European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2043

30.7.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2043

tad-29 ta’ Lulju 2024

li jemenda l-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/690 fir-rigward tal-mard elenkat li għalih jista’ jiġi stabbilit l-istatus ta’ ħelsien mill-mard tal-kompartimenti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 37(4), il-punt (b), tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi, fost l-oħrajn, lista armonizzata ta’ mard trażmissibbli tal-annimali (mard elenkat), u regoli speċifiċi għall-mard għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ dak il-mard elenkat.

(2)

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li għandhom jiġu applikati għal kategoriji differenti ta’ mard elenkat, inklużi regoli għall-kompartimentalizzazzjoni.

(3)

L-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2016/429 jagħti lill-Istati Membri d-dritt li japplikaw għand il-Kummissjoni għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard tal-kompartimenti għal ċertu mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b), u (c), ta’ dak ir-Regolament.

(4)

L-approċċ ta’ kompartimentalizzazzjoni previst fir-Regolament (UE) 2016/429 huwa konformi mal-istandards internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (“WOAH”), u b’mod partikolari l-Kapitoli 4.4. u 4.5. tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri (2) rispettivament dwar it-tqassim f’żoni u l-kompartimentalizzazzjoni, u dwar l-applikazzjoni tal-kompartimentalizzazzjoni, li huma maħsuba biex jintużaw bħala bażi mill-Membri tal-WOAH għar-regolamenti tagħhom dwar il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard tal-annimali.

(5)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/690 (3) jistabbilixxi, fl-Anness II tiegħu, il-mard elenkat li għalih jista’ jiġi stabbilit l-istatus ta’ ħelsien mill-mard tal-kompartimenti f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2016/429.

(6)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (4) jiddefinixxi “marda tal-kategorija A” bħala marda elenkata li normalment ma sseħħx fl-Unjoni u li għaliha jridu jittieħdu miżuri ta’ eradikazzjoni immedjati malli tiġi identifikata, kif imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2016/429, u jelenka l-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja (HPAI) u l-infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle (NDV) bħala mard tal-kategorija A fl-Anness tiegħu.

(7)

Għalkemm l-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi l-possibbiltà li Stat Membru japplika għand il-Kummissjoni għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard tal-kompartimenti għall-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punt (a), tiegħu, l-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/690 ma jinkludix il-mard tal-kategorija A tal-annimali terrestri.

(8)

Minħabba s-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed tevolvi globalment tal-HPAI u tal-NDV, ir-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ dawn iż-żewġ mardiet elenkati fl-Unjoni jenħtieġ li jinkludu l-possibbiltà ta’ kompartimentalizzazzjoni.

(9)

Għalhekk, dawk iż-żewġ mardiet elenkati jenħtieġ li jiżdiedu mal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/690.

(10)

Għalhekk, l-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/690 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/690 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/ELI/reg/2016/429/oj.

(2)   https://www.woah.org/en/what-we-do/standards/codes-and-manuals/terrestrial-code-online-access/

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/690 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-mard elenkat soġġett għal programmi ta’ sorveljanza tal-Unjoni, l-ambitu ġeografiku ta’ tali programmi u l-mard elenkat li għalih jista’ jiġi stabbilit l-istatus ta’ ħelsien mill-mard tal-kompartimenti (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 341, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/690/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/2024-02-01)


ANNESS

Fit-tabella fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/690, jiżdiedu r-ringieli li ġejjin:

“Influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja

Infezzjoni bil-virus tal-marda ta’ Newcastle”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2043/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)