European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2018

29.7.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2018

tas-26 ta’ Lulju 2024

fir-rigward tar-reviżjoni tat-tariffi u tal-imposti li għandhom jitħallsu lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u l-kundizzjonijiet għall-ħlas tagħhom

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 80(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/764 (2) jistabbilixxi t-tariffi u l-imposti li għandhom jitħallsu lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (“l-Aġenzija”) għat-twettiq ta’ ċerti attivitajiet u l-forniment ta’ servizzi oħra msemmija fir-Regolament (UE) 2016/796. Skont l-Artikolu 80(3) tar-Regolament (UE) 2016/796, l-ammont tat-tariffi u l-imposti għandu jiġi stabbilit f’tali livell li jiżgura li d-dħul fir-rigward tagħhom ikun suffiċjenti biex ikopri l-kost kollu tas-servizzi provduti.

(2)

L-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/764 jirrikjedi li l-Kummissjoni tivvaluta s-sistema għat-tariffi u l-imposti darba kull sena finanzjarja abbażi tar-riżultati finanzjarji tal-Aġenzija u l-istimi tan-nefqa u d-dħul futuri u fejn meħtieġ tirrevedi dawk it-tariffi u l-imposti. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/764 imbagħad għandu jiġi rieżaminat fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-Aġenzija fir-rapporti annwali tagħha.

(3)

Sa tmiem l-2023, l-Aġenzija kienet awtorizzat aktar minn 65 000 vettura, ħarġet kważi 200 ċertifikat ta’ sikurezza uniku u aċċettat soluzzjonijiet tekniċi għal aktar minn 10 implimentazzjonijiet maġenb il-binarji tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS). Tali proċessi ppermettew lill-Aġenzija tiġbor id-data meħtieġa biex tiddefinixxi tariffi fissi ulterjuri għal tipi speċifiċi ta’ applikazzjonijiet u servizzi.

(4)

L-għadd dejjem akbar ta’ awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-vetturi maħruġa mill-Aġenzija jirriżulta f’żieda fl-ammont ta’ xogħol, b’mod partikolari għall-ipproċessar tan-notifiki tal-bidliet introdotti fil-vetturi awtorizzati, f’konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/545 (3), u għall-ipproċessar tat-talbiet għad-dħul tad-data fir-reġistru Ewropew tat-tipi ta’ vetturi awtorizzati (ERATV) għal tipi ġodda ta’ vetturi u varjanti tat-tip ta’ vetturi. Għal raġunijiet ta’ trasparenza u prevedibbiltà għall-applikanti, u biex jiġi żgurat l-irkupru sħiħ tal-kostijiet assoċjati, jenħtieġ li jiġu introdotti tariffi fissi għall-ipproċessar ta’ tali notifiki u talbiet.

(5)

Fil-każ ta’ applikazzjonijiet li jikkonċernaw l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ vaguni tal-merkanzija kif definit fil-punt 2.1 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 321/2013 (4) fejn iż-żona tal-użu hija l-Unjoni kollha, l-unika entità awtorizzanti hija l-Aġenzija. Għaldaqstant, l-introduzzjoni ta’ tariffa fissa għal dawk l-applikazzjonijiet hija xierqa.

(6)

Il-livell ta’ tariffi fissi jenħtieġ li jiġi kkalkulat abbażi tal-ammont medju ta’ xogħol assoċjat mal-ipproċessar ta’ tip rilevanti ta’ applikazzjoni, talba jew notifika.

(7)

Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/764, l-Aġenzija għandha toħroġ fattura finali lill-applikant fi żmien 30 jum kalendarju mid-deċiżjoni tagħha. Madankollu, ma hemm l-ebda skadenza simili għall-konsenja ta’ dikjarazzjonijiet tal-kostijiet mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza li jipparteċipaw fil-valutazzjoni tal-Aġenzija. Dikjarazzjonijiet nieqsa tal-kostijiet idewmu l-ħruġ tal-fattura finali mill-Aġenzija. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi rivedut it-twaqqit għall-ħruġ tal-fatturi mill-Aġenzija u li jiġu inklużi l-iskadenzi għall-konsenja tad-dikjarazzjonijiet tal-kostijiet mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza.

(8)

L-esperjenza fl-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/764 uriet li, sabiex jiġi evitat nuqqas ta’ ftehim u jiġi ssimplifikat aktar it-trattament tal-fatturi, diversi dispożizzjonijiet jeħtieġu kjarifika. Għal dak l-għan, jenħtieġ li jiġu introdotti bidliet biex l-Aġenzija tkun tista’ toħroġ fatturi ta’ kull xahar jew multipli u biex jiġu skoraġġuti talbiet tard għall-applikazzjoni ta’ tnaqqis għal intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju.

(9)

Filwaqt li l-introduzzjoni ta’ tariffi fissi għal ċerti attivitajiet tal-Aġenzija kellha riżultati pożittivi f’termini ta’ żieda fit-trasparenza tal-kostijiet fis-suq ferrovjarju, fl-oqsma li jifdal it-tariffi fissi jistgħu ma jkunux xierqa minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-applikazzjonijiet individwali li jikkawżaw varjabbiltà sinifikanti tal-ammont ta’ xogħol meħtieġ biex jiġu pproċessati, kif ukoll minħabba li għalissa hemm differenzi fil-kostijiet sottostanti relatati. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta l-Aġenzija tkun meħtieġa tikkonsulta mal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza u għalhekk it-tariffa finali mħallsa mill-applikant ikun fiha parti varjabbli li tirrifletti t-tariffi mitluba mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza, li l-biċċa l-kbira minnhom s’issa japplikaw rati fis-siegħa.

(10)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li ma hemmx bżonn li tiġi stabbilita skadenza speċifika għar-reviżjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/764 bil-ħsieb li jiġu introdotti tariffi fissi ulterjuri. Ir-rekwiżit ta’ bidla gradwali minn tariffi varjabbli għal tariffi fissi jenħtieġ li jinżamm, madankollu ir-reviżjonijiet ulterjuri tat-tariffi u tal-imposti ma għandhomx jiġu xprunati minn skadenza iżda għandhom isiru kull fejn ikunu ġustifikati u meħtieġa.

(11)

F’konformità mal-Artikolu 10 (1a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/764, l-indiċjar annwali tat-tariffi u l-imposti tal-Aġenzija jrid iqis l-aġġornament annwali tar-remunerazzjoni u tal-pensjonijiet tal-persunal tal-Aġenzija kif ukoll ir-rata tal-inflazzjoni fl-Unjoni. L-Aġenzija tippubblika regolarment tariffi u imposti indiċjati għas-sena ta’ wara fuq is-sit web tagħha u l-applikazzjoni tagħhom ma teħtieġx reviżjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Peress li dan ir-Regolament iżid entrati ġodda għal tipi speċifiċi ta’ tariffi, li jiġu kkalkolati bl-użu tar-rata fis-siegħa tal-Aġenzija, indiċjati għall-valuri tal-2024, il-Kummissjoni tqis li l-valuri kollha pprovduti minn dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu aġġornati biex jirriflettu l-livell attwali tat-tariffi u l-imposti għas-sena 2024.

(12)

Sabiex jiġi żgurat żmien adegwat għall-applikanti u għall-Aġenzija biex jadattaw għar-regoli l-ġodda, huwa xieraq li tiġi stabbilita data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, minħabba li l-attivitajiet imwettqa mill-Aġenzija jistgħu jeħtieġu żmien twil, ċerti attivitajiet jistgħu jkunu għaddejjin fid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, jixraq li jiġu stabbiliti wkoll dispożizzjonijiet tranżitorji li skonthom jenħtieġ li japplikaw ir-regoli stabbiliti fil-verżjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/764 fis-seħħ qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-kalkolu tat-tariffi għall-applikazzjonijiet, għat-talbiet u għan-notifiki sottomessi qabel dik id-data.

(13)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/764 jiġi emendat skont dan.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 81 tar-Regolament (UE) 2016/796.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/764 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1(3), il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

l-għoti ta’ opinjoni dwar it-talba għal approvazzjoni tat-tagħmir maġenb il-binarji tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) f’konformità mal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 19(3) tad-Direttiva (UE) 2016/797;”;

(2)

fl-Artikolu 2, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-Aġenzija għandha timponi tariffi fil-każijiet li ġejjin:

(a)

għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet permezz tal-OSS lill-Aġenzija, meta tali tariffi ma jkunux inklużi fit-tariffi fissi għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet;

(b)

għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, tat-talbiet u tan-notifiki sottomessi lill-Aġenzija, inkluż għall-ħruġ tal-istimi msemmija fl-Artikolu 4 jew meta applikazzjoni, talba jew notifika sussegwentement jiġu rtirati mill-applikant;

(c)

meta l-Aġenzija, fuq inizjattiva tagħha stess, tillimita, temenda jew tirrieżamina deċiżjoni maħruġa f’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/798 jew mad-Direttiva (UE) 2016/797.

L-Aġenzija tista’ timponi tariffi fejn tirrevoka awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq minħabba nonkonformità stabbilita b’mod sussegwenti mar-rekwiżiti essenzjali ta’ vettura li qed tintuża jew tip ta’ vettura f’konformità mal-Artikolu 26 tad-Direttiva (UE) 2016/797, jew minħabba li detentur ta’ ċertifikat ta’ sikurezza uniku ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 17(5) u (6) tad-Direttiva (UE) 2016/798.

2.   L-applikazzjonijiet, it-talbiet u n-notifiki msemmija fil-paragrafu 1, fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, għandhom ikopru:

(a)

awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ vetturi u ta’ tipi ta’ vetturi f’konformità mal-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament (UE) 2016/796 minbarra dawk speċifikati fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu;

(b)

l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ vettura jew serje ta’ vetturi li jkunu konformi ma’ tip ta’ vettura awtorizzat f’konformità mal-Artikolu 25(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797;

(c)

iċ-ċertifikati ta’ sikurezza uniċi f’konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2016/796;

(d)

id-deċiżjonijiet għall-approvazzjoni tal-konformità tal-interoperabbiltà ta’ soluzzjoni ta’ tagħmir maġenb il-binarji tal-ERTMS mat-TSI rilevanti f’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2016/796;

(e)

l-applikazzjonijiet ta’ impenn preliminari f’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/545 u l-Artikoli 2(3) u 4(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/763;

(f)

l-appelli msemmija fl-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) 2016/796, f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament;

(g)

ir-reġistrazzjonijiet fir-reġistru Ewropew tat-tipi ta’ vetturi ferrovjarji awtorizzati (ERATV) ta’ verżjoni ġdida ta’ tip ta’ vettura jew verżjoni ġdida ta’ varjant tat-tip ta’ vettura f’konformità mal-Artikolu 15(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/545;

(h)

in-notifiki f’konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/545, inkluża kwalunkwe deċiżjoni tal-Aġenzija għal dak l-għan.”

;

(3)

fl-Artikolu 3, il-paragrafi 2 sa 5 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, il-punt (a), l-ammont ta’ tariffi għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (c), (d) u (e) tal-Artikolu 2(2), u għat-twettiq tal-attivitajiet imsemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1), għandu jkun it-total ta’ dawn li ġejjin:

(a)

l-għadd ta’ sigħat meħuda mill-persunal tal-Aġenzija u l-esperti esterni, għall-ipproċessar tal-applikazzjoni immultiplikat bir-rata fis-siegħa tal-Aġenzija speċifikata fil-punt 1 tal-Anness;

(b)

l-ammonti rilevanti sottomessi mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza (“NSAs”) li jirriżultaw mill-kost għall-ipproċessar tal-partijiet nazzjonali tal-applikazzjoni, inklużi l-valutazzjonijiet relatati mal-istazzjonijiet tal-fruntiera, kif xieraq.

3.   L-ammont ta’ tariffi għas-sottimissjoni u għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, it-talbiet u n-notifiki li ġejjin, għandu jkun l-ammont fiss rilevanti speċifikat fil-punt 3, it-Tabella B, tal-Anness u għandu jinkludi t-tariffa għall-użu tal-OSS imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, fejn xieraq:

(a)

l-applikazzjonijiet skont l-Artikolu 2(2), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament, għall-vaguni tal-merkanzija kif definiti fil-punt 2.1 tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 321/2013 (*1) fejn iż-żona tal-użu hija l-Unjoni kollha;

(b)

l-applikazzjonijiet skont l-Artikolu 2(2), il-punt (b);

(c)

it-talbiet skont l-Artikolu 2(2), il-punt (g);

(d)

in-notifiki skont l-Artikolu 2(2), il-punt (h).

L-ammont fiss imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun dovut għall-ħlas fil-mument tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, tat-talba jew tan-notifika.

4.   L-ammont ta’ imposti għas-servizzi msemmija fl-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-Regolament għandu jkun in-numru ta’ sigħat meħuda mill-persunal tal-Aġenzija u mill-esperti esterni mmultiplikat bir-rata fis-siegħa tal-Aġenzija speċifikata fil-punt 1 tal-Anness. Għas-servizzi msemmija fl-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) 2016/796 l-imposta għal kull parteċipant individwali għandha tkun ir-riżultat tad-diviżjoni ta’ tali ammont ta’ imposti bin-numru stmat ta’ parteċipanti fl-attività ta’ assistenza tal-Aġenzija, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor.

5.   Fuq talba tal-applikant, għandu japplika tnaqqis ta’ 20 % tal-ammont impost mill-Aġenzija għal applikazzjoni, talba jew notifika imsemmija fl-Artikolu 2(1) f’każ ta’ intrapriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, intrapriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju tfisser intrapriża ferrovjarja, maniġer tal-infrastruttura, detentur jew manifattur tal-vetturi awtonomi, stabbiliti jew li għandhom is-sede tagħhom f’pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (*2).

L-applikant għandu jipprovdi prova li jikkwalifika bħala intrapriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju fi żmien xahar mid-data tal-applikazzjoni, tat-talba jew tan-notifika. L-Aġenzija għandha tivvaluta l-evidenza pprovduta u tiddeċiedi li tirrifjuta t-talba għall-istatus bħala intrapriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju f’każ ta’ dubju jew nuqqas ta’ ġustifikazzjoni.

(*1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 321/2013 tat-13 ta’ Marzu 2013 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta’ “vetturi ferrovjarji — vaguni tal-merkanzija” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea u li jirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/861/KE (ĠU L 104, 12.4.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/321/oj ). "

(*2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2003/361/oj).”;"

(4)

l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Aġenzija, fuq talba tal-applikant, għandha toħroġ stima mhux vinkolanti tal-ammont tat-tariffi u tal-imposti marbuta mal-applikazzjoni, it-talba jew in-notifika, inkluż it-talba għas-servizz, u tagħti informazzjoni dwar it-twaqqit għall-ħruġ tal-fatturi.”;

(b)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Matul l-ipproċessar ta’ applikazzjoni, talba jew notifika l-Aġenzija u l-NSAs għandhom jimmonitorjaw il-kostijiet tagħhom. Fuq talba tal-applikant, meta jkun hemm riskju li l-kostijiet jisbqu l-istima b’aktar minn 15 %, l-Aġenzija għandha tgħarraf lill-applikant dwar dan.

3.   Meta l-ipproċessar ta’ applikazzjoni, talba jew notifika, jew servizz idum aktar minn sena, l-applikant jista’ jitlob stima ġdida.”

;

(5)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Aġenzija għandha toħroġ fattura għat-tariffi u l-imposti dovuti fi żmien 60 jum kalendarju mid-data:

(a)

tad-deċiżjoni tagħha, ħlief fil-każ ta’ deċiżjonijiet koperti mis-sistema tat-tariffi fissi jew soġġetti għall-Artikolu 6(3);

(b)

tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell;

(c)

ta’ meta ntemm is-servizz mogħti;

(d)

tal-irtirar ta’ applikazzjoni, talba jew notifika;

(e)

ta’ kwalunkwe avveniment ieħor li jwassal għall-waqfien tal-ipproċessar ta’ applikazzjoni, talba jew notifika.

Fir-rigward tat-tariffi fissi li jsiru dovuti għall-ħlas fil-ħin tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, tat-talba jew tan-notifika, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) u (3), qabel ma l-Aġenzija tipproċessa l-applikazzjoni, it-talba jew in-notifika, l-Aġenzija tista’ taqbel dwar data ta’ skadenza iktar fil-qrib mal-applikanti individwali fuq talba tagħhom, kif ukoll tagħmel arranġament speċjali għall-fatturar, inkluż il-ħruġ ta’ fattura kull xahar.”

;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

fejn rilevanti, il-kostijiet mitluba mill-NSA responsabbli. Dawk il-kostijiet għandhom ikunu speċifikati b’rabta mal-kompiti u maż-żmien meħud jew fil-forma ta’ rati fissi applikati mill-NSA għall-ipproċessar tal-parti nazzjonali tal-applikazzjoni, inkluż il-valutazzjoni relatata mal-istazzjonijiet tal-fruntiera, kif xieraq.”;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a.   Il-fattura għandha tkun indirizzata lill-persuna jew lill-entità:

(a)

indikata bħala l-applikant fl-OSS;

(b)

li qed tissottometti r-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 2(2), il-punt (g);

(c)

li qed tissottometti n-notifika skont l-Artikolu 2(2), il-punt (h);

(d)

li qed titlob servizz skont l-Artikolu 2(3).”

;

(d)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-NSAs għandhom jipprovdu lill-Aġenzija b’dikjarazzjoni tal-kostijiet għall-kontribut tagħhom biex jiġu inklużi fil-fattura maħruġa mill-Aġenzija, mhux aktar tard minn 30 jum kalendarju mid-dati msemmija fil-paragrafu 1. Id-dikjarazzjoni tal-kostijiet għandha tagħti d-dettalji ta’ kif ġew ikkalkulati tali kostijiet.”

;

(e)

il-paragrafi 5 u 6 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“5.   L-Aġenzija għandha tinnotifika lill-applikanti bid-deċiżjoni u toħroġ fattura permezz tal-Punt Uniku ta’ Kuntatt imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2016/796 jew bi kwalunkwe mezz xieraq ieħor.

6.   L-Aġenzija tista’ tiffattura ammonti interim kull 6 xhur jew toħroġ fatturi multipli fejn rilevanti.”

;

(f)

il-paragrafi 9 u 10 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“9.   Meta l-applikant ikun intrapriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju, l-Aġenzija għandha tqis talbiet għal estensjoni raġonevoli tal-limitu ta’ żmien għall-ħlas u għall-ħlas parzjali.

10.   L-NSAs għandhom jirċievu rimborż tal-kostijiet imġarrba għall-ipproċessar tal-parti nazzjonali tal-applikazzjonijiet, inklużi l-valutazzjonijiet relatati mal-istazzjonijiet tal-fruntiera, kif xieraq, sal-iskadenzi msemmija fil-paragrafi 8 u 9.”

;

(6)

fl-Artikolu 10, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fid-dawl tal-informazzjoni rilevanti pprovduta mill-Aġenzija fir-rapporti annwali tagħha, dan ir-Regolament għandu jiġi rieżaminat biex jiġu introdotti tariffi fissi.”

;

(7)

l-Anness huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal applikazzjonijiet, talbiet u notifiki sottomessi lill-Aġenzija qabel id-data tal-applikazzjoni.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 138, 26.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/796/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/764 tat-2 ta’ Mejju 2018 dwar it-tariffi u l-imposti li għandhom jitħallsu lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u l-kundizzjonijiet għall-ħlas tagħhom (ĠU L 129, 25.5.2018, p. 68, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/764/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/545 tal-4 ta’ April 2018 li jistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi għall-awtorizzazzjoni ta’ vetturi ferrovjarji u għall-proċess tal-awtorizzazzjoni tat-tip ta’ vetturi ferrovjarji skont id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 90, 6.4.2018, p. 66, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/545/oj).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 321/2013 tat-13 ta’ Marzu 2013 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema ta’ “vetturi ferrovjarji — vaguni tal-merkanzija” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea u li jirrevoka d-Deċiżjoni 2006/861/KE (ĠU L 104, 12.4.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/321/oj).


ANNESS

“ANNESS

1.   

L-Aġenzija għandha tapplika rata fis-siegħa ta’ EUR 265.

2.   

It-tariffi fissi li għandhom jitħallsu lill-Aġenzija għall-użu tal-punt uniku ta’ kuntatt (OSS) għandhom ikunu kif ġej:

Tabella A

 

Grupp tal-kost tal-OSS

Ammont (EUR)

Sottomissjoni tal-applikazzjoni lill-Aġenzija għal:

1.

Ċertifikat ta’ sikurezza uniku

464

2.

Awtorizzazzjoni tat-tip ta’ vettura

464

3.

Awtorizzazzjoni ta’ vettura għajr awtorizzazzjoni f’konformità mat-tip

464

4.

Approvazzjoni tal-ERTMS maġenb il-binarji

464

5.

Proċess ta’ impenn preliminari

464

3.   

It-tariffi fissi għall-preżentazzjoni u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, tat-talbiet u tan-notifiki f’konformità mal-Artikolu 3 għandhom ikunu kif ġej:

Tabella B

 

Grupp tal-kost

Ammont (EUR)

Sottomissjoni lill-Aġenzija u pproċessar minnha ta’ applikazzjoni għal deċiżjoni li tawtorizza vetturi f’konformità mat-tip:

1.

(a)

il-vaguni tal-merkanzija;

(b)

vetturi ddisinjati biex iġorru:

vetturi bil-mutur bil-passiġġieri tagħhom abbord, jew

vetturi bil-mutur mingħajr passiġġieri abbord iżda maħsuba biex jiġu integrati f’ferroviji tal-passiġġieri (trasportaturi tal-karozzi);

(c)

vetturi li

iżidu t-tul tagħhom f’konfigurazzjoni mgħobbija, u

li t-tagħbija utli tagħhom minnha nnifisha hija parti mill-istruttura tal-vettura

865

2.

(a)

unitajiet tat-trazzjoni termali jew elettrika;

(b)

vaguni tal-passiġġieri;

(c)

vetturi speċjali.

1 082

3.

ferroviji bi propulsjoni proprja termali jew elettrika

1 244

Sottomissjoni lill-Aġenzija u pproċessar minnha ta’ applikazzjoni għal deċiżjoni li tawtorizza tip ta’ vettura:

4.

vaguni tal-merkanzija meta ż-żona tal-użu tkun l-Unjoni kollha

26 500

Talba għal verżjoni ġdida ta’ tip ta’ vettura jew verżjoni ġdida ta’ varjant tat-tip ta’ vettura u r-reġistrazzjoni fir-Reġistru Ewropew tat-Tipi ta’ Vetturi Awtorizzati (ERATV):

5.

(a)

il-vaguni tal-merkanzija;

(b)

vetturi ddisinjati biex iġorru:

vetturi bil-mutur bil-passiġġieri tagħhom abbord, jew

vetturi bil-mutur mingħajr passiġġieri abbord iżda maħsuba biex jiġu integrati f’ferroviji tal-passiġġieri (trasportaturi tal-karozzi);

(c)

vetturi li

iżidu t-tul tagħhom f’konfigurazzjoni mgħobbija, u

li t-tagħbija utli tagħhom minnha nnifisha hija parti mill-istruttura tal-vettura

398

6.

(a)

unitajiet tat-trazzjoni termali jew elettrika;

(b)

vaguni tal-passiġġieri;

(c)

vetturi speċjali.

451

7.

ferroviji bi propulsjoni proprja termali jew elettrika

504

Proċessar tan-notifiki, inklużi d-deċiżjonijiet tal-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/545:

8.

it-tipi kollha ta’ vetturi

3 710

4.   

Ir-rata ta’ inflazzjoni annwali msemmija fl-Artikolu 10(1a) hija stabbilita kif ġej:

Ir-rata ta’ inflazzjoni annwali li għandha tintuża:

‘Eurostat HICP (L-entrati kollha) – il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea’ (2015 = 100) Bidla perċentwali/medja ta’ 12-il xahar

Il-valur tar-rata li għandha titqies:

Il-valur tar-rata tliet xhur qabel l-implimentazzjoni tal-indiċjar


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2018/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)