European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2014

22.7.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2014

tad-19 ta’ Lulju 2024

dwar ċerti miżuri interim ta’ emerġenza relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fil-Greċja

(notifikata bid-dokument C(2024) 5242)

(It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar hija marda infettiva li taffettwa lill-annimali kaprini u ovini u li jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tal-biedja, u dan jikkawża tfixkil fil-movimenti tal-kunsinni ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fi ħdan l-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi.

(2)

F’każ ta’ tifqigħa tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fl-annimali kaprini u ovini, hemm riskju serju li dik il-marda tinxtered fi stabbilimenti oħra ta’ annimali kaprini jew ovini.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluża l-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar, u ċerti miżuri li għandhom jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta għandha tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u jekk ikun meħtieġ, żoni ristretti ulterjuri madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom.

(4)

Il-Greċja infurmat lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni attwali fit-territorju tagħha fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar, wara tifqigħa ta’ dik il-marda fl-annimali kaprini u ovini miżmuma fl-unità muniċipali ta’ Kalambaka, fil-muniċipalità ta’ Meteora, fl-unita reġjonali ta’ Trikala, fir-reġjun ta’ Thessaly, li ġiet ikkonfermata fil-11 ta’ Lulju 2024, u, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, stabbiliet żona ristretta, li tinkludi żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, fejn jiġu applikati l-miżuri ta’ kontroll tal-mard stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687. Sussegwentement, il-Greċja informat lill-Kummissjoni b’żewġ tifqigħat addizzjonali tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar, ikkonfermati fis-16 ta’ Lulju 2024, fiż-żona ta’ protezzjoni li kienet diġà stabbilita minn dak l-Istat Membru matul it-tifqigħa preċedenti.

(5)

Sabiex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-marda, biex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u sabiex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni, tiġi identifikata malajr iż-żona ristretta għall-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar, li tinkludi ż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, kif ukoll iż-żona ristretta ulterjuri, fil-Greċja.

(6)

Id-daqs taż-żoni u d-durata tal-miżuri li għandhom jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza u fiż-żona ristretta ulterjuri jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 u r-regoli stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, inkluża s-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fiż-żoni affettwati minn dik il-marda u s-sitwazzjoni epidemjoloġika ġenerali tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar fl-Istat Membru kkonċernat kif ukoll il-livell tar-riskju għal aktar tixrid ta’ dik il-marda. Jenħtieġ li d-durata tal-miżuri tqis ukoll l-istandards internazzjonali, tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH). Fis-sitwazzjoni attwali, ma jistax jiġi eskluż riskju għoli ta’ aktar tixrid, b’mod partikolari minħabba l-fatt li skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti, il-marda kienet preżenti fiż-żona għal perjodu ta’ żmien qabel ma ġiet dijanjostikata.

(7)

Għaldaqstant, iż-żoni identifikati bħala żoni ta’ protezzjoni, żoni ta’ sorveljanza u żoni ristretti ulterjuri fil-Greċja jenħtieġ li jiġu stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u jenħtieġ li jiġi stabbilit it-tul ta’ żmien ta’ dik ir-reġjonalizzazzjoni.

(8)

Minħabba s-severità u l-urġenza tas-sitwazzjoni u sabiex jiġi limitat minnufih it-tixrid tal-marda wara din l-ewwel okkorrenza f’dak l-Istat Membru, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-movimenti tal-annimali miż-żona ta’ protezzjoni, miż-żona ta’ sorveljanza u miż-żona ristretta ulterjuri lejn destinazzjonijiet barra mill-perimetru estern taż-żona ristretta ulterjuri ma jseħħux, u jiġu esklużi derogi possibbli mill-projbizzjoni li l-annimali jiġu mċaqalqa kif previst fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, għal ċertu perjodu ta’ żmien, sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-marda fuq distanza twila.

(9)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tal-infezzjoni bil-virus tal-pesta tar-ruminanti żgħar u l-ħtieġa li l-marda ma tinxteridx mill-istabbilimenti affettwati fil-Greċja lejn partijiet oħra ta’ dak l-Istat Membru jew lejn Stati Membri oħra, jenħtieġ li l-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni japplikaw malajr kemm jista’ jkun.

(10)

Konsegwentement, sakemm il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf jagħti l-opinjoni tiegħu, iż-żoni ta’ protezzjoni, iż-żoni ta’ sorveljanza u ż-żoni ristretti ulterjuri fil-Greċja jenħtieġ li jiġu stabbiliti minnufih u jiġu elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u tiġi stabbilita d-durata ta’ dak iż-żonar u jenħtieġ li jiġu ristretti l-movimenti tal-annimali.

(11)

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Greċja għandha tiżgura li:

(a)

tiġi stabbilita minnufih mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru żona ristretta li tinkludi żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, kif ukoll żona ristretta ulterjuri, f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687, u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu;

(b)

iż-żoni ta’ protezzjoni, iż-żoni ta’ sorveljanza u ż-żoni ristretti ulterjuri msemmija fil-punt (a) jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni;

(c)

il-miżuri li jeħtieġ li jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni, ta’ sorveljanza u fiż-żoni ristretti ulterjuri, huma applikati mill-inqas sad-dati elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-movimenti tan-nagħaġ u tal-mogħoż miż-żoni ta’ protezzjoni, ta’ sorveljanza u miż-żoni ristretti ulterjuri lejn destinazzjoni li tinsab barra l-perimetru estern taż-żona ristretta ulterjuri kif previst fil-Punt B tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni huma pprojbiti sad-dati elenkati għal kull żona fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta’ Settembru 2024.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).


ANNESS

A.   Żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbiliti madwar it-tifqigħa kkonfermata

Unità reġjonali u numru ta’ referenza tal-ADIS tat-tifqigħa

Żoni stabbiliti bħala żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, parti miż-żona ristretta fil-Greċja kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Unità reġjonali ta’ Trikala

GR-PPR-2024-00001

Żona ta’ protezzjoni:

Those parts of the regional unit of Trikala, contained within a circle of a radius of 3 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat. 39.7424, Long. 21.5816 (2024/1), Lat. 39.745817, Long. 21.583458 (2024/2), Lat. 39.738997, Long. 21.585651 (2024/3)

7.8.2024

Żona ta’ sorveljanza:

Those parts of the regional unit of Trikala, contained within a circle of a radius of 10 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat. 39.7424, Long. 21.5816 (2024/1), Lat. 39.745817, Long. 21.583458 (2024/2), Lat. 39.738997, Long. 21.585651 (2024/3), excluding the areas contained in the protection zone

16.8.2024

Żona ta’ sorveljanza:

Those parts of the regional unit of Trikala, contained within a circle of a radius of 3 kilometres, centred on UTM 30, ETRS89 coordinates Lat. 39.7424, Long. 21.5816 (2024/1), Lat. 39.745817, Long. 21.583458 (2024/2), Lat. 39.738997, Long. 21.585651 (2024/3)

8.8.2024–16.8.2024

B.   Żona ristretta ulterjuri

Unità reġjonali

Żoni inklużi fiż-żona ristretta ulterjuri stabbilita fil-Greċja kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta applikabbli

Unità reġjonali ta’ Trikala

The following municipalities:

municipality of Meteora

municipality of Trikala

excluding the areas included in any protection or surveillance zone.

16.8.2024

The following municipalities:

municipality of Meteora

municipality of Trikala

17.08.2024–15.9.2024

Unità reġjonali ta’ Grevena

The municipality of Deskati.

15.9.2024


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2014/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)