni ser timmira li tiżgura li tiġi allokata 27 vot, li jirrifletti l-għadd tal-Istati Membri tagħha. Fil-każ li l-Unjoni tiġi allokata s-27 vot, jenħtieġ li l-Kummissjoni, li tirrappreżenta lill-Unjoni, tiżgura koordinazzjoni msaħħa mal-Istati Membri sabiex tesprimi pożizzjonijiet uniformi quddiem il-Konferenza tal-Partijiet u tħaddem id-dritt tal-vot tagħha f’isem l-Unjoni. Tali koordinazzjoni msaħħa hija partikolarment rilevanti minħabba li l-Istati Membri kollha huma wkoll membri tal-Kunsill tal-Ewropa u meta titqies in-natura li qed tevolvi malajr tal-intelliġenza artifiċjali kif ukoll il-ħtieġa li jkun hemm qafas koerenti applikabbli globalment fil-qasam. Sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni msaħħa, jenħtieġ li l-Kunsill ikun involut fil-formulazzjoni ta’ kwalunkwe pożizzjoni, tkun xi tkun in-natura tagħha, inkluż dawk ibbażati fuq l-Artikolu 16(1) TUE u l-Artikolu 218(9) TFUE. Jekk l-Unjoni, minkejja l-aħjar sforzi tagħha, ma tkunx tista’ tikseb allokazzjoni ta’ 27 voti, sabiex tiżgura li l-Unjoni jkollha għadd ta’ voti li jirriflettu l-piż tagħha fil-Kunsill tal-Ewropa u li jippermettulha tiddefendi b’mod xieraq l-interessi tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri jingħataw is-setgħa, skont l-Artikolu 2(1) TFUE u b’rispett sħiħ għall-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, li jaderixxu mal-Konvenzjoni flimkien mal-Unjoni.

(7)

Il-Kummissjoni ser tistieden lil kull Stat Membru jibgħat rappreżentant wieħed biex jakkumpanja r-rappreżentanza tal-Kummissjoni bħala parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni għal-laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet. Għandu jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

(8)

Fir-rigward ta’ kwalunkwe ftehim ieħor li jista’ jiġi konkluż fil-futur taħt l-awspiċi tal-Kunsill tal-Ewropa jew f’fora internazzjonali oħra, inkluż fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali, u fir-rigward ta’ kwalunkwe emenda għall-Konvenzjoni, jenħtieġ li l-qsim tal-kompetenzi esterni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri jiġi vvalutat fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull tali strument. Huwa tal-ikbar importanza li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu jkomplu jaqdu r-rwol dirett u attiv tagħhom li jsemmgħu leħen l-Unjoni u jiddefendu l-interessi tagħha, b’mod konsistenti u koordinat, f’konformità sħiħa mat-Trattati.

(9)

F’konformità mat-Trattati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura l-iffirmar tal-Konvenzjoni, soġġett għall-konklużjoni tagħha f’data aktar tard,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, id-Drittijiet tal-Bniedem, id-Demokrazija u l-Istat tad-Dritt (“il-Konvenzjoni”) hu b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmija Konvenzjoni (9).

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-iffirmar tal-Konvenzjoni, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Awwissu 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2349 tal-21 ta’ Novembru 2022 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għal konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-intelliġenza artifiċjali, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, (ĠU L 311, 2.12.2022, p. 138).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 300/2008, (UE) Nru 167/2013, (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1139 u (UE) 2019/2144 u d-Direttivi 2014/90/UE, (UE) 2016/797 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali), ĠU L, 2024/1689, 12.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1689/oj).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika (ĠU L 180,19.7.2000, p. 22).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2024/900 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku (ĠU L, 2024/900, 20.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/900/oj).

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29).

(9)  It-test tal-Konvenzjoni ser jiġi ppublikat flimkien mad-deċiżjoni mal-konklużjoni tiegħu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2218/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)