European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2022

29.7.2024

DEĊIŻJONI TAL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA

tat-18 ta’ Lulju 2024

li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tal-EDPS tal-15 ta’ Mejju 2020 [2024/2022]

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (1) (“ir-Regolament”), u b’mod partikolari, l-Artikoli 54(4) u 57(1)(q) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-EDPS tal-15 ta’ Mejju 2020 (2) adottati f’konformità mal-Artikolu 57(1)(q) tar-Regolament jipprevedu, fl-Artikolu 18, għal proċedura ta’ rieżami f’każijiet ta’ lmenti limitati għal evidenza fattwali u argumenti legali ġodda.

(2)

Madankollu, l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ rieżami ppreżentat diffikultajiet prattiċi u legali għall-istituzzjonijiet, il-korpi tal-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni kif ukoll għall-ilmentaturi. Il-proċedura ta’ rieżami għandha għalhekk titneħħa.

(3)

L-Artikolu 58(5) tar-Regolament jirrikjedi li l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-EDPS skont dak l-Artikolu għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa, inklużi rimedji ġudizzjarji effettivi u proċess ġust, stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni. Bl-istess mod, l-Artikolu 66(5) u (6) tar-Regolament jipprevedi li qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet li jimponu multa amministrattiva, l-EDPS għandu jagħti lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni li huwa s-suġġett tal-proċedimenti mmexxija mill-EDPS l-opportunità li jinstema’ dwar il-kwistjonijiet li għalihom ikun oġġezzjona l-EDPS. Sabiex jiġu ssalvagwardjati b’mod effettiv id-dritt għal amministrazzjoni tajba u d-drittijiet tad-difiża kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”), inkluż id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha b’mod negattiv, huwa għalhekk importanti li jiġu previsti regoli ċari fir-Regoli ta’ Proċedura tal-EDPS dwar l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet.

(4)

Il-kontrolluri jew il-proċessuri għandu jkollhom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom qabel ma tittieħed deċiżjoni li taffettwahom b’mod negattiv mill-EDPS. Għalhekk, ir-Regoli ta’ Proċedura tal-EDPS għandhom jipprevedu li l-EDPS jabbozza valutazzjoni preliminari u jikkomunikaha lill-kontrollur jew lill-proċessur li huwa s-suġġett tal-proċedimenti mwettqa mill-EDPS qabel ma jadotta deċiżjoni li jkun fiha sejba ta’ ksur tar-Regolament jew ta’ kwalunkwe att ieħor tal-Unjoni relatat mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni, jew meta jeżerċita setgħat korrettivi skont ir-Regolament, jew jimponi multa amministrattiva, jew jeżerċita setgħat kontra l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), jew l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE).

(5)

Il-kontrolluri jew il-proċessuri għandu jkollhom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom qabel ma tittieħed deċiżjoni li taffettwahom b’mod negattiv mill-EDPS. Għalhekk, ir-Regoli ta’ Proċedura tal-EDPS għandhom jispeċifikaw is-sitwazzjonijiet li fihom il-EDPS għandu jabbozza valutazzjoni preliminari u mbagħad jikkomunikaha lill-kontrollur jew lill-proċessur li huwa s-suġġett tal-proċedimenti mwettqa mill-EDPS.

(6)

Bl-istess mod, l-ilmentaturi għandu jkollhom l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom qabel ma tittieħed deċiżjoni li taffettwahom b’mod negattiv mill-EDPS. Għalhekk, ir-Regoli ta’ Proċedura tal-EDPS għandhom jispeċifikaw is-sitwazzjonijiet li fihom l-EDPS għandu jabbozza valutazzjoni preliminari u mbagħad jikkomunikaha lill-ilmentatur.

(7)

Il-valutazzjoni preliminari tikkostitwixxi salvagwardja proċedurali essenzjali li tiżgura li jiġi osservat id-dritt li wieħed jinstema’. Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-EDPS għandhom konsegwentement jistabbilixxu l-elementi li għandhom ikunu inklużi f’valutazzjoni preliminari bħal din. Minħabba li dawn l-elementi huma differenti f’każijiet fejn l-EDPS beħsiebu jimponi multa amministrattiva, ir-Regoli ta’ Proċedura tal-EDPS għandhom jistabbilixxu wkoll l-elementi li għandhom ikunu inklużi f’valutazzjoni preliminari f’dawn il-każijiet.

(8)

Tista’ tkun meħtieġa limitazzjoni tal-informazzjoni li tinsab fil-valutazzjoni preliminari biex jiġu protetti l-interessi msemmija fil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru. Dawn l-interessi jinkludu s-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika jew id-difiża tal-Istati Membri; il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika; objettivi importanti oħrajn ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari l-objettivi tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni jew interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, inklużi n-networks monetarji, baġitarji u ta’ tassazzjoni, is-saħħa pubblika u s-sigurtà soċjali; is-sigurtà interna tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, inkluż in-networks tal-komunikazzjoni elettronika tagħhom; il-protezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja u l-proċedimenti ġudizzjarji; il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ ksur tal-etika għal professjonijiet irregolati; funzjoni ta’ monitoraġġ, spezzjoni jew regolatorja marbuta, anke jekk okkażjonalment, mal-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali; il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn; l-infurzar tat-talbiet tal-liġi ċivili; l-evitar ta’ xkiel ta’ inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali; l-evitar ta’ preġudizzju għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali. Interessi oħra jinkludu interessi leġittimi ta’ kunfidenzjalità jew ta’ segretezza professjonali u kummerċjali. Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-EDPS għandhom għalhekk jinkludu referenzi speċifiċi għal dawn l-interessi u jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lill-ilmentatur.

(9)

Wara l-komunikazzjoni tal-valutazzjoni preliminari tiegħu, il-kontrollur jew il-proċessur u l-ilmentatur għandhom jingħataw l-opportunità li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom. L-EDPS għandu għalhekk jistabbilixxi regoli dwar meta għandu jagħti lill-kontrollur jew lill-proċessur, jew lill-ilmentatur, l-opportunità li jinstema’, u f’liema perjodu ta’ żmien.

(10)

L-aċċess għall-fajl jifforma parti mid-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal amministrazzjoni tajba stabbiliti fil-Karta. Madankollu, limitazzjoni għall-aċċess għall-fajl tal-EDPS tista’ tkun meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi msemmija fil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru u għalhekk għandha tkun riflessa fir-Regoli ta’ Proċedura tal-EDPS.

(11)

Biex jinżamm proċess ġust ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, ir-Regola ta’ Proċedura tal-EDPS għandha tikkjarifika li kwalunkwe deċiżjoni tal-EDPS għandha tkun ibbażata biss fuq sejbiet u miżuri li fuqhom il-kontrollur jew il-proċessur jew l-ilmentatur ikunu setgħu jikkummentaw, ħlief f’każijiet ta’ applikazzjoni tal-limitazzjonijiet meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi msemmija fil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.

(12)

Sabiex jiġi ggarantit b’mod konsistenti li kull miżura legalment vinkolanti tal-EDPS tirreferi għad-dritt għal rimedju effettiv, ir-Regola tal-Proċedura tal-EDPS għandha tipprevedi li l-EDPS jinforma, fit-test tad-deċiżjoni tiegħu, lill-kontrollur jew lill-proċessur, u lill-ilmentatur, dwar id-dritt tagħhom li jikkontestaw id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 18 ir-Regoli ta’ Proċedura tal-EDPS tal-15 ta’ Mejju 2020 huma emendati kif ġej:

“Artikolu 18

Valutazzjoni preliminari u d-dritt li wieħed jinstema’

1.   Qabel ma tittieħed deċiżjoni li fiha

(a)

sejba ta’ ksur tar-Regolament jew ta’ kwalunkwe att ieħor tal-Unjoni relatat mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni; jew

(b)

eżerċitar ta’ setgħat korrettivi skont l-Artikolu 58(2) tar-Regolament; jew

(c)

impożizzjoni ta’ multa amministrattiva skont l-Artikoli 58(2)(i) u 66 tar-Regolament, jew skont il-punt (l) tal-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) ; jew

(d)

eżerċitar ta’ setgħat kontra l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) skont il-punti (b), (c), (d) (e), (f), (g), (j), u (k) tal-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) 2016/794; jew

(e)

eżerċitar ta’ setgħat kontra l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) skont il-punti (b), (d) u (e) tal-Artikolu 85(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (*2) , jew

(f)

eżerċitar ta’ setgħat kontra l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) skont il-punti (b), (d) u (e) tal-Artikolu 40(3) tar-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3) ;

l-EDPS għandu jabbozza valutazzjoni preliminari u jikkomunikaha lill-kontrollur jew proċessur li jkun is-suġġett tal-proċedimenti mwettqa mill-EDPS (‘il-kontrollur jew proċessur’).

2.   Qabel ma jadotta deċiżjoni f’każijiet fejn l-EDPS beħsiebu jiċħad parzjalment jew kompletament ilment imressaq skont

(a)

l-Artikoli 63 u 68 tar-Regolament; jew

(b)

l-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) 2016/794; jew

(c)

l-Artikolu 88 tar-Regolament (UE) 2017/1939, jew

(d)

l-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) 2018/1727;

l-EDPS għandu jħejji abbozz ta’ valutazzjoni preliminari u jikkomunikaha lill-ilmentatur.

3.   Il-valutazzjoni preliminari għandu jkun fiha:

(a)

il-fatti stabbiliti rilevanti u r-referenzi għall-evidenza ta’ sostenn li l-EDPS beħsiebu joqgħod fuqhom biex jieħu d-deċiżjoni tiegħu;

(b)

il-valutazzjoni legali inizjali tal-EDPS tal-fatti, u kwalunkwe ksur allegat tar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data; u

(c)

kwalunkwe setgħa korrettiva prevista mill-EDPS, wara li kkunsidra fatturi aggravanti jew mitiganti.

4.   B’deroga mill-paragrafu 3, f’każijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18(1)(c), il-valutazzjoni preliminari għandu jkun fiha biss l-elementi rilevanti li fuqhom l-EDPS beħsiebu joqgħod fuqhom biex jiddeċiedi jekk jimponix multa amministrattiva u biex jiddeċiedi dwar l-ammont tal-multa amministrattiva, waqt li jqis l-elementi elenkati fl-Artikolu 66(1) tar-Regolament.

5.   L-EDPS jista’ jirrestrinġi l-informazzjoni pprovduta lill-ilmentatur fil-valutazzjoni preliminari msemmija fil-paragrafi 2 u 3, biex jipproteġi kwalunkwe wieħed mill-interessi msemmija:

(a)

l-Artikolu 25(1) tar-Regolament, jew

(b)

l-Artikoli 79(3), 81(1) jew 84(2) tar-Regolament; jew

(c)

l-Artikoli 58(3), 60(1) u 61(5) tar-Regolament (UE) 2017/1939, jew

(d)

kwalunkwe interess leġittimu ieħor ta’ kunfidenzjalità jew ta’ segretezza professjonali u kummerċjali.

F’każijiet bħal dawn, l-EDPS għandu jinforma lill-ilmentatur tal-anqas dwar il-parti(jiet) tal-ilment li beħsiebu jneħħi, u dwar il-ġustifikazzjoni għall-applikazzjoni ta’ kwalunkwe waħda mir-restrizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu. F’każijiet ta’ restrizzjoni ta’ informazzjoni għall-interessi msemmija fil-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu, l-EDPS jista’ jħalli barra informazzjoni dwar il-ġustifikazzjoni għall-applikazzjoni ta’ kwalunkwe waħda mir-restrizzjonijiet fejn id-dispożizzjoni tagħha timmina dawn l-interessi. F’każijiet bħal dawn, l-EDPS għandu jinforma lill-ilmentatur f’konformità mal-Artikolu 84(3) tar-Regolament u l-Artikolu 62(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939.

6.   L-EDPS għandu jagħti lill-kontrollur jew lill-proċessur u lill-ilmentatur l-opportunità li jinstemgħu dwar is-sejba ta’ ksur tar-Regolament jew ta’ kwalunkwe att ieħor tal-Unjoni relatat mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni, u/jew l-eżerċizzju ta’ setgħat korrettivi, jew l-impożizzjoni ta’ multa amministrattiva, jew fejn l-EDPS ikun beħsiebu jiċħad ilment parzjalment jew kompletament, skont kif ikun il-każ. L-EDPS għandu jistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih il-kontrollur jew il-proċessur u l-ilmentatur jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom bil-miktub, b’kont meħud tal-urġenza tal-kwistjoni.

7.   L-EDPS jista’ jillimita l-aċċess għall-fajl fejn dan ikun meħtieġ biex jipproteġi kwalunkwe wieħed mill-interessi msemmija fil-paragrafu 5 hawn fuq.

8.   L-EDPS għandu jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu biss fuq sejbiet u miżuri li dwarhom il-kontrollur jew il-proċessur jew l-ilmentatur setgħu jikkummentaw, ħlief f’każijiet ta’ applikazzjoni tal-paragrafi 5 u 7.

9.   L-EDPS għandu, fit-test tad-deċiżjoni tiegħu, jinforma lill-kontrollur jew lill-proċessur u lill-ilmentatur bid-dritt tagħhom li jikkontestaw id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell it-18 ta’ Lulju 2024.

Għall-EDPS

Wojciech Rafał WIEWIÓROWSKI

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)   ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

(2)  Deċiżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tal-15 ta’ Mejju 2020 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-EDPS (ĠU L 204, 26.6.2020, p. 49).


ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_rules/2024/2022/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)