European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1978

16.7.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/1978

tal-15 ta’ Lulju 2024

li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2022/1236 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati tan-Niġer

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1236 (1) li stabbiliet miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati tan-Niġer.

(2)

Fis-26 ta’ Lulju 2023, skont l-Artikolu 64(1), il-punt (b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (2), ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ssospenda b’mod proviżorju l-miżura ta’ assistenza b’appoġġ għall-Forzi Armati tan-Niġer peress li, wara l-kolp ta’ stat fin-Niġer, is-sitwazzjoni ma baqgħetx tippermetti li l-miżura ta’ assistenza tiġi implimentata filwaqt li jiġu żgurati garanziji suffiċjenti.

(3)

Fit-23 ta’ April 2024, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà, skont l-Artikolu 64(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, irrakkomanda lill-Kunsill it-terminazzjoni tal-miżura ta’ assistenza stabbilita bid-Deċiżjoni (PESK) 2022/1236.

(4)

Jenħtieġ li l-miżura ta’ assistenza b’appoġġ għall-Forzi Armati tan-Niġer tintemm u għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1236 titħassar,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati tan-Niġer, stabbilita bid-Deċiżjoni (PESK) 2022/1236, hija b’dan mitmuma.

2.   Id-Deċiżjoni (PESK) 2022/1236 titħassar.

3.   Id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/1236 għandhom ikomplu japplikaw għall-implimentazzjoni tan-nefqa impenjata sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni u għall-kontabbiltà u l-inventarju relatati, l-awditjar u l-preżentazzjoni tal-kontijiet, u r-responsabbiltà, sakemm tkun ingħatat kwittanza lill-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għal tali nefqa. Il-kostijiet relatati mat-terminazzjonital-kuntratt bejn l-Amministratur għall-Miżuri ta’ Assistenza u l-Attur tal-Implimentazzjoni għandhom jitqiesu eliġibbli.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

NAGY I.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1236 tat-18 ta’ Lulju 2022 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex tappoġġa l-Forzi Armati tan-Niġer (ĠU L 190, 19.7.2022, p. 121).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1978/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)