European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1983

22.7.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1983

tat-18 ta’ Lulju 2024

dwar l-armonizzazzjoni tal-banda tal-frekwenzi 40,5–43,5 GHz għas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi tal-komunikazzjoni elettronika tal-broadband mingħajr fili fl-Unjoni

(notifikata bid-dokument C(2024) 1520)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas regolatorju għall-politika tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (“Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi”) tirreferi għall-ħtieġa ta’ studju ulterjuri tal-banda tal-frekwenzi 40,5–43,5 GHz fil-kuntest biex ikunu żgurati disponibbiltajiet ikkoordinati aktar tal-ispettru tar-radju ħalli jinkisbu networks fissi u bla fili b’veloċità għolja ħafna. Dik id-Direttiva teżiġi wkoll li l-Istati Membri jippromwovu l-armonizzazzjoni tal-użu tal-ispettru tar-radju min-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi madwar l-Unjoni, fost l-oħrajn billi jsegwu kopertura tal-broadband bla fili ta’ kwalità u veloċità għolja fit-territorju u l-popolazzjoni nazzjonali tagħhom, u kopertura fir-rotot tat-trasport nazzjonali u Ewropej ewlenin.

(2)

Il-banda tal-frekwenzi ta’ 40,5–43,5 GHz (“42 GHz”) ġiet armonizzata globalment għat-Telekomunikazzjoni Mobbli Internazzjonali (3) (IMT) waqt il-Konferenza Dinjija tal-2019 dwar ir-Radjukomunikazzjoni (WRC-19) permezz ta’ emendi tar-Regolamenti tar-Radju tas-Settur tar-Radjukomunikazzjoni tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU-R). L-emenda rilevanti tar-Regolamenti tar-Radju tistipula miżuri li jiżguraw il-koeżistenza bejn is-sistemi IMT, inkluż il-5G, u s-Servizz Satellitari Fiss (FSS) kif ukoll is-Servizz tar-Radju Astronomija (RAS) fil-banda tal-frekwenzi 42 GHz.

(3)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv — Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits” (4) tistabbilixxi objettivi ambizzjużi tal-konnettività għall-Unjoni, li ġew aġġornati bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: il-perkors Ewropew għad-Deċennju Diġitali” (5) u kompliet tappoġġjahom id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali. Dawk l-objettivi tal-konnettività jridu jintlaħqu bil-varar u l-adozzjoni mifruxin ta’ networks ta’ kapaċità għolja ħafna. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “5G għall-Ewropa: Pjan ta’ Azzjoni” (7) tidentifika l-ħtieġa li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni, inkluż l-identifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-ispettru tar-radju għall-5G abbażi tal-opinjoni tal-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (RSPG), biex tkun żgurata kopertura tal-5G mingħajr interruzzjoni fiż-żoni urbani kollha u fir-rotot ewlenin kollha tat-trasport terrestri sal-2025.

(4)

L-RSPG adotta tliet opinjonijiet dwar pjan direzzjonali strateġiku tal-ispettru tal-5G fl-Ewropa (8), li fih, fost l-oħrajn, enfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati baned tal-frekwenzi ogħla minn 24 GHz biex jintlaħqu l-miri tal-prestazzjoni ta’ kapaċità għolja tal-5G, u identifika l-banda tal-frekwenzi 42 GHz bħala prijorità mil-lat ta’ studji għall-baned 5G tat-tieni stadju tal-mewġ-mm għan-networks terrestri mingħajr fili fl-Unjoni. L-RSPG ikkunsidra l-banda tal-frekwenzi 42 GHz bħala alternattiva vijabbli għall-5G fit-tul, filwaqt li qies il-ħtieġa ta’ bilanċ ġenerali bejn il-forniment tas-servizzi terrestri mobbli u satellitari fil-medda tal-frekwenzi 40-50 GHz.

(5)

Il-banda tal-frekwenzi 42 GHz tipprovdi kapaċità għolja li tippermetti servizzi tal-komunikazzjoni elettronika (ECS) innovattivi tal-ġenerazzjoni li jmiss (inkluż il-5G) tal-broadband mingħajr fili (WBB) abbażi ta’ ċelloli żgħar (9), u li jużaw daqsijiet kbar tal-blokok ta’ mill-inqas 200 MHz. L-użu ta’ dik il-banda tal-frekwenzi jidher xieraq, f’dan il-kuntest, għal hotspots fiż-żoni urbani u suburbani.

(6)

Filwaqt li l-banda tal-frekwenzi 42 GHz hi allokata lis-Servizz Fiss (FS) fl-Istati Membri tal-Unjoni (10) u tintuża għal konnessjonijiet terrestri fissi mingħajr fili (“konnessjonijiet fissi”), il-flessibbiltà tal-użu tal-ispettru hemm bżonnha biex tkun żgurata l-koeżistenza bejn id-WBB ECS, inkluż il-5G, u l-konnessjonijiet fissi.

(7)

Il-banda tal-frekwenzi 42 GHz tintuża wkoll għas-servizzi satellitari madwar l-Istati Membri tal-Unjoni. Dak l-użu jinkludi l-medda tal-frekwenzi 40,5–42,5 GHz għall-komunikazzjonijiet mill-ispazju sad-dinja u l-medda tal-frekwenzi 42,5–43,5 GHz għall-komunikazzjonijiet mid-dinja sal-ispazju, u b’hekk jappoġġa l-istazzjonijiet terrestri tal-FSS riċeventi u trażmittenti, rispettivament. Il-banda tal-frekwenzi 39,5–40,5 GHz kontigwa hi allokata għall-FSS u anki għas-Servizz Satelittari Mobbli (MSS) għall-komunikazzjonijiet mill-ispazju sad-dinja. Din l-medda tal-frekwenzi tal-aħħar iridu jużawha l-istazzjonijiet terrestri tas-satellita riċeventi kkoordinati u anki mhux ikkoordinati (l-FSS u anki l-MSS). Għalhekk, dawk l-istazzjonijiet terrestri tas-satellita jenħtieġ li jitħarsu kif xieraq mill-interferenzi tal-WBB ECS terrestri.

(8)

Il-banda tal-frekwenzi 42,5–43,5 GHz tibqa’ tintuża għas-sistemi fir-RAS li jenħtieġ li jitħarsu kif xieraq mill-interferenzi tad-WBB ECS terrestri.

(9)

Is-sistemi terrestri tal-ġenerazzjoni li jmiss li jipprovdu WBB ECS, inkluż il-5G, jenħtieġ li jiġu varati fil-banda tal-frekwenzi 42 GHz skont kundizzjonijiet tekniċi armonizzati fl-Unjoni. Dawk il-kundizzjonijiet jenħtieġ li jissalvagwardjaw l-operat kontinwu u l-iżvilupp futur potenzjali tas-sistemi fl-FS, ir-RAS u l-FSS eżistenti rilevanti f’din il-banda. Dawk il-kundizzjonijiet jenħtieġ li jiżguraw bl-istess mod li dawn is-sistemi eżistenti u futuri ma jħallux impatt negattiv sinifikanti fuq il-varar u l-kopertura tas-sistemi terrestri mingħajr fili tal-ġenerazzjoni li jmiss (5G).

(10)

Skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE, fl-14 ta’ April 2020 il-Kummissjoni tat mandat lill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjoni (CEPT) biex tiżviluppa l-inqas kundizzjonijiet tekniċi armonizzati restrittivi li jixirqu għas-sistemi terrestri mingħajr fili tal-ġenerazzjoni li jmiss (5G) għall-baned tal-frekwenzi prijoritarji ogħla minn 24 GHz, inkluż il-banda tal-frekwenzi 42 GHz.

(11)

Bi tweġiba għal dak il-mandat, fit-18 ta’ Novembru 2022 is-CEPT ħarġet rapport (11) (“ir-Rapport 82 tas-CEPT”) li jispeċifika l-inqas kundizzjonijiet tekniċi armonizzati restrittivi fil-banda tal-frekwenzi 42 GHz, abbażi tal-kunċett imsejjaħ Block Edge Mask (BEM), biex jiġu introdotti sistemi terrestri mingħajr fili tal-ġenerazzjoni li jmiss (5G) f’dik il-banda, f’konformità mal-prinċipji tan-newtralità tat-teknoloġija u tas-servizz. Dawk il-kundizzjonijiet tekniċi huma konsistenti mal-iżviluppi tal-istandardizzazzjoni tal-5G b’mod partikolari fir-rigward tal-arranġamenti tat-tqassim tal-kanali (12) u l-użu tas-sistemi ta’ antenni attivi (AAS), u għalhekk iwasslu għal armonizzazzjoni globali.

(12)

Il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati fir-Rapport 82 tas-CEPT jassumu l-operat sinkronizzat tas-sistemi terrestri tad-WBB ECS ġirien ta’ operaturi differenti u l-għarfien tal-pożizzjoni tal-istazzjonijiet bażi tad-WBB ECS. L-operat mhux sinkronizzat jew l-operat semisinkronizzat tas-sistemi terrestri tal-WBB ECS ġirien jeħtieġ studji ulterjuri biex jiġu żviluppati l-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati rilevanti, iżda dan jibqa’ possibbli b’separazzjoni ġeografika u jista’ jkun soġġett għal miżuri tal-mitigazzjoni xierqa addizzjonali applikabbli fil-livell nazzjonali.

(13)

Il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati mogħtija fir-Rapport 82 tas-CEPT biex il-banda tal-frekwenzi 42 GHz tintuża għas-sistemi terrestri li jipprovdu d-WBB ECS huma bbażati fuq is-suppożizzjoni ta’ varar ta’ hotspots u fuq reġim tal-awtorizzazzjoni fejn ikunu magħrufa l-pożizzjonijiet tal-istazzjonijiet bażi tad-WBB ECS (trażmittenti u riċevituri). Jistgħu jkunu meħtieġa miżuri addizzjonali fil-livell nazzjonali għal reġim tal-awtorizzazzjoni fejn il-pożizzjonijiet tal-istazzjonijiet bażi WBB ECS ma jkunux magħrufa bil-quddiem qabel installazzjoni, biex b’hekk tkun żgurata koeżistenza xierqa ta’ dawk is-servizzi ma’ servizzi oħra f’din il-banda u f’baned kontigwi, filwaqt li xorta jiġu rrispettati l-inqas kundizzjonijiet tekniċi armonizzati restrittivi stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni. Dawn il-miżuri addizzjonali jinsabu fl-Anness 3 tar-Rapport 82 tas-CEPT.

(14)

Ir-Rapport 82 tas-CEPT jipprovdi wkoll gwida biex il-banda tal-frekwenzi 42 GHz tintuża għad-WBB ECS terrestri (inkluż il-5G) biex b’hekk tkun żgurata l-protezzjoni tal-FS, tal-FSS u tar-RAS f’din il-banda, kif ukoll tal-FS, tal-FSS u tal-MSS fil-baned kontigwi.

(15)

Il-koeżistenza bejn is-sistemi terrestri li jipprovdu d-WBB ECS (inkluż il-5G) u l-istazzjonijiet terrestri FSS li joperaw fil-banda tal-frekwenzi 42 GHz, u fil-banda tal-frekwenzi 39,5–40,5 GHz kontigwa, tista’ tkun żgurata bl-applikazzjoni, meta xieraq, ta’ restrizzjonijiet tekniċi għall-varar tal-istazzjonijiet bażi WBB ECS f’żona ġeografika limitata madwar stazzjon terrestri tas-satellita. Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati miżuri tal-koeżistenza bejn stazzjonijiet terrestri FSS u stazzjonijiet bażi WBB ECS meta dawn ikunu qrib xulxin, filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-istazzjonijiet bażi WBB ECS mistennija jiġu varati primarjament fiż-żoni b’densità għolja tal-popolazzjoni.

(16)

F’konformità mad-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), il-konformità tal-istazzjonijiet bażi WBB ECS u tal-istazzjonijiet terminali mal-limiti tal-emissjonijiet barra mill-banda inqas minn 40,5 GHz u ogħla minn 43,5 GHz jenħtieġ li tkun ibbażata fuq is-suppożizzjonijiet imsemmija fir-Rapport Nru 82 tas-CEPT (14).

(17)

Barra minn hekk, is-CEPT żviluppat linji gwida tekniċi (15) , (16) biex tappoġġa l-introduzzjoni ta’ sistemi terrestri li jipprovdu WBB ECS fil-banda tal-frekwenzi 42 GHz, filwaqt li jippermettu b’mod proporzjonat l-użu kontinwu ta’ stazzjonijiet terrestri li jirċievu u jittrażmettu FSS fil-porzjonijiet rilevanti tal-banda tal-frekwenzi 42 GHz, kif ukoll il-koeżistenza ma’ stazzjonijiet terrestri riċeventi FSS fil-banda tal-frekwenzi 39,5–40,5 GHz kontigwa. Dawk il-linji gwida tekniċi jistgħu jiffaċilitaw il-koeżistenza fit-twettiq tal-obbligi skont din id-Deċiżjoni.

(18)

Il-koeżistenza bejn is-sistemi terrestri li jipprovdu WBB ECS (inkluż il-5G) u r-riċevituri satellitari fl-FSS fil-banda tal-frekwenzi 42 GHz bħalissa hi fattibbli, soġġetta għal kundizzjonijiet tekniċi li jindirizzaw l-elevazzjoni tal-antenna tal-istazzjonijiet bażi WBB ECS, filwaqt li jiġu nnotati wkoll id-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolamenti tar-Radju tal-ITU-R.

(19)

Il-koeżistenza bejn is-sistemi terrestri li jipprovdu WBB ECS (inkluż il-5G) u l-konnessjonijiet fissi fil-banda tal-frekwenzi 42 GHz hi fattibbli abbażi ta’ każ b’każ, soġġetta għal koordinazzjoni fil-livell nazzjonali bejn iż-żewġ servizzi, jekk jiġu varati fl-istess żona u fl-istess medda tal-frekwenzi.

(20)

Ir-rapport 82 tas-CEPT ma jindirizzax l-użu tal-banda ta’ frekwenzi ta’ 42 GHz għall-forniment tad-WBB ECS lil vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAVs), bħad-droni.

(21)

Jaf ikun hemm bżonn miżuri speċifiċi, bħall-istabbiliment ta’ distanzi ta’ separazzjoni ġeografika u żoni ta’ esklużjoni, fil-livell nazzjonali abbażi ta’ każ b’każ, biex tkun żgurata l-protezzjoni tal-istazzjonijiet fir-RAS li joperaw fil-banda tal-frekwenzi ta’ 42,5–43,5 GHz.

(22)

Jaf ikun hemm bżonn ftehimiet għal koordinazzjoni transfruntiera bejn l-Istati Membri, u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, biex tkun evitata interferenza dannuża u jissaħħu l-effiċjenza tal-ispettru u l-konverġenza fl-użu tal-ispettru, f’konformità mal-Artikolu 28 tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

(23)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw il-banda tal-frekwenzi 42 GHz għas-servizzi terrestri tal-komunikazzjoni elettronika tal-broadband mingħajr fili tal-ġenerazzjoni li jmiss (5G) abbażi ta’ kundizzjonijiet tekniċi armonizzati legalment vinkolanti skont ir-Rapport 82 tas-CEPT u f’konformità mal-objettivi tal-politika tal-Unjoni.

(24)

Il-kunċett ta’ “jiddeżinjaw u jagħmlu disponibbli” il-banda tal-frekwenzi 42 GHz fil-kuntest ta’ din id-Deċiżjoni jirreferi għall-passi li ġejjin: (i) l-adattament tal-qafas legali nazzjonali dwar l-allokazzjoni tal-frekwenzi biex ikun jinkludi l-użu maħsub ta’ din il-banda skont il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, (ii) it-tnedija tal-miżuri kollha meħtieġa biex tkun żgurata koeżistenza mal-użu eżistenti f’din il-banda, sa fejn ikun meħtieġ, (iii) it-tnedija tal-miżuri xierqa, appoġġata mill-varar ta’ proċess tal-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, meta xieraq, biex din il-banda tkun tista’ tintuża f’konformità mal-qafas legali applikabbli fil-livell tal-Unjoni, inkluż il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati ta’ din id-Deċiżjoni. Sussegwentement għal dan, l-Istati Membri jenħtieġ li jippermettu l-użu tal-banda tal-frekwenzi 42 GHz skont id-Direttiva (UE) 2018/1972, b’mod partikolari l-Artikolu 53 tagħha.

(25)

Skont l-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE, il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi skadenza biex l-Istati Membri jimplimentaw din id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, wara l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kummissjoni biex tivverifika l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Dan jenħtieġ li japplika b’mod partikolari għall-introduzzjoni u l-iżvilupp gradwali tas-servizzi terrestri tal-5G fil-banda tal-frekwenzi 42 GHz u għal kull kwistjoni ta’ koeżistenza, biex jgħin għal rieżami fil-ħin u għall-valutazzjoni tal-impatt tagħha fil-livell tal-Unjoni. Dan ir-rieżami jenħtieġ li jindirizza wkoll l-adegwatezza tal-kundizzjonijiet tekniċi biex jiżguraw il-protezzjoni adegwata ta’ servizzi oħra, filwaqt li jitqies l-iżvilupp ta’ sistemi terrestri li jipprovdu d-WBB ECS, inkluż il-5G.

(26)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispettru tar-Radju,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati essenzjali għad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-banda tal-frekwenzi 40,5–43,5 GHz fl-Unjoni għal sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi tal-komunikazzjoni elettronika tal-broadband mingħajr fili.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw u jagħmlu disponibbli fuq bażi mhux esklużiva l-banda tal-frekwenzi 40,5–43,5 GHz għas-sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu servizzi tal-komunikazzjoni elettronika tal-broadband mingħajr fili, f’konformità mal-kundizzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’konformità mal-kundizzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness, is-sistemi terrestri msemmija fl-Artikolu 1 jipproteġu s-sistemi li ġejjin kif xieraq u ma jillimitawx l-evoluzzjoni u l-iżvilupp futuri tagħhom:

(a)

is-sistemi fis-Servizz tar-Radju Astronomija li joperaw fil-banda tal-frekwenzi 42,5–43,5 GHz;

(b)

is-sistemi satellitari fis-Servizz Satellitari Fiss li joperaw fil-banda tal-frekwenzi 40,5–42,5 GHz għall-komunikazzjonijiet mill-ispazju sad-dinja, u fil-banda tal-frekwenzi 42,5–43,5 GHz għall-komunikazzjonijiet mid-dinja sal-ispazju;

(c)

is-sistemi satellitari fis-Servizz Satellitari Fiss u fis-Servizz Mobbli bis-Satellita li joperaw fil-banda tal-frekwenzi 39,5–40,5 GHz għall-komunikazzjonijiet mill-ispazju sad-dinja.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-koeżistenza tas-sistemi terrestri msemmija fl-Artikolu 1 mal-operat kontinwu tal-konnessjonijiet terrestri fissi fil-banda tal-frekwenzi 40,5–43,5 GHz, abbażi tal-koordinazzjoni tal-frekwenzi fil-livell nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jippermettu wkoll l-evoluzzjoni u l-iżvilupp futuri ta’ konnessjonijiet terrestri fissi fil-banda tal-frekwenzi 40,5–43,5 GHz fil-livell nazzjonali.

Artikolu 5

Dment li jiġu determinati l-għadd u l-pożizzjonijiet tal-istazzjonijiet terrestri tas-satellita l-ġodda biex ma jimponux restrizzjonijiet sproporzjonati fuq is-sistemi msemmija fl-Artikolu 1, u soġġetti għad-domanda tas-suq għal dawn l-istazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-varar u l-operat kontinwi tal-istazzjonijiet terrestri tas-satellita li jipprovdu Servizz Satellitari Fiss fil-banda tal-frekwenzi 40,5–43,5 GHz.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-ftehimiet tal-koordinazzjoni transfruntiera biex jabilitaw l-operat tas-sistemi terrestri msemmija fl-Artikolu 1, filwaqt li jqisu l-proċeduri u d-drittijiet regolatorji eżistenti, applikabbli skont il-ftehimiet internazzjonali rilevanti.

Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw din id-Deċiżjoni sal-31 ta’ Diċembru 2026.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni minnufih wara l-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali rilevanti.

L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw l-użu tal-banda tal-frekwenzi 40,5–43,5 GHz, inkluż il-progress fil-koeżistenza bejn is-sistemi terrestri msemmija fl-Artikolu 1 u sistemi oħra li jużaw dik il-banda, u jirrapportaw is-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni meta jintalbu jew bl-inizjattiva tagħhom stess ħalli jkun jista’ jsir rieżami fil-ħin ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kummissjoni

Thierry BRETON

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/676(1)/oj.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/1972/oj).

(3)  Skont ir-Riżoluzzjoni ITU-R 243 (WRC-2019) dwar il-komponent Terrestri tat-Telekomunikazzjonijiet Mobbli Internazzjonali fil-baned tal-frekwenzi 37–43,5 GHz and 47,2–48,2 GHz.

(4)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv — Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits”, COM(2016) 587 final.

(5)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali”, COM(2021) 118 final.

(6)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali (ĠU L 323, 19.12.2022, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2481/oj).

(7)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “5G għall-Ewropa: Pjan ta’ Azzjoni”, COM(2016) 588 final.

(8)  Opinjoni dwar aspetti relatati mal-ispettru għas-sistemi bla fili tal-ġenerazzjoni li jmiss (5G) (RSPG16-032 final) tad-9 ta’ Novembru 2016, it-Tieni Opinjoni dwar in-networks 5G (RSPG18-005 final) tat-30 ta’ Jannar 2018, it-Tielet Opinjoni dwar l-isfidi relatati mal-implimentazzjoni tal-5G (RSPG19-007 final) tat-30 ta’ Jannar 2019.

(9)  Bħal skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1070 tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar l-ispeċifikazzjoni tal-karatteristiċi tal-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira skont l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 234, 21.7.2020, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1070/oj).

(10)  Skont ir-Regolamenti tar-Radju tal-UIT (edizzjoni tal-2020), il-banda tal-frekwenzi 42 GHz kollha hi allokata lis-Servizz Fiss fuq bażi koprimarja fit-tliet Reġjuni kollha tal-ITU.

(11)  Ir-Rapport 82 mis-CEPT lill-Kummissjoni Ewropea bi tweġiba għall-Mandat “biex jiġu żviluppati l-inqas kundizzjonijiet tekniċi armonizzati restrittivi li jixirqu għas-sistemi terrestri mingħajr fili tal-ġenerazzjoni li jmiss (5G) għall-baned ta’ frekwenzi prijoritarji ogħla minn 24 GHz”, L-inqas kundizzjonijiet tekniċi armonizzati restrittivi għall-banda tal-frekwenzi 40,5–43,5 GHz, https://docdb.cept.org/document/28574.

(12)  L-ETSI TS 138 104 (v16.9.0) jiddefinixxi l-banda tal-frekwenzi 39,5–43,5 GHz biex tintuża mat-teknoloġija New Radio (NR) ibbażata fuq id-dupleks tad-diviżjoni tal-ħin (TDD), u wisgħat tal-banda tal-kanali ta’ 50 MHz, 100 MHz, 200 MHz u 400 MHz.

(13)  Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/53/oj).

(14)  Għall-istazzjonijiet bażi ara l-ETSI TS 138 104 V17.6.0 (it-Tabella 9.7.4.3.3-2), u għall-istazzjonijiet terminali ara l-ETSI TS 138.101-2 V17.6.0 (it-Tabella 6.5.2.1-1).

(15)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-ECC (22)01 “Linji gwida għall-appoġġ tal-introduzzjoni tal-MFCN fil-banda 40,5–43,5 GHz filwaqt li jkun żgurat l-użu proporzjonat ta’ stazzjonijiet terrestri riċeventi FSS fil-banda tal-frekwenzi 40,5–42,5 GHz u l-użu ta’ stazzjonijiet terrestri trażmittenti FSS fil-banda tal-frekwenzi 42,5–43,5 GHz u l-possibbiltà ta’ varar futur ta’ dawn l-istazzjonijiet terrestri”.

(16)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-ECC (22)02 “Linji gwida dwar miżuri li jiffaċilitaw il-kompatibbiltà bejn l-MFCN li joperaw fil-banda 40,5–43,5 GHz u stazzjonijiet terrestri riċeventi FSS fil-banda 39,5–40,5 GHz, u li jevitaw u/jew isolvu kwistjonijiet ta’ interferenza”.


ANNESS

KUNDIZZJONIJIET TEKNIĊI MSEMMIJA FL-ARTIKOLI 2 U 3

1.   DEFINIZZJONIJIET

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

sistemi ta’ antenni attivi (AAS)” tfisser stazzjon bażi u sistema ta’ antenna fejn l-amplitudni u/jew il-fażi bejn l-elementi tal-antenna jiġu aġġustati kontinwament, u b’hekk jinħoloq pattern tal-antenna li jvarja skont il-bidliet immedjati fl-ambjent tar-radju. Dan jeskludi t-tiswir tar-raġġi fit-tul bħall-inklinazzjoni elettrika fissa dixxendenti. Fl-istazzjonijiet bażi AAS attivi, is-sistema ta’ antenna tiġi integrata bħala parti mis-sistema jew il-prodott tal-istazzjon bażi;

(2)

operat sinkronizzat” tfisser l-operat ta’ żewġ networks differenti jew aktar ta’ dupleks tad-diviżjoni tal-ħin (TDD), meta ma jsirux trażmissjonijiet uplink (UL) u downlink (DL) simultanji, jiġifieri li f’kull ħin partikolari n-networks kollha jittrażmettu b’downlink jew inkella n-networks kollha jittrażmettu b’uplink. Dan jeħtieġ l-allinjament tat-trażmissjonijiet DL u UL kollha għan-networks TDD kollha involuti, u jeħtieġ ukoll is-sinkronizzazzjoni tal-bidu tal-frejm fin-networks kollha;

(3)

operat mhux sinkronizzat” tfisser l-operat ta’ żewġ networks TDD differenti jew aktar, meta f’kull ħin partikolari jkun hemm imqar network wieħed qed jittrażmetti b’DL filwaqt li mqar network wieħed qed jittrażmetti b’UL. Dan jaf jiġri jekk in-networks TDD ma jallinjawx it-trażmissjonijiet DL u UL kollha jew inkella meta ma jissinkronizzawx fil-bidu tal-frejm;

(4)

operat semisinkronizzat” tfisser l-operat ta’ żewġ networks TDD differenti jew aktar, meta parti mill-frejm tkun konsistenti mal-operat sinkronizzat, filwaqt li l-bqija tal-frejm ikun konsistenti mal-operat mhux sinkronizzat. Dan jeħtieġ l-adozzjoni ta’ struttura tal-frejm għan-networks TDD kollha involuti, inkluż slottijiet meta d-direzzjoni UL/DL ma tkunx speċifikata, kif ukoll is-sinkronizzazzjoni tal-bidu tal-frejm fin-networks kollha;

(5)

potenza rradjata iżotropikament ekwivalenti (EIRP)” hija l-multiplikazzjoni tal-potenza fornuta lill-antenna bil-gwadann tal-antenna f’direzzjoni partikolari relattiva għal antenna iżotropika (gwadann assolut jew iżotropiku);

(6)

potenza rradjata totali (TRP)” hija unità tal-kejl tal-ammont tal-potenza rradjata minn antenna kompożita. Din hi daqs l-input tal-potenza kondotta totali fis-sistema tal-array tal-antenna wara t-tnaqqis tat-telf li jkun hemm fis-sistema tal-array tal-antenna. TRP tfisser l-integral tal-potenza trażmessa f’direzzjonijiet differenti tul l-isfera sħiħa tar-radjazzjoni kif turi l-formula:

Formula

fejn P(θ,φ) hi l-potenza rradjata minn sistema tal-array tal-antenna fid-direzzjoni (θ,φ) mogħtija bil-formula:

Formula

fejn PTx tirrappreżenta l-potenza kondotta (imkejla bil-Watts), li tkun l-input tas-sistema tal-array, u g(θ,φ) tirrappreżenta l-gwadann direzzjonali tas-sistema tal-array tul id-direzzjoni (θ,φ).

2.   PARAMETRI ĠENERALI

(1)

Il-modalità dupleks tal-operat fil-banda tal-frekwenzi 40,5–43,5 GHz għandha tkun it-TDD.

(2)

Id-daqs tal-blokka assenjata għandu jkun multipli ta’ 200 MHz. Daqs iżgħar tal-blokka ta’ 50 MHz jew 100 MHz jew 150 MHz, kontigwu mal-blokka assenjata ta’ utent ieħor tal-ispettru hu possibbli wkoll biex ikun żgurat użu effiċjenti tal-banda tal-frekwenzi kollha.

(3)

Il-kundizzjonijiet tekniċi f’dan l-Anness huma essenzjali biex tiġi indirizzata l-koeżistenza reċiproka tas-sistemi terrestri li huma kapaċi jipprovdu servizzi tal-komunikazzjoni elettronika tal-broadband mingħajr fili (WBB ECS) u l-koeżistenza ta’ dawn is-sistemi ma’ riċevituri tal-istazzjonijiet spazjali fis-Servizz Satellitari Fiss (FSS) fil-banda tal-frekwenzi 42,5–43,5 GHz.

(4)

It-trażmissjoni ta’ stazzjon bażi u ta’ stazzjon terminali fil-banda tal-frekwenzi 40,5–43,5 GHz għandha tikkonforma mal-kundizzjonijiet tekniċi stabbiliti f’dan l-Anness.

(5)

Il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati previsti hawn taħt huma bbażati fuq is-suppożizzjoni ta’ varar ta’ hotspot u fuq reġim tal-awtorizzazzjoni fejn il-pożizzjonijiet tal-istazzjonijiet bażi WBB ECS (it-trażmettituri u r-riċevituri) ikunu magħrufa. Biex tiġi implimentata l-protezzjoni meħtieġa għas-sistemi msemmija fl-Artikolu 3, jaf ikun hemm bżonn xi miżuri addizzjonali fil-livell nazzjonali għar-reġim tal-awtorizzazzjoni meta l-pożizzjonijiet tal-istazzjonijiet bażi WBB ECS ma jkunux magħrufa qabel installazzjoni (1), li fl-istess waqt xorta jkunu jirrispettaw il-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għad-WBB ECS stabbiliti f’dan l-Anness.

(6)

Jaf ikun hemm bżonn xi miżuri addizzjonali fil-livell nazzjonali biex tkun żgurata l-protezzjoni xierqa tal-istazzjonijiet terrestri tas-satellita riċeventi li joperaw fil-banda tal-frekwenzi 40,5–42,5 GHz u, jekk ikun hemm bżonn, fil-banda tal-frekwenzi 39,5–40,5 GHz kontigwa, u tas-sistemi fis-Servizz tal-Astronomija tar-Radju (RAS) fil-banda tal-frekwenzi 42,5–43,5 GHz, u biex tkun żgurata l-koeżistenza ta’ sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu konnessjonijiet terrestri fissi (2) lill-WBB ECS.

(7)

Fil-każ tal-istazzjonijiet bażi WBB ECS, il-protezzjoni tas-servizzi kontigwi li huma inqas minn 40,5 GHz u iżjed minn 43,5 GHz tingħata bil-limiti rilevanti barra mill-banda, li jiġu derivati f’konformità mal-ETSI TS 138 104 V17.6.0 (it-Tabella 9.7.4.3.3-2) (3).

(8)

Fil-każ tal-istazzjonijiet terminali, il-protezzjoni tas-servizzi kontigwi tingħata bir-rekwiżiti tal-ETSI TS 138.101-2 V.17.6.0 (it-Tabella 6.5.2.1-1).

L-illustrazzjoni 1 tagħti eżempju ta’ arranġament possibbli tat-tqassim tal-kanali.

Illustrazzjoni 1

Eżempju ta’ arranġament tat-tqassim tal-kanali fil-banda tal-frekwenzi 40,5–43,5 GHz

Image 1

3.   KUNDIZZJONIJIET TEKNIĊI GĦALL-ISTAZZJONIJIET BAŻI — BLOCK EDGE MASK

Il-parametri tekniċi li ġejjin għall-istazzjonijiet bażi, imsejħa Block Edge Mask (BEM), huma komponent essenzjali tal-kundizzjonijiet meħtieġa biex tkun żgurata l-koeżistenza bejn in-networks kontigwi li kapaċi jipprovdu WBB ECS, meta ma jkunx hemm ftehimiet bilaterali jew multilaterali bejn l-operaturi ta’ dawk in-networks kontigwi. L-operaturi tan-networks WBB ECS fil-banda tal-frekwenzi 40,5–43,5 GHz jistgħu jaqblu bilateralment jew multilateralment, fuq parametri tekniċi inqas stretti diment li jibqgħu konformi mal-kundizzjonijiet tekniċi applikabbli għall-protezzjoni ta’ servizzi, applikazzjonijiet jew networks oħra u mal-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-koordinazzjoni transfruntiera. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-parametri tekniċi inqas stretti jkunu jistgħu jintużaw bi ftehim mill-partijiet ikkonċernati kollha.

Il-BEM hija maskra tal-emissjonijiet li tiddefinixxi l-livelli tal-potenza bħala funzjoni tal-frekwenza relattiva għat-tarf ta’ blokka ta’ spettru assenjata lil operatur. Il-BEM tikkonsisti minn diversi elementi, kif mogħti fit-Tabella 1. Il-limitu tal-potenza ġol-blokka jiġi applikat fir-rigward ta’ blokka assenjata lil operatur. Il-limitu tal-potenza tal-linja bażi jiżgura l-protezzjoni tal-ispettru ta’ operaturi oħra fil-banda tal-frekwenzi 40,5–43,5 GHz. Il-limitu tal-potenza tar-reġjun tranżizzjonali jippermetti filtru roll-off minn ġol-blokka għal-limitu tal-potenza tal-linja bażi biex jiżgura l-koeżistenza ma’ operaturi oħra fi blokok kontigwi. Kemm il-limitu tal-potenza tal-linja bażi kif ukoll il-limitu tal-potenza tar-reġjun tranżizzjonali jirrappreżentaw elementi BEM barra mill-blokk.

L-illustrazzjoni 2 turi BEM ġenerali applikabbli għall-banda tal-frekwenzi 40,5–43,5 GHz.

Illustrazzjoni 2

Illustrazzjoni ta’ block edge mask

Image 2

Mhu speċifikat l-ebda limitu armonizzat tal-potenza ġol-blokka. It-Tabelli 2 u 3 jassumu operat sinkronizzat. Operat mhux sinkronizzat jew semisinkronizzat jeħtieġ is-separazzjoni ġeografika tan-networks ġirien, filwaqt li jistgħu jiġu applikati wkoll miżuri tal-mitigazzjoni xierqa addizzjonali applikabbli fil-livell nazzjonali. It-Tabella 4 tipprovdi kundizzjoni teknika addizzjonali għall-istazzjonijiet bażi biex tiffaċilita l-koeżistenza mas-sistemi satellitari tal-FSS mid-dinja sal-ispazju.

Tabella 1

Definizzjoni tal-elementi BEM

Element BEM

Definizzjoni

Ġol-blokka

Blokka assenjata tal-ispettru li għaliha tiġi derivata l-BEM.

Linja bażi

L-ispettru fil-banda tal-frekwenzi 40,5–43,5 GHz użat għas-sistemi terrestri li kapaċi jipprovdu WBB ECS, eskluż il-blokka tal-operatur li qed tiġi kkunsidrata u r-reġjuni tranżizzjonali korrispondenti.

Reġjun tranżizzjonali

Spettru kontigwu ma’ blokka tal-operatur.


Tabella 2

Limitu tal-potenza tar-reġjun tranżizzjonali tal-istazzjon bażi għal operat sinkronizzat

Medda tal-frekwenzi

TRP massima

Wisa’ tal-banda tal-kejl

Sa 50 MHz inqas jew iżjed minn blokka ta’ operatur

12 dBm

50 MHz

Nota ta’ spjegazzjoni

Dan il-limitu jiżgura koeżistenza bejn in-networks tal-komunikazzjoni elettronika tal-broadband mingħajr fili fi blokka/blokok kontigwi fil-banda tal-frekwenzi 40,5–43,5 GHz b’operat sinkronizzat. Jistgħu jiġu applikati miżuri tal-mitigazzjoni xierqa fil-livell nazzjonali fil-każ ta’ operat mhux sinkronizzat jew operat semisinkronizzat (4).

Tabella 3

Limitu tal-potenza tal-linja bażi tal-istazzjon bażi għal operat sinkronizzat

Medda tal-frekwenzi

TRP massima

Wisa’ tal-banda tal-kejl

Linja bażi

4 dBm

50 MHz

Nota ta’ spjegazzjoni

Il-limitu jiżgura koeżistenza bejn in-networks tal-komunikazzjoni elettronika tal-broadband mingħajr fili fi blokok mhux kontigwi fil-banda tal-frekwenzi 40,5–43,5 GHz b’operat sinkronizzat. Jistgħu jiġu applikati miżuri tal-mitigazzjoni xierqa fil-livell nazzjonali fil-każ ta’ operat mhux sinkronizzat jew operat semisinkronizzat (4).

Tabella 4

Kundizzjonijiet addizzjonali li japplikaw għall-istazzjonijiet bażi fuq barra tal-AAS

Rekwiżit dwar l-elevazzjoni tar-raġġ ewlieni tal-istazzjonijiet bażi fuq barra tal-AAS

Meta jiġu varati dawn l-istazzjonijiet bażi, għandu jkun żgurat li normalment kull antenna tittrażmetti biss bir-raġġ ewlieni ppuntat lejn taħt l-orizzont u, barra minn hekk, l-antenna għandu jkollha ppuntar mekkaniku taħt l-orizzont ħlief meta l-istazzjon bażi jkun qed jirċievi biss.

Nota ta’ spjegazzjoni

Il-kundizzjoni tapplika għall-protezzjoni tar-riċevituri tal-istazzjon spazjali fl-FSS (mid-dinja sal-ispazju).


(1)  L-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kondiviżjoni timplika l-ħtieġa għal informazzjoni bil-quddiem dwar il-pożizzjoni eżistenti jew ippjanata tas-sistema li tinterferixxi u/jew interrotta, jew dwar id-distanza bejniethom.

(2)  Gwida dwar dawn il-miżuri tinsab fir-Rakkomandazzjonijiet tal-ECC (22)01 u (22)02.

(3)  Il-valuri għal dawk il-limiti huma: TRP ta’ -5 dBm/MHz (0 ≤ Δf < 20 MHz), -13 dBm/MHz (20 MHz ≤ Δf < 400 MHz) u limiti apparenti għal Δf > 400 MHz.

(4)  Informazzjoni rilevanti tinsab fir-Rapport 307 tal-ECC “Toolbox for the most appropriate synchronisation regulatory framework including coexistence of MFCN in 24,25–27,5 GHz in unsynchronised and semi-synchronised mode”, approvat fis-6 ta’ Marzu 2020.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1983/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)