European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2071

1.8.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2071

tal-31 ta’ Lulju 2024

li tirrifjuta t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ Scansmoke PB 1110 (SF-001) bħala prodott primarju ta’ aromatizzant b’togħma affumikata

(notifikata bid-dokument C(2024) 3700)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) 2065/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Novembru 2003 dwar it-taħwir bl-affumikazzjoni użat jew intiż għall-użu fi jew fuq l-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 2065/2003 jistipula li l-aromatizzanti b’togħma affumikata inklużi fil-lista tal-Unjoni ta’ prodotti primarji ta’ aromatizzant b’togħma affumikata awtorizzati (“il-lista tal-Unjoni”) biss jistgħu jiġu introdotti fis-suq fl-Unjoni.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2013 (2) stabbilixxa l-lista tal-Unjoni. Il-prodott Scansmoke PB 1110 (SF-001) ġie inkluż f’dik il-lista bid-data ta’ skadenza tal-awtorizzazzjoni tal-1 ta’ Jannar 2024.

(3)

Fit-30 ta’ Ġunju 2022, il-kumpanija proFagus GmbH ressqet applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ Scansmoke PB 1110 (SF-001) bħala prodott primarju ta’ aromatizzant b’togħma affumikata u talbet li l-prodott jingħata l-isem ġdid “proFagus Smoke R714”.

(4)

Fit-28 ta’ Settembru 2023, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat l-opinjoni xjentifika tagħha dwar is-sikurezza ta’ Scansmoke PB 1110 (SF-001) (3).

(5)

Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità nnotat li Scansmoke PB 1110 (SF-001) fih is-sustanza furan-2(5H)-on u kkonkludiet li ġie identifikat tħassib dwar il-ġenotossiċità għal din is-sustanza in vivo mal-amministrazzjoni orali. F’konformità mad-dikjarazzjoni tal-Awtorità dwar il-valutazzjoni tal-ġenotossiċità tat-taħlitiet kimiċi (4) u meta jitqies li l-istimi tal-esponiment għal dan il-komponent huma ogħla mil-limitu ta’ tħassib tossikoloġiku (TTC) ta’ 0,0025 μg/kg bw kuljum għall-mutaġeni u/jew għall-karċinoġeni reattivi għad-DNA, l-Awtorità kkonkludiet li Scansmoke PB 1110 (SF-001) iqajjem tħassib fir-rigward tal-ġenotossiċità. Barra minn hekk, l-Awtorità kkonkludiet li tliet komponenti oħra fi Scansmoke PB 1110 (SF-001) u l-parti mhux identifikata tiegħu jqajmu tħassib potenzjali dwar il-ġenotossiċità.

(6)

Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2065/2003, l-aromatizzanti b’togħma affumikata li ma jippreżentawx riskji għas-saħħa tal-bniedem biss jistgħu jiġu awtorizzati u introdotti fis-suq. Għalhekk, jixraq li t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ Scansmoke PB 1110 (SF-001) bħala prodott primarju ta’ aromatizzant b’togħma affumikata jiġi rrifjutat.

(7)

Madankollu, biex l-operaturi tan-negozji tal-ikel ikunu jistgħu jużaw il-prodott Scansmoke PB 1110 (SF-001) bħala prodott primarju ta’ aromatizzant b’togħma affumikata għall-produzzjoni tal-ikel li għandu jiġi introdott fis-suq sal-1 ta’ Lulju 2029, kif previst fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2067 (5), jenħtieġ li l-prodott Scansmoke PB 1110 (SF-001) jitħalla jiġi introdott fis-suq sa dik id-data.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ Scansmoke PB 1110 (SF-001) bħala prodott primarju ta’ aromatizzant b’togħma affumikata huwa rrifjutat.

Artikolu 2

Il-prodott Scansmoke PB 1110 (SF-001) jista’ jkompli jiġi introdott fis-suq sal-1 ta’ Lulju 2029.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil proFagus GmbH, Strategic Projects, Uslarer Straße 30, 37194 Bodenfelde, il-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 309, 26.11.2003, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/2065/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2013 tal-10 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ prodotti primarji awtorizzati ta’ taħwir bl-affumikazzjoni għall-użu bħala tali fl-ikel jew fuq l-ikel u/jew għall-produzzjoni ta’ taħwir bl-affumikazzjoni derivati (ĠU L 333, 12.12.2013, p. 54, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/1321/oj).

(3)  EFSA (2023), Scientific opinion on the renewal of the authorisation of proFagus Smoke R714 (SF-001) as a smoke flavouring Primary Product, EFSA Journal 2023, 21(11), https://doi.org/10.2903/j.efsa.2023.8363.

(4)  EFSA (2019). EFSA Journal 2019;17(1):5519, 11 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2019.5519.

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2067 tal-31 ta’ Lulju 2024 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1321/2013 fir-rigward tat-tħassir tal-entrati SF-001 sa SF-010 mil-lista tal-Unjoni ta’ prodotti primarji ta’ aromatizzant b’togħma affumikata awtorizzati (ĠU L, 2024/2067, 1.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2067/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2071/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)