|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2109 |
31.7.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2109
tad-29 ta’ Lulju 2024
li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2024/1177 dwar is-sospensjoni tal-approvazzjoni ta’ tagħmir tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili bil-marka “Timbru tal-UE”
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 tal-5 ta’ Novembru 2015 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (1), u b’mod partikolari l-punt 12.0.4.1 tal-Anness tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni msemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jinkludu proċeduri għall-approvazzjoni u għall-użu tat-tagħmir tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili. |
|
(2) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 stabbilixxa reġim armonizzat għall-approvazzjoni tat-tagħmir tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2147 (3) tistabbilixxi lista konsolidata tat-tagħmir tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili approvat bl-istatus tal-marka “Timbru tal-UE” għat-tagħmir ikkonfermat permezz tal-proċess tal-evalwazzjoni komuni tal-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili, għall-fini tal-installazzjoni u tal-użu mal-Unjoni kollha. |
|
(4) |
F’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 u b’mod partikolari l-punt 12.0.4.1 tal-Anness ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2024/1177 (4) li ssospendiet l-istatus tal-marka “Timbru tal-UE” ta’ konfigurazzjoni speċifika tat-tagħmir tas-sistema tad-detezzjoni tal-isplussivi għall-bagalji tal-kabina (EDSCB) tal-istandard C3, abbażi ta’ informazzjoni li tindika li l-prestazzjoni tagħha ma kinitx tissodisfa l-istandard li għalih kienet ġiet approvata. |
|
(5) |
Id-Deċiżjoni (UE) 2024/1177 ipprevediet il-possibbiltà li biċċiet tal-konfigurazzjoni diġà installati jitħaddmu f’konformità mal-kunċett tal-operazzjonijiet għat-tagħmir tal-EDSCB tal-istandard C3, b’limitu tal-iskrinjar tal-volum massimu ta’ kontenituri individwali tal-LAGs li ma jaqbiżx it-330 ml. |
|
(6) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2108 (5), applikabbli mill-1 ta’ Settembru 2024, jintroduċi miżura ta’ prekawzjoni fil-forma ta’ limitazzjoni għall-volum massimu ta’ kontenituri tal-LAGs individwali li jistgħu jiġu skrinjati permezz ta’ kwalunkwe waħda mill-konfigurazzjonijiet approvati attwalment tat-tagħmir tal-EDSCB tal-istandard C3 sabiex tinżamm is-sigurtà tal-ivvjaġġar bl-ajru. |
|
(7) |
Għalhekk, id-Deċiżjoni (UE) 2024/1177 jenħtieġ li titħassar, peress li t-tagħmir ikkonċernat minn hawn ’il quddiem se jitħaddem f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/2108 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998. |
|
(8) |
Il-bażi tad-data kkonsolidata tal-Unjoni li telenka t-tagħmir permess għall-installazzjoni u għall-użu mal-Unjoni kollha jenħtieġ li tiġi aġġornata skont dan, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni (UE) 2024/1177 titħassar b’effett mill-1 ta’ Settembru 2024.
Artikolu 2
Il-“bażi tad-data tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-katina tal-provvista — it-tagħmir tas-sigurtà” għandha tiġi aġġornata kif xieraq.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Lulju 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 299, 14.11.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1998/oj.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/300/oj).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2147 tat-3 ta’ Diċembru 2021 dwar l-approvazzjoni tat-tagħmir tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili bil-marka “Timbru tal-UE” (EU Stamp) (ĠU L 433, 6.12.2021, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/2147/oj).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1177 tat-23 ta’ April 2024 dwar is-sospensjoni tal-approvazzjoni tat-tagħmir tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili bil-marka “Timbru tal-UE” (ĠU L, 2024/1177, 25.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1177/oj).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2108 tad-29 ta’ Lulju 2024 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 fir-rigward ta’ ċerti miżuri urġenti tas-sigurtà tal-avjazzjoni rigward tagħmir għall-iskrinjar tas-sigurtà ta’ likwidi, aerosols u ġellijiet (ĠU L, 2024/2108, 31.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2108/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2109/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)