Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
2024/1976 |
22.7.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1976
tad-19 ta’ Lulju 2024
li jniedi investigazzjoni dwar possibilità ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri antidumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/633 fuq l-importazzjonijiet ta’ glutamat tal-monosodju li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina minn importazzjonijiet ta’ glutamat tal-monosodju kkunsinnati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u kemm jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 13(3) u 14(5) tiegħu,
Wara li infurmat lill-Istati Membri,
Billi:
A. TALBA
(1) |
Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) u biex tagħmel l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju (“MSG”) ikkonsenjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le, li huma soġġetti għar-reġistrazzjoni. |
(2) |
It-talba tressqet fis-7 ta’ Ġunju 2024 minn Ajinomoto Foods Europe. |
B. PRODOTT
(3) |
Il-prodott ikkonċernat mill-evażjoni possibbli huwa l-glutamat tal-monosodju, ikklassifikat fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/633 (2) taħt il-kodiċi NM ex 2922 42 00 (kodiċi TARIC 2922420010) u li joriġina mir-RPĊ (“il-prodott ikkonċernat”). Dan huwa l-prodott li għalih japplikaw il-miżuri li huma fis-seħħ bħalissa. |
(4) |
Il-prodott taħt investigazzjoni huwa l-istess bħall-prodott ikkonċernat, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 2922 42 00 iżda kkonsenjat mill-Malasja, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Malasja kif ukoll jekk le (kodiċi TARIC 2922420015) (“il-prodott taħt investigazzjoni”). |
C. MIŻURI EŻISTENTI
(5) |
Il-miżuri li huma fis-seħħ attwalment u li possibbilment qiegħed ikun hemm iċ-ċirkomvenzjoni tagħhom huma miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/633 (“il-miżuri eżistenti”). |
D. RAĠUNIJIET
(6) |
It-talba fiha provi biżżejjed li qiegħed ikun hemm ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat permezz ta’ importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni. |
(7) |
L-evidenza fit-talba turi dan li ġej. |
(8) |
Wara l-impożizzjoni tal-miżuri fuq il-prodott ikkonċernat, seħħet bidla fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi l-esportazzjonijiet mir-RPĊ u mill-Malażja lejn l-Unjoni. |
(9) |
Din il-bidla tidher li ġejja minn prattika li għaliha ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-estensjoni tad-dazju, jiġifieri t-trażbord tal-prodott ikkonċernat permezz tal-Malażja lejn l-Unjoni. Sa fejn hemm xi pproċessar ta’ materjali ta’ input f’MSG fil-Malażja, it-talba allegat li tali pproċessar jammonta għal sempliċi operazzjoni ta’ assemblaġġ / tlestija skont it-tifsira tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. |
(10) |
L-evidenza turi li minħabba l-prattika deskritta hawn fuq, l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat qegħdin jiddgħajfu kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll f’termini ta’ prezzijiet. Jidher li daħlu volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni fis-suq tal-UE. Barra minn hekk, hemm provi biżżejjed li l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni qegħdin isiru bi prezzijiet dannużi. |
(11) |
Fl-aħħar, l-evidenza turi li l-prezzijiet tal-prodott taħt investigazzjoni huma oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għall-prodott ikkonċernat. |
(12) |
Fl-eventwalità li l-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni koperti mill-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, differenti minn dik imsemmija hawn fuq, jiġu identifikati matul l-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri dawn il-prattiki wkoll. |
E. PROĊEDURA
(13) |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal. hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku u li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni soġġetti għal reġistrazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. |
(14) |
Sabiex jiksbu l-informazzjoni meħtieġa għal din l-investigazzjoni, jenħtieġ li l-partijiet interessati kollha jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, iżda mhux aktar tard mil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament. Il-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha. Jekk ikun meħtieġ, jista’ wkoll jintalab tagħrif mingħand l-industrija tal-Unjoni. |
(15) |
L-awtoritajiet tal-Malażja u tar-RPĊ se jiġu nnotifikati bil-ftuħ tal-investigazzjoni. |
(a) Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza
(16) |
L-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Qabel ma jippreżentaw informazzjoni u / jew data lill-Kummissjoni li tkun soġġetta għal drittijiet tal-awtur ta’ terzi, il-partijiet interessati jridu jitolbu permess speċifiku mingħand id-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti espliċitament (a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment ta’ difiża tal-kummerċ u (b) li tingħata l-informazzjoni u / jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermetti li jeżerċitaw id-dritt tad-difiża tagħhom. |
(17) |
Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, fosthom l-informazzjoni mitluba f’dan ir-Regolament, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (3). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġuni għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali. |
(18) |
Il-partijiet li jipprovdu informazzjoni “Sensitive” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties”. Jenħtieġ li dawn it-taqsiriet ikunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli. |
(19) |
Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġuni ġusta għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta. |
(20) |
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://webgate.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi talbiet biex jiġu rreġistrati bħala partijiet interessati, dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni. |
(21) |
Sabiex ikollhom aċċess għal TRON.tdi, il-partijiet interessati jeħtieġ ikollhom kont tal-EU Login. L-istruzzjonijiet kollha dwar kif wieħed jirreġistra u juża TRON.tdi jinsabu hawnhekk https://webgate.ec.europa.eu/tron/resources/documents/gettingStarted.pdf. Il-partijiet interessati, meta jużaw TRON.tdi jew l-email, jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (Korrispondenza mal-Kummissjoni Ewropea f’każijiet ta’ difiża tal-kummerċ) ippubblikat fis-sit tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://europa.eu/!7tHpY3. |
(22) |
Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika validu u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika mogħti jkun indirizz tal-posta elettronika kummerċjali uffiċjali li jiffunzjona u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, dment li ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmijin hawn fuq. |
(23) |
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
TRON.tdi: https://webgate.ec.europa.eu/tron/tdi |
(b) Ġbir ta’ tagħrif u seduti ta’ smigħ
(24) |
Il-partijiet interessati kollha inkluż l-industrija tal-Unjoni, l-importaturi u kwalunkwe assoċjazzjoni rilevanti huma mistiedna jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dment li dawn is-sottomissjonijiet isiru fi żmien l-iskadenza prevista fl-Artikolu 3(2). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, dment li jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn jenħtieġ li jinstemgħu. |
(c) Talba għal eżenzjonijiet
(25) |
F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni jistgħu jiġu eżentati mill-miżuri jekk l-importazzjoni ma tkunx tikkostitwixxi ċirkomvenzjoni. |
(26) |
Peress li ċ-ċirkomvenzjoni possibbli sseħħ barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, lill-produtturi tal-prodott taħt investigazzjoni fil-Malażja li jistgħu juru li mhumiex involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni kif definit fl-Artikoli 13(1) u 13(2) tar-Regolament bażiku. Jekk ikun hemm produtturi jixtiequ jiksbu eżenzjoni għandhom jippreżentaw ruħhom fil-limitu ta’ żmien indikat fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament. Kopji tal-formola tat-talba għal eżenzjoni għall-produtturi esportaturi fil-Malażja u l-kwestjonarji għall-importaturi fl-UE huma disponibbli fil-fajl għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati u fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2737. Il-kwestjonarji jridu jiġu ppreżentati fil-limitu ta’ żmien indikat fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament. |
F. REĠISTRAZZJONI
(27) |
Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni għandhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni sabiex ikun żgurat li, jekk mill-investigazzjoni jirriżulta li tkun ikkonstatata ċirkomvenzjoni, ikun jista’ jiġi impost ammont xieraq ta’ dazji anti-dumping, li ma jaqbiżx id-dazju residwu impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/633, mid-data li fiha tkun ġiet imposta r-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet. |
G. PERJODI TAŻ-ŻMIEN
(28) |
Sabiex ikun hemm amministrazzjoni tajba, jenħtieġ li jiġu ddikjarati l-limiti ta’ żmien li fihom:
|
(29) |
Ta’ min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċitar tad-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-partijiet jippreżentaw lilhom infushom fil-limiti ta’ żmien indikati fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament. |
H. NONKOOPERAZZJONI
(30) |
Jekk xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti ta’ skadenza stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. |
(31) |
Jekk jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet tagħrif falz jew qarrieq, it-tagħrif ma għandux jitqies u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. |
(32) |
Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat. |
I. SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI
(33) |
L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament. |
J PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI
(34) |
Ta’ min jinnota li kull data personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
(35) |
Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar il-proċessar ta’ data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni hija disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W. |
K L-UFFIĊJAL TAS-SMIGĦ
(36) |
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Smigħ għall-proċedimenti tal-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Smigħ jeżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jaf tfeġġ matul il-proċediment. |
(37) |
L-Uffiċjal tas-Smigħ jista’ jorganizza seduti u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Smigħ issir bil-miktub u tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Smigħ jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti jsiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu. |
(38) |
Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u bla dewmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Smigħ malajr kemm jista’ jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati lil hinn mill-oqfsa ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Smigħ jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn dawn it-talbiet ikunu saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin. |
(39) |
Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Smigħ fis-sit web tad-DĠ KUMMERĊ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_en |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Inbdiet investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju attwalment ikklassifikat taħt il-kodiċi NM ex 2922 42 00 ikkonsenjat mill-Malasja, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Malasja kif ukoll jekk le, (il-kodiċi TARIC 2922420015) humiex qed jevitaw il-miżuri imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/633 fuq il-glutamat tal-monosodju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
Artikolu 2
1. L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 13(3) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.
2. Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3
1. Il-partijiet interessati jridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
2. Biex ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom jiġu kkunsidrati waqt l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju, talbiet għal eżenzjonijiet, jew kwalunkwe informazzjoni oħra fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
3. Il-partijiet interessati jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum. Għal seduti ta’ smigħ li jikkonċernaw il-fażi tal-bidu tal-investigazzjoni t-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Kull talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Lulju 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/633 tal-14 ta’ April 2021 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-glutamat tal-monosodju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 132, 19.4.2021. p. 63).
(3) Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-dumping). Dan huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1976/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)