|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1986 |
16.7.2024 |
DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1986
tas-6 ta’ Mejju 2024
li temenda d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/997 fir-rigward tal-parti li tinqara bil-magna tad-Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/997 tat-18 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE u li tħassar id-Deċiżjoni 96/409/PESK (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Id-Direttiva (UE) 2019/997 tistabbilixxi regoli dwar il-kundizzjonijiet u l-proċedura għal ċittadini mhux rappreżentati f’pajjiżi terzi biex jiksbu Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar (ETD, Emergency Travel Document) tal-UE (“ETD tal-UE”) u tistabbilixxi format uniformi għal tali dokument. |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2019/997, l-ETDs tal-UE għandhom jikkonsistu f’formola uniformi tal-ETD tal-UE u sticker uniformi tal-ETD tal-UE. Il-formola u l-isticker għandhom ikunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Annessi I u II ta’ dik id-Direttiva u mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 9 ta’ dik id-Direttiva. Meta l-isticker uniformi tal-ETD tal-UE timtela, għandhom jimtlew it-taqsimiet stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva (UE) 2019/997 u għandha timtela l-parti li tista’ tinqara bil-magni, f’konformità mal-parti 3 tad-Dokument 9303 tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (International Civil Aviation Organization, ICAO). |
|
(3) |
Il-punt 10 tal-Anness II tad-Direttiva (UE) 2019/997 jipprevedi li l-isticker uniformi tal-ETD tal-UE għandha jkun fiha l-informazzjoni rilevanti li tinqara bil-magni f’konformità mad-Dokument 9303 tal-ICAO biex jiġu ffaċilitati l-kontrolli fil-fruntieri esterni. L-ittri kapitali “AE” għandhom jintużaw bħala l-ewwel żewġ karattri tal-parti li tista’ tinqara mill-magni biex id-dokument ikun indikat bħala Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE. |
|
(4) |
Meta ġiet adottata d-Direttiva (UE) 2019/997, l-istandards tal-ICAO ma kienx fihom regoli speċifiċi dwar l-ewwel żewġ karattri li għandhom jintużaw fil-parti li tinqara bil-magna tad-dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar. |
|
(5) |
Fil-kuntest tal-laqgħa tiegħu tas-26 ta’ Frar sal-1 ta’ Marzu 2024, il-Bord ta’ Faċilitazzjoni tal-ICAO approva l-użu tal-ittri kapitali “PU” f’dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar fuq folja waħda. |
|
(6) |
Sabiex jiġi żgurat li l-ETD tal-UE jibqa’ allinjat mal-progress tekniku fl-istandards internazzjonali għal tali dokumenti, huwa meħtieġ li r-referenza għall-ittri kapitali “AE”, bħala l-ewwel żewġ karattri tal-parti li tinqara bil-magna fl-Anness II tda-Direttiva (UE) 2019/997, tiġi sostitwita bl-ittri kapitali “PU”. |
|
(7) |
Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2019/997 tiġi emendata skont dan. |
|
(8) |
Sabiex jiġi żgurat li d-Direttiva (UE) 2019/997 tkun kompletament konformi mal-progress tekniku mid-data tal-bidu tal-applikazzjoni tagħha kif deċiż b’referenza għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2452 (2), l-istandard tekniku stabbilit f’din id-Direttiva jenħtieġ li jkun applikabbli mid-data meta tibda tapplika d-Direttiva (UE) 2019/997, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Fl-Anness II tad-Direttiva (UE) 2019/997, il-punt 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
“10. |
L-istiker uniformi tal-ETD tal-UE għandha tinkludi l-informazzjoni rilevanti li tista’ tinqara mill-magni f’konformità mad-Dokument 9303 tal-ICAO biex tiffaċilita l-kontrolli fil-fruntieri esterni. L-ittri kapitali “PU” għandhom jintużaw bħala l-ewwel żewġ karattri tal-parti li tista’ tinqara bil-magna biex id-dokument ikun indikat bħala Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE. Il-parti li tista’ tinqara mill-magni għandha tinkludi test stampat fl-istampar tal-isfond viżibbli bil-kliem “Unjoni Ewropea” bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Dak it-test ma għandux jaffettwa l-karatteristiċi tekniċi tal-parti li tista’ tinqara mill-magni jew il-fakultà li din tkun tista’ tinqara.”. |
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mid-9 ta’ Diċembru 2024, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mid-9 ta’ Diċembru 2025.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 163, 20.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/997/oj
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2452 tat-8 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali għad-Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE stabbilit bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/997 (ĠU L 320, 14.12.2022, p. 47, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/2452/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dir_del/2024/1986/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)