European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2059

2.8.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2059

tal-31 ta’ Mejju 2024

li jemeneda r-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal estenzjoni tas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(6), il-punt (b) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Repubblika ta’ Vanuatu hija elenkata fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1806 fost il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti mir-rekwiżit li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri għal soġġorni ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. L-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu ilha applikabbli mit-28 ta’ Mejju 2015, meta l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (“il-Ftehim”) (2) ġie ffirmat u beda japplika fuq bażi proviżorja f’konformità mal-Artikolu 8(1) tal-Ftehim. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2017.

(2)

Mill-25 ta’ Mejju 2015, Vanuatu ilu jopera skemi ta’ ċittadinanza b’investiment li permezz tagħhom ċittadini ta’ pajjiżi terzi li b’xi mod ieħor jenħtieġu viża għandhom il-possibbiltà li jiksbu ċ-ċittadinanza ta’ Vanuatu bi skambju għal investiment, b’tali mod li jiksbu aċċess mingħajr viża għall-Unjoni.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 8(2)(d), 8(3) u 8(6) punt (a) tar-Regolament (UE) 2018/1806, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għoti taċ-ċittadinanza minn Vanuatu skont l-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment tiegħu jikkostitwixxi riskju akbar għas-sigurtà interna u għall-ordni pubbliku tal-Istati Membri u adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/693 (3) dwar is-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu. Il-perjodu ta’ sospensjoni kien japplika mill-4 ta’ Mejju 2022 sat-3 ta’ Frar 2023.

(4)

Wara l-bidu tal-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(6), it-tielet subparagrafu, il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2018/1806, il-Kummissjoni stabbiliet djalogu msaħħaħ ma’ Vanuatu, bl-għan li tirrimedja għaċ-ċirkostanzi li wasslu għas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża. Madankollu, Vanuatu ma impenjax ruħu b’mod sinifikanti matul din il-fażi tad-djalogu. Għalhekk, peress li ċ-ċirkostanzi li wasslu għas-sospensjoni baqgħu jippersistu, f’konformità mal-Artikolu 8(6), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2018/1806, fl-1 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2023/222 (4) li jissospendi temporanjament l-applikazzjoni tal-Anness II għal perjodu ta’ 18-il xahar għaċ-ċittadini kollha ta’ Vanuatu. Il-perjodu ta’ sospensjoni japplika mill-4 ta’ Frar 2023 sat-3 ta’ Awwissu 2024.

(5)

Wara d-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament Delegat, il-Kummissjoni kompliet id-djalogu ma’ Vanuatu, b’erba’ laqgħat li saru bejn Frar 2023 u April 2024, u bosta skambji ta’ informazzjoni bil-miktub.

(6)

Il-biċċa l-kbira tat-tħassib relatat mal-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment operati minn Vanuatu li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/693 għadu jippersisti sal-lum. Filwaqt li Vanuatu adotta għadd ta’ bidliet leġiżlattivi fl-2023 bl-għan li jindirizza dak it-tħassib, naqas milli jipprovdi prova sodisfaċenti li dawn il-bidliet qed jiġu implimentati u huma biżżejjed biex itaffu r-riskji għas-sigurtà tal-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment tiegħu.

(7)

L-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment operati minn Vanuatu għad ma fihom l-ebda rekwiżit ta’ residenza effettiva jew preżenza fiżika f’Vanuatu għall-applikanti. Il-proċess ta’ applikazzjoni jkompli jiġi ġestit minn aġenziji speċjalizzati li ma jinsabux f’Vanuatu u b’hekk l-applikant ma għandux għalfejn ikollu kuntatt dirett mal-awtoritajiet ta’ Vanuatu. Ma ssir l-ebda intervista mal-applikant matul il-proċess tal-applikazzjoni. In-nuqqas ta’ rekwiżit għal intervista in persuna jnaqqas l-opportunitajiet għall-awtoritajiet ta’ Vanuatu biex jivvalutaw l-applikant kif suppost jew biex jikkorroboraw l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni, inklużi l-veraċità u l-kredibbiltà tagħha.

(8)

L-applikazzjonijiet ikomplu jiġu pproċessati bi skadenzi qosra ħafna. B’mod partikolari, il-proċess ta’ skrinjar u ta’ diliġenza dovuta ta’ applikazzjoni jieħu massimu ta’ 14-il jum, li jistgħu jiġu estiżi għal 30. Ir-rata ta’ rifjut kompliet tkun estremament baxxa, u b’hekk tikkorrobora l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-affidabbiltà baxxa tal-proċess ta’ skrinjar. Skont l-informazzjoni pprovduta minn Vanuatu, fl-2022 u fl-2023, Vanuatu rċieva 1988 applikazzjoni għaċ-ċittadinanza bi skambju għal investiment, li minnhom 27 biss ġew irrifjutati.

(9)

F’Marzu 2023, Vanuatu emenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza tiegħu billi ssostitwixxa l-istituzzjonijiet u l-proċeduri għall-iskrinjar u l-kontrolli tad-diliġenza dovuta tal-applikazzjonijiet. B’mod partikolari, il-Kumitat tal-Iskrinjar Intern preċedenti maħtur mill-Prim Ministru ġie sostitwit minn tliet istituzzjonijiet: il-forza tal-Pulizija ta’ Vanuatu, l-Unità tal-Intelligence Finanzjarja u s-Servizzi tal-Immigrazzjoni ta’ Vanuatu. Dawk l-istituzzjonijiet iwettqu l-kontrolli, inkluż fuq il-bażijiet ta’ data tal-Interpol, u jirrapportaw lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni taċ-Ċittadinanza. Filwaqt li minn naħa waħda din il-proċedura l-ġdida tidher li ttaffi r-riskju li tingħata ċ-ċittadinanza lil persuni li huma elenkati fil-bażijiet tad-data tal-Interpol, min-naħa l-oħra ma tinkludix elementi oħra meħtieġa biex jiġi vvalutat kif xieraq in-nuqqas ta’ riskji għas-sigurtà tal-applikanti. B’mod partikolari, ma hemm l-ebda mezz adegwat għall-awtoritajiet ta’ Vanuatu biex jivverifikaw il-veraċità tad-dokumenti maħruġa mill-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ residenza tal-applikant, inkluż id-dokumenti tal-identità u r-rekords kriminali, peress li dawk l-awtoritajiet ma jiskambjaw l-ebda informazzjoni mal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ residenza tal-applikanti.

(10)

Il-pajjiżi ta’ oriġini tal-applikanti magħżula fl-2022 u fl-2023 jinkludu l-aktar pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom bżonn viża għal soġġorni qosra fl-Unjoni. Fl-2023, il-biċċa l-kbira tal-applikazzjonijiet kienu minn ċittadini taċ-Ċina (519) u tar-Russja (237). Għall-kuntrarju ta’ pajjiżi terzi oħra li joperaw skemi ta’ ċittadinanza b’investiment, Vanuatu kompla jaċċetta u jipproċessa applikazzjonijiet minn ċittadini Russi wara l-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

(11)

Qabel l-2021, persuni li jkunu kisbu ċ-ċittadinanza ta’ Vanuatu permezz ta’ programm ta’ ċittadinanza b’investiment, sussegwentement setgħu japplikaw ukoll għal bidla tal-isem f’Vanuatu. Matul id-djalogu, Vanuatu informa lill-Kummissjoni li fl-2021 il-leġiżlazzjoni rilevanti ġiet emendata u tipprevedi li l-persuni li għandhom ċittadinanza doppja ma jistawx jagħmlu bidla fl-isem irreġistrat f’Vanuatu. Madankollu, Vanuatu informa wkoll lill-Kummissjoni li ma għandu l-ebda rekord ta’ bidliet fl-isem mill-2019, u għalhekk ma seta’ jipprovdi l-ebda informazzjoni dwar l-għadd ta’ persuni li kisbu ċ-ċittadinanza permezz ta’ investiment u sussegwentement biddlu isimhom, jew dwar kwalunkwe kontroll ta’ segwitu fuq dawk il-persuni.

(12)

Filwaqt li Vanuatu informa lill-Kummissjoni li, abbażi tal-ġurisprudenza tiegħu, huwa possibbli li tiġi revokata ċ-ċittadinanza fejn din tkun inkisbet permezz ta’ frodi jew kontra l-liġi, huwa ma pprovdiex informazzjoni dwar każijiet attwali ta’ revoka taċ-ċittadinanza miksuba permezz tal-iskemi tal-investituri. Barra minn hekk, Vanuatu ma implimenta l-ebda mekkaniżmu strutturali ta’ monitoraġġ ex post biex jindirizza l-lakuni potenzjali tas-sigurtà ta’ aktar minn 10 000 passaport maħruġa qabel il-bidla fil-leġiżlazzjoni u l-proċedura ta’ skrinjar allegatament aktar robusta. Fi Frar 2023, Vanuatu stabbilixxa Kummissjoni ta’ inkjesta bil-kompitu li tinvestiga kwalunkwe allegat nuqqas imwettaq matul l-operat tal-iskemi sa mill-istabbiliment tagħhom. F’April 2024, Vanuatu informa li l-investigazzjoni tal-Kummissjoni ta’ inkjesta kienet għadha għaddejja u li ma setgħetx tipprovdi data meta se tipprovdi l-konlużjonijiet tagħha.

(13)

F’konformità mal-Artikolu 8(7) tar-Regolament (UE) 2018/1806, qabel tmiem il-perjodu ta’ validità tar-Regolament Delegat (UE) 2023/222, il-Kummissjoni ssottomettiet rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (5), li jiddeskrivi fid-dettall id-djalogu ma’ Vanuatu u li jikkonkludi li Vanuatu ma rrimedjax iċ-ċirkostanzi li wasslu għas-sospensjoni. Dak ir-rapport huwa akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva (6) biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) 2018/1806 sabiex ir-referenza għal Vanuatu tiġi trasferita mill-Anness II għall-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1806 u għalhekk terġa’ tidħol b’mod permanenti l-ħtieġa għal viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu.

(14)

F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(6) tar-Regolament (UE) 2018/1806, meta l-Kummissjoni tkun ippreżentat tali proposta leġiżlattiva, il-perjodu ta’ sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża fir-rigward ta’ Vanuatu għandu jiġi estiż b’sitt xhur, u n-nota f’qiegħ il-paġna għandha tiġi emendata skont dan.

(15)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (8).

(16)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (9) ta’ Schengen li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punti B u C, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (10).

(17)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (11), li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punti B u C tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (12).

(18)

Dan ir-Regolament ma jikkostitwix żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhux qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (13). għalhekk l-Irlanda mhux qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(19)

Fir-rigward ta’ Ċipru, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat mal-acquis ta’ Schengen fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 3(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża

Fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1806, il-parti 1, l-entrata li tikkonċerna lil Vanuatu hija sostitwita b’dan li ġej:

“Vanuatu (*1)

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-4 ta’ Awwissu 2024 sat-3 ta’ Frar 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1806/oj.

(2)   ĠU L 173, 3.7.2015, p. 48, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2015/1035/oj.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/693 tas-27 ta’ April 2022 dwar is-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu (ĠU L 129, 3.5.2022, p. 18, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/693/oj).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/222 tal-1 ta’ Diċembru 2022 dwar is-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu (ĠU L 32, 3.2.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/222/oj).

(5)  Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu (COM (2024) 366 final tal-31 ta’ Mejju 2024).

(6)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806 fir-rigward ta’ Vanuatu (COM (2024) 365 final tal-31 ta’ Mejju 2024).

(7)   ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1999/439(1)/oj.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1999/437/oj).

(9)   ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2008/178(1)/oj.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/146/oj).

(11)   ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/prot/2011/350/oj.

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/350/oj).

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/192/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/2059/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)