|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1908 |
8.7.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ (PESK) 2024/1908
tal-4 ta’ Lulju 2024
dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE għall-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia) u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2023/615 (EUTM Somalia/2/2024)
IL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 38 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/96/PESK tal-15 ta’ Frar 2010 dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha,
Billi:
|
(1) |
Fil-15 ta’ Frar 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/96/PESK, li stabbilixxiet missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia). |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 2010/96/PESK, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUTM Somalia, u huwa awtorizzat mill-Kunsill biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti skont l-Artikolu 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, inkluż id-deċiżjonijiet dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE għall-EUTM Somalia. |
|
(3) |
Fl-14 ta’ Marzu 2023, il-KPS adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/615 (2), li taħtar lill-Brigadier Ġeneral Fulvio POLI bħala l-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE għall-EUTM Somalia mit-23 ta’ Marzu 2023. |
|
(4) |
Fis-17 ta’ Mejju 2024, l-awtoritajiet militari Taljani pproponew il-ħatra tal-Brigadier Ġeneral Giuseppe ZIZZARI biex jieħu post il-Brigadier Ġeneral Fulvio POLI bħala l-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE għall-EUTM Somalia (il-“ħatra proposta”). |
|
(5) |
Fl-4 ta’ Ġunju 2024, il-Kumitat Militari tal-UE appoġġa l-ħatra proposta u qabel li l-KPS jaħtar lill-Brigadier Ġeneral Giuseppe ZIZZARI bħala Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE għall-EUTM Somalia mill-11 ta’ Lulju 2024. |
|
(6) |
Jenħtieġ li tittieħed deċiżjoni dwar il-ħatra tal-Brigadier Ġeneral Giuseppe ZIZZARI bħala Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE għall-EUTM Somalia. |
|
(7) |
Jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2023/615 titħassar, |
ADOTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Brigadier Ġeneral Giuseppe ZIZZARI huwa b’dan maħtur bħala l-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE għall-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia) mil-11 ta’ Lulju 2024.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/615 hija b’dan imħassra.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-11 ta’ Lulju 2024.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Lulju 2024.
Għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà
Il-President
D. PRONK
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1908/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)