|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1900 |
12.7.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1900
tal-11 ta’ Lulju 2024
li ttemm l-investigazzjoni kontra s-sussidji li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti esteri tal-fosfat tal-alkil li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet ilment skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/1037 (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta’ ċerti esteri tal-fosfat tal-alkil, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, qed jiġu sussidjati u għadaqstant qed ikunu ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni. |
|
(2) |
L-ilment tressaq fit-8 ta’ Novembru 2023 minn ICL Europe U.A., Lanxess Deutschland GmbH u PCC Rokita S.A (“l-ilmentaturi”). L-ilment sar f’isem l-industrija tal-Unjoni ta’ ċerti esteri tal-fosfat tal-alkil fis-sens tal-Artikolu 10(6) tar-Regolament bażiku. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku fil-21 ta’ Diċembru 2023. |
|
(4) |
Fl-11 ta’ Awwissu 2023, il-Kummissjoni kienet bdiet investigazzjoni anti-dumping dwar l-importazzjonijiet tal-istess prodott mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2), u l-miżuri provviżorji fuq dawn l-importazzjonijiet ġew imposti mill-11 ta’ April 2024 (3). |
2. IRTIRAR TAT-TALBA
|
(5) |
F’email lill-Kummissjoni ddatata l-15 ta’ April 2024, l-ilmentaturi rtiraw l-ilment tagħhom. |
|
(6) |
F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku, il-proċediment jista’ jiġi mitmum, għajr jekk din it-terminazzjoni ma tkunx fl-interess tal-Unjoni. |
|
(7) |
L-investigazzjoni ma kienet żvelat l-ebda kunsiderazzjoni li turi li tali terminazzjoni ma tkunx fl-interess tal-Unjoni. |
3. KONKLUŻJONI U DIVULGAZZJONI
|
(8) |
Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-proċediment jenħtieġ li jintemm mingħajr determinazzjoni formali li tikkonċerna l-prattiki ta’ sussidjar tal-produtturi esportaturi Ċiniżi. |
|
(9) |
Il-partijiet interessati ġew infurmati b’dan kif xieraq u ngħataw l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom. |
|
(10) |
Ma wasal l-ebda kumment. |
|
(11) |
Din id-Deċiżjoni hija f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament bażiku, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-investigazzjoni kontra s-sussidji li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti esteri tal-fosfat tal-alkil li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina attwalment ikklassifikati taħt l-ex kodiċi NM 2919 90 00 (kodiċijiet TARIC 2919900050 u 2919900065) u l-ex kodiċi NM 3824 99 92 (kodiċi TARIC 3824999238) hija b’dan mitmuma.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.
(2) Notifika ta’ bidu ta’ proċedura anti-dumping rigward l-importazzjoni ta’ ċerti esteri tal-fosfat tal-alkil, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 282, 11.8.2023, p. 4).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1064 tad-9 ta’ April 2024 li jimponi dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti esteri tal-fosfat tal-alkil li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L, 2024/1064, 10.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1064/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1900/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)