European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2060

31.7.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2060

tat-30 ta’ Lulju 2024

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1192 fir-rigward tal-mudell għall-istħarriġiet ta’ Globodera pallida (Stone) Behrens u Globodera rostochiensis (Wollenweber) Behrens, l-użu ta’ metodi ta’ ttestjar u d-deżinjazzjoni ta’ siti tal-produzzjoni infestati

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1), il-punti (a) sa (h), tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1192 (2) jistabbilixxi miżuri għall-qerda u għall-prevenzjoni tat-tifrix ta’ Globodera pallida (Stone) Behrens u Globodera rostochiensis (Wollenweber) Behrens (“il-pesti speċifikati”) fit-territorju tal-Unjoni. Ħa post id-Direttiva tal-Kunsill 2007/33/KE (3), li tħassret bir-Regolament (UE) 2016/2031 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2022.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1192, l-awtoritajiet kompetenti jridu jiddeżinjaw sit tal-produzzjoni bħala infestat mill-pest speċifikat fejn il-preżenza tal-pest speċifikat f’dak is-sit tkun ġiet ikkonfermata uffiċjalment mit-testijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(3)

Kien hemm dubji dwar jekk l-għelieqi li ġew irreġistrati uffiċjalment mill-awtoritajiet kompetenti bħala infestati mill-pest speċifikat, skont l-Artikoli 8(1) jew 8(2) tad-Direttiva 2007/33/KE, qabel l-1 ta’ Jannar 2022 jenħtieġx li jiġu deżinjati wkoll bħala siti tal-produzzjoni infestati għall-finijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1192. Sabiex tiġi żgurata l-ogħla protezzjoni possibbli tat-territorju tal-Unjoni mill-pest speċifikat, jenħtieġ li tali għelieqi jkunu soġġetti għall-istess rekwiżiti bħas-siti tal-produzzjoni ddeżinjati bħala infestati skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1192. Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 5(1) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jenħtieġ li jagħmilha ċara li l-għelieqi rreġistrati uffiċjalment bħala infestati qabel l-1 ta’ Jannar 2022 jenħtieġ li jitqiesu wkoll bħala siti tal-produzzjoni infestati.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1192, sal-15 ta’ Lulju 2024, l-ittestjar jista’ jitwettaq bl-użu tal-metodu ta’ iżolament taċ-ċesti tan-nematodi mill-fdalijiet, segwit mid-detezzjoni u l-identifikazzjoni tal-ispeċi b’PCR f’ħin reali abbażi ta’ Beniers et al. 2014, minflok il-metodi fir-rigward tad-detezzjoni u l-identifikazzjoni tal-pesti speċifikati elenkati fil-punt 1(b) tal-Anness III.

(5)

Pubblikazzjoni (4) xjentifika reċenti kkonfermat il-validità u l-effettività ta’ dak il-metodu ta’ ttestjar. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li jiżdied mal-metodi tal-ittestjar stabbiliti fil-punti 1(b)(ii) u (iii) tal-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1192, bl-indikazzjoni “PCR f’ħin reali bbażat fuq Lombard et al. 2024’, filwaqt li l-Artikolu 13 jenħtieġ li jitħassar billi sar obsolet.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 3(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1192, l-Istati Membri jridu jirreġistraw uffiċjalment ir-riżultati tal-istħarriġiet uffiċjali ta’ detezzjoni u jagħmluhom aċċessibbli għall-Kummissjoni, fuq talba, f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(7)

Jeħtieġ li dak il-mudell tal-Anness IV isir aktar dettaljat biex tiġi żgurata reġistrazzjoni aktar komprensiva tar-riżultati rispettivi tal-istħarriġ. Għal din ir-raġuni, l-elementi li ġejjin jenħtieġ li jiġu inklużi fil-mudell il-ġdid: kategorija tal-istħarriġ permezz ta’ referenza speċifika għat-tuberi tal-patata jew pjanti ospitanti oħra, id-daqs inizjali u aġġornat taż-żona infestata, in-numru tan-notifika tat-tifqigħat il-ġodda u informazzjoni addizzjonali.

(8)

Barra minn hekk, jeħtieġ li fl-ewwel sentenza tiegħu fl-Anness IV jiġi ċċarat li l-mudell għandu jippreżenta r-riżultati tal-istħarriġiet imwettqa matul is-sena kalendarja ta’ qabel is-sena tar-rapportar.

(9)

Għalhekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1192 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1192

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1192 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 5(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

 

“Għelieqi rreġistrati uffiċjalment mill-awtoritajiet kompetenti bħala infestati, f’konformità mal-Artikolu 8(1) jew 8(2) tad-Direttiva 2007/33/KE, qabel l-1 ta’ Jannar 2022, għandhom jitqiesu li ġew deżinjati bħala siti tal-produzzjoni infestati;”

(2)

L-Artikolu 13 jitħassar;

(3)

fl-Anness III, il-punt 1(b) huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(ii)

l-iżolament taċ-ċesti ta’ Globodera mill-fdalijiet abbażi tal-morfoloġija taċ-ċesti, segwit mill-identifikazzjoni tal-ispeċi abbażi tal-morfoloġija taċ-ċesti u tal-larvi individwali, flimkien ma’ PCR f’ħin reali abbażi ta’ Gamel et al., 2017 jew PCR f’ħin reali abbażi ta’ Lombard et al. 2024 (*1);

(*1)  Lombard L, Dekker-Nooren CCEM, Wuijster B, van Kessel, SP, van Duivenbode I, van Bruggen AS, van Heese EYJ (2024) Comparing the effectiveness of real time PCRs to simultaneously detect and identify viable Globodera pallida and G. rostochiensis. Eur J Plant Pathol, https://doi.org/10.1007/s10658-024-02864-7 ”;"

(ii)

jiżdied li punt li ġej:

“(iv)

l-iżolament taċ-ċesti tan-nematodi mill-fdalijiet abbażi tal-morfoloġija taċ-ċesti, segwit mid-detezzjoni u l-identifikazzjoni tal-ispeċi abbażi tal-PCR f’ħin reali ta’ ċesti vijabbli u ta’ larvi ħajjin abbażi ta’ Lombard et al. 2024”;

(4)

L-Anness IV huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4, ELI http://data.europa.eu/eli/reg/2016/2031/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1192 tal-11 ta’ Lulju 2022 li jistabbilixxi miżuri għall-qerda ta’ Globodera pallida (Stone) Behrens u Globodera rostochiensis (Wollenweber) Behrens u għall-prevenzjoni tat-tifrix tagħhom (ĠU L 185, 12.7.2022, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1192/oj).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2007/33/KE tal-11 ta’ Ġunju 2007 dwar il-kontroll ta’ nematodi taċ-ċisti fil-patata u li tħassar id-Direttiva 69/465/KEE (ĠU L 156, 16.6.2007, p. 12, ELI http://data.europa.eu/eli/dir/2007/33/oj).

(4)  Lombard L, Dekker-Nooren CCEM, Wuijster B, van Kessel, SP, van Duivenbode I, van Bruggen AS, van Heese EYJ (2024) Comparing the effectiveness of real time PCRs to simultaneously detect and identify viable Globodera pallida and G. rostochiensis. Eur J Plant Pathol, https://doi.org/10.1007/s10658-024-02864-7.


ANNESS

L-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1192 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Mudell tal-istħarriġ imsemmi fl-Artikoli 3 u 6

Mudell għall-preżentazzjoni tar-riżultati tal-istħarriġiet dwar in-nematodi taċ-ċesti tal-patata mwettqa matul is-sena kalendarja ta’ qabel is-sena tar-rapportar.

Jekk jogħġbok uża din it-tabella biss għar-riżultati tal-istħarriġ għall-patata maħsuda f’pajjiżek.

Stat Membru

Tip ta’ Stħarriġ

Kategorija

Żona ta’ kultivazzjoni (ha) (1)

Żona mistħarrġa (ha)

Rata tal-kampjunar applikata skont il-punti 1-7 tal-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1192 (2)

Erja infestata wara l-ittestjar fil-laboratorju (ha)

 

 

 

 

G. p. biss (3)

G. r. biss (4)

G. p. u G. r. flimkien fl-istess sit tal-produzzjoni

Daqs inizjali tal-erja infestata (5) (ha)

Daqs aġġornat tal-erja infestata (6) (ha)

Numri tan-notifika tat-tifqigħat ġodda nnotifikati, skont kif applikabbli, f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1715

Informazzjoni addizzjonali

 

Detezzjoni (l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1192)

Patata għall-produzzjoni ta’ tuberi għat-tħawwil (7) ; kif ukoll

Pjanti ospitanti oħra, kif elenkati fl-Anness I tar- Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1192 (8)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Monitoraġġ (l- Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1192)

Patata għajr dik għat-tħawwil

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


(1)  Rilevanti biss f’każ ta’ stħarriġiet ta’ monitoraġġ.

(2)  Ir-rata tal-kampjunar skont it-tifsira tal-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1192 (fil-biċċa l-kbira ddeterminata mill-volum tal-kampjun); uża ringiela individwali għal kull rata ta’ kampjunar, rispettivament.

(3)   Globodera pallida.

(4)   Globodera rostochiensis.

(5)  Id-daqs totali tal-erja infestata fis-sena ta’ qabel is-sena koperta mir-rapport.

(6)  Id-daqs totali tal-erja infestata fis-sena koperta mir-rapport.

(7)  M’hemmx bżonn ta’ stħarriġ ta’ detezzjoni għat-tħawwil tal-patata maħsuba għall-produzzjoni tat-tuberi tal-patata li tkun se tintuża fl-istess post tal-produzzjoni li jkun jinsab f’żona ddefinita mill-awtoritajiet kompetenti.

(8)  M’hemmx bżonn ta’ stħarriġ ta’ detezzjoni għat-tħawwil ta’ pjanti tal-Anness I maħsuba għat-tħawwil mill-ġdid fl-istess post tal-produzzjoni li jinsab f’żona definita mill-awtoritajiet kompetenti u għall-pjanti elenkati fil-punti 2 u 3 tal-Anness I, maħsuba għat-tħawwil mill-ġdid, fejn il-pjanti maħsuda għandhom ikunu soġġetti għall-miżuri approvati uffiċjalment imsemmija fil-punt 1 tal-Anness II.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2060/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)