European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2045

24.7.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2045

tat-22 ta’ Lulju 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa fir-rigward tal-istatus tal-Unjoni Ewropea fil-Ftehim Parzjali Estiż dwar ir-Reġistru tad-Danni kkawżati mill-Aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-14 ta’ Novembru 2022, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) adottat Riżoluzzjoni li tirrikonoxxi l-ħtieġa għall-istabbiliment, f’kooperazzjoni mal-Ukrajna, ta’ mekkaniżmu internazzjonali għar-rimedju għal dannu, telf jew korriment li jirriżultaw mill-atti internazzjonalment illegali tal-Federazzjoni Russa fl-Ukrajna jew kontriha u tirrakkomanda li l-Istati Membri tan-NU, f’kooperazzjoni mal-Ukrajna, joħolqu reġistru internazzjonali tad-danni biex iservi bħala rekord ta’ evidenza u ta’ informazzjoni marbuta ma’ pretensjonijiet dwar tali danni, telf jew korrimenti.

(2)

Fit-12 ta’ Mejju 2023, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa adotta Riżoluzzjoni li tistabbilixxi l-Ftehim Parzjali Estiż dwar ir-Reġistru tad-Danni Kkawżati mill-Aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna (“ir-Reġistru”).

(3)

Ir-Reġistru għandu jservi bħala rekord, f’forma dokumentarja, ta’ evidenza u ta’ informazzjoni marbuta ma’ pretensjonijiet dwar dannu, telf jew korriment ikkawżati lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha kkonċernati, kif ukoll lill-Istat tal-Ukrajna, ikkawżati mill-24 ta’ Frar 2022 fit-territorju tal-Ukrajna mill-atti internazzjonalment illegali tal-Federazzjoni Russa fl-Ukrajna jew kontriha.

(4)

Fil-11 ta’ Mejju 2023, l-Unjoni ngħaqdet mar-Reġistru bħala Membru Assoċjat fundatur permezz ta’ notifika lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa. Fis-16 ta’ Mejju 2023, l-Unjoni ffirmat id-Dikjarazzjoni b’appoġġ għar-Reġistru stabbilit fl-Appendiċi I tad-Dikjarazzjoni ta’ Reykjavík. L-Unjoni ngħaqdet fir-Reġistru bħala Membru Assoċjat mingħajr preġudizzju għall-possibiltà ta’ bidla futura tal-istatus tagħha minn Membru Assoċjat għal Parteċipant fir-Reġistru.

(5)

Fid-29 ta’ Frar 2024, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2024/792 (1), li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna u b’hekk ipprovda bażi legali għall-finanzjament għal inizjattivi u korpi involuti fl-appoġġ u l-infurzar tal-ġustizzja internazzjonali fl-Ukrajna.

(6)

Minħabba l-interess tal-Unjoni li tiżgura li l-Federazzjoni Russa ġġarrab il-konsegwenzi legali tal-atti internazzjonalment illegali tagħha kontra l-Ukrajna, inkluż l-obbligu li tirrimedja kwalunkwe dannu, telf u korriment ikkawżati minn dawk l-atti, u l-interess tagħha li jkollha d-drittijiet sħaħ ta’ Parteċipant fir-Reġistru, huwa xieraq li l-istatus tal-Unjoni fir-Reġistru jinbidel minn Membru Assoċjat għal Parteċipant. Il-bidla fl-istatus tal-Unjoni fir-Reġistru jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tar-Reġistru.

(7)

Il-bidla fl-istatus tal-Unjoni fir-Reġistru hija mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet futuri li jistgħu jittieħdu fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-mekkaniżmu ta’ kumpens internazzjonali futur, li jista’ jinkludi kummissjoni ta’ pretensjonijiet u fond ta’ kumpens, imsemmija fir-Reġistru.

(8)

Il-parteċipanti fir-Reġistru huma meħtieġa jħallsu kontribuzzjoni obbligatorja annwali lir-Reġistru. Għall-Unjoni, dan il-ħlas għandu jsir f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/792,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa fir-rigward tal-istatus tal-Unjoni Ewropea fil-Ftehim Parzjali Estiż dwar ir-Reġistru tad-Danni kkawżati mill-Aggressjoni tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna (“ir-Reġistru”) għandha tkun li tiġi nnotifikata l-bidla fl-istatus tal-Unjoni minn Membru Assoċjat għal Parteċipant f’konformità mal-Artikolu 4.2 tal-Istatut tar-Reġistru.

2.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 u l-bidla prevista fl-istatus għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward tar-Reġistru.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna (ĠU L, 2024/792, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/792/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2045/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)