European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2119

30.7.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2119

tad-29 ta’ Lulju 2024

dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fir-Rumanija

(notifikata bid-dokument C(2024) 5582)

(It-test Rumen biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar hija marda infettiva li taffettwa lill-annimali kaprini u ovini u li jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tal-biedja, u dan jikkawża tfixkil fil-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fi ħdan l-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

F’każ ta’ tifqigħa tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fl-annimali kaprini u ovini, hemm riskju serju li dik il-marda tinxtered fi stabbilimenti oħra ta’ annimali kaprini jew ovini.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluża l-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar, u ċerti miżuri li għandhom jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta għandha tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u jekk ikun meħtieġ, żoni ristretti ulterjuri madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom.

(4)

Ir-Rumanija infurmat lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni attwali fit-territorju tagħha fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar, wara tifqigħa ta’ dik il-marda fl-annimali ovini miżmuma fil-lokalità ta’ Baia, fil-kontea ta’ Tulcea, li ġiet ikkonfermata fid-19 ta’ Lulju 2024, u, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, stabbiliet żona ristretta, li tinkludi żona ta’ protezzjoni u żona ta’ sorveljanza, fejn jiġu applikati l-miżuri ta’ kontroll tal-mard stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687. Sussegwentement, ir-Rumanija infurmat lill-Kummissjoni dwar ħames tifqigħat addizzjonali ta’ infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar, tlieta kkonfermati fit-22 ta’ Lulju 2024, u tnejn oħra kkonfermati fit-23 ta’ Lulju. Tnejn minn dawk it-tifqigħat addizzjonali kienu jinsabu fiż-żona ta’ protezzjoni diġà stabbilita minn dak l-Istat Membru madwar l-ewwel tifqigħa, filwaqt li t-tlieta l-oħra kienu jinsabu barra miż-żona ristretta madwar l-ewwel tifqigħa. Barra minn hekk, l-aħħar tifqigħa kienet tinsab fil-kontea ta’ Contanta.

(5)

Sabiex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-marda, biex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u sabiex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni, tiġi identifikata malajr iż-żona ristretta għall-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar, li tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, kif ukoll żona ristretta ulterjuri, fir-Rumanija.

(6)

Id-daqs taż-żoni u d-durata tal-miżuri li għandhom jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza u f’żoni ristretta ulterjuri jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 u r-regoli stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, inkluża s-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fiż-żoni affettwati minn dik il-marda u s-sitwazzjoni epidemjoloġika ġenerali tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fl-Istat Membru kkonċernat kif ukoll il-livell tar-riskju għal aktar tixrid ta’ dik il-marda. Jenħtieġ li d-durata tal-miżuri tqis ukoll l-istandards internazzjonali, tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH). Fis-sitwazzjoni attwali, hemm riskju għoli ħafna ta’ aktar tixrid tal-marda, b’mod partikolari minħabba l-fatt li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti, l-ewwel stabbiliment affettwat qed iżomm aktar minn ħamsin elf nagħġa u jispeċjalizza fix-xiri tan-nagħaġ tas-simna, destinati għall-esportazzjoni jew għall-kummerċ intra-Unjoni, filwaqt li l-istabbilimenti affettwati sussegwentement iżommu aktar minn sitta u erbgħin elf annimal b’kollox. Barra minn hekk, fi żmien ftit jiem, il-marda nfirxet sa 15-il kilometru mill-ewwel tifqigħa u l-informazzjoni epidemjoloġika disponibbli tissuġġerixxi li l-marda kienet preżenti fiż-żona għal perjodu ta’ żmien qabel ma ġiet dijanjostikata.

(7)

Għaldaqstant, iż-żoni identifikati bħala żoni ta’ protezzjoni, żoni ta’ sorveljanza u żoni ristretti ulterjuri fir-Rumanija jenħtieġ li jiġu stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li jiġi stabbilit it-tul ta’ żmien ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni.

(8)

Minħabba s-severità u l-urġenza tas-sitwazzjoni u sabiex jiġi limitat minnufih it-tixrid tal-marda wara din l-ewwel okkorrenza f’dak l-Istat Membru, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-movimenti tal-annimali miż-żona ta’ protezzjoni, miż-żona ta’ sorveljanza u minn żoni ristretti ulterjuri lejn destinazzjonijiet barra mill-perimetru estern taż-żona ristretta ulterjuri ma jseħħux, u jiġu esklużi derogi possibbli mill-projbizzjoni li l-annimali jiġu mċaqalqa kif previst fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, għal ċertu perjodu ta’ żmien, sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-marda fuq distanza twila.

(9)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar u l-ħtieġa li l-marda ma tinxteridx mill-istabbilimenti affettwati fir-Rumanija lejn partijiet oħra ta’ dak l-Istat Membru jew lejn Stati Membri oħra, jenħtieġ li l-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni japplikaw malajr kemm jista’ jkun.

(10)

Għaldaqstant, iż-żoni identifikati bħala żoni ta’ protezzjoni, żoni ta’ sorveljanza u żoni ristretti ulterjuri fir-Rumanija jenħtieġ li jiġu stabbiliti immedjatament u jiġu elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li jiġi stabbilit it-tul ta’ żmien ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni u li jiġu ristretti l-movimenti tal-annimali.

(11)

Barra minn hekk, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali fl-Unjoni fir-rigward tal-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika sat-30 ta’ Novembru 2024.

(12)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi fil-livell tal-Unjoni:

(a)

iż-żoni ristretti li jinkludu żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza li għandhom jiġu stabbiliti mir-Rumanija wara tifqigħat ta’ infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fit-territorju tagħha, kif ukoll żona ristretta ulterjuri f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687;

(b)

id-durata tal-miżuri għall-kontroll tal-mard li għandhom jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni f’konformità mal-Artikolu 39 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, fiż-żoni ta’ sorveljanza f’konformità mal-Artikolu 55 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u fiż-żona ristretta ulterjuri f’konformità mal-Artikolu 21 ta’ dak ir-Regolament Delegat.

Artikolu 2

L-istabbiliment ta’ żona ristretta

Ir-Rumanija għandha tiżgura li:

(a)

tiġi stabbilita minnufih mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru żona ristretta li tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, kif ukoll żona ristretta ulterjuri, f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu;

(b)

iż-żoni ta’ protezzjoni, iż-żoni ta’ sorveljanza u ż-żoni ristretti ulterjuri msemmija fil-punt (a) jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni;

(c)

il-miżuri li jeħtieġ li jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni, ta’ sorveljanza u fiż-żoni ristretti ulterjuri, huma applikati mill-inqas sad-dati elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Miżuri fiż-żona ristretta

Il-movimenti tan-nagħaġ u tal-mogħoż miż-żoni ta’ protezzjoni, ta’ sorveljanza u miż-żoni ristretti ulterjuri lejn destinazzjoni li tinsab barra l-perimetru estern taż-żona ristretta ulterjuri kif previst fil-Punt B tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni huma pprojbiti sad-dati elenkati għal kull żona fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta’ Novembru 2024.

Artikolu 5

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).


ANNESS

A.   Żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti madwar it-tifqigħa kkonfermata

Unità reġjonali u numru ta’ referenza tal-ADIS tat-tifqigħa

Żoni stabbiliti bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, parti miż-żona ristretta fir-Rumanija kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Il-Kontea ta’ Tulcea

RO-PPR-2024-00001

RO-PPR-2024-00002

RO-PPR-2024-00003

RO-PPR-2024-00004

RO-PPR-2024-00005

Protection zone:

The following communes:

Babadag

Baia

Beidaud

Casimcea

Ceamurlia de Jos

Ciucurova

Frecatei

Izvoarele

Jurilovca

Mihai Bravu

Mihail Kogalniceanu

Nabant

Sarichioi

Slava Cercheza

Stejaru

Topolog

Valea Nucarilor

26.8.2024

Surveillance zone:

The following communes:

Bestepe

Cerna

Daeni

Dorobantu

Hamcearca

Horia

Isaccea

Mahmudia

Murighiol

Niculitel

Nufaru

Ostrov

Peceneaga

Somova

Tulcea

Valea Teilor

4.9.2024

Surveillance zone:

The following communes:

Babadag

Baia

Beidaud

Casimcea

Ceamurlia de Jos

Ciucurova

Frecatei

Izvoarele

Jurilovca

Mihai Bravu

Mihail Kogalniceanu

Nabant

Sarichioi

Slava Cercheza

Stejaru

Topolog

Valea Nucarilor

27.8.2024 – 4.9.2024

Il-Kontea ta’ Constanta

RO-PPR-2024-00006

Protection zone:

The following communes:

Cogealac

Corbu

Fantanele

Gradina

Istria

Mihai Viteazu

Sacele

26.8.2024

Surveillance zone:

The following communes:

Garliciu

Lumina

Mihail Kogalniceanu

Navodari

Pantelimon

Saraiu

Targusor

Vulturu

4.9.2024

Surveillance zone:

The following communes:

Cogealac

Corbu

Fantanele

Gradina

Istria

Mihai Viteazu

Sacele

27.8.2024 – 4.9.2024

B.   Żoni ristretti ulterjuri

Unità reġjonali

Żoni inklużi fiż-żona ristretta ulterjuri stabbilita fir-Rumanija kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Il-Kontea ta’ Tulcea

The entire county of Tulcea, excluding the areas included in any protection or surveillance zone.

4.9.2024

The entire county of Tulcea

5.9.2024 – 4.10.2024

Il-Kontea ta’ Constanta

The following communes:

Castelu

Ciobanu

Constanta

Crucea

Cuza Voda

Ghindaresti

Harsova

Horia

Nicolae Balcescu

Ovidiu

Poarta Alba

Silistea

Topalu

Tortoman

excluding the areas included in any protection or surveillance zone.

4.9.2024

The following communes:

Castelu

Ciobanu

Constanta

Crucea

Cuza Voda

Ghindaresti

Harsova

Horia

Nicolae Balcescu

Ovidiu

Poarta Alba

Silistea

Topalu

Tortoman

5.9.2024 – 4.10.2024

Il-Kontea ta’ Braila

The following communes:

Frecatei

Marasu

4.10.2024


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2119/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)