|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1899 |
11.7.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1899
tal-4 ta’ Lulju 2024
li jagħti protezzjoni fl-Unjoni lid-Denominazzjoni ta’ Oriġini “تين دجبة / Figues de Djebba” irreġistrata fir-Reġistru Internazzjonali tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Att ta’ Ġinevra
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta' Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1) u (3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 5(1) u (2) tal-Att ta’ Ġinevra, l-Awtoritajiet Kompetenti ta’ kull Parti Kontraenti għall-Att ta’ Ġinevra jistgħu jirreġistraw applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini jew ta’ Indikazzjoni Ġeografika mal-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, li jirreġistraha fir-Reġistru Internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 6 tal-Att ta’ Ġinevra. F’konformità mal-Artikolu 9 tal-Att ta’ Ġinevra, il-Partijiet Kontraenti l-oħra għandhom jipproteġu denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati fis-sistema legali tagħhom stess soġġetti għal ċaħda, rinunzja, invalidazzjoni jew kanċellazzjoni. |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 6(4) tal-Att ta’ Ġinevra, fis-27 ta’ Settembru 2023, il-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali nnotifika lill-Kummissjoni li l-isem “تين دجبة / Figues de Djebba”, użat mit-Tuneżija, ġie rreġistrat bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini fir-Reġistru Internazzjonali tad-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont l-Att ta’ Ġinevra. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2019/1753, ir-reġistrazzjoni internazzjonali tal-Denominazzjoni ta’ Oriġini “تين دجبة / Figues de Djebba” ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) biex tkun tista’ tiġi ppreżentata oppożizzjoni possibbli. |
|
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/1753, il-Kummissjoni vvalutat ir-reġistrazzjoni internazzjonali tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini “تيندجبة / Figues de Djebba” skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu, inkluża l-informazzjoni addizzjonali mitluba intenzjonalment lit-Tuneżija fir-rigward tad-dettalji li jikkonċernaw il-kwalità, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi kif stabbilit fir-Regola 5(3) tar-Regolamenti Komuni skont il-Ftehim ta’ Lisbona u l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona, u kkonkludiet li dawn ġew issodisfati. |
|
(5) |
Billi l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda oppożizzjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2019/1753, jenħtieġ li l-isem “تين دجبة / Figues de Djebba” jiġi protett fl-Unjoni, f’konformità mal-Att ta’ Ġinevra. |
|
(6) |
Billi d-Denominazzjoni ta’ Oriġini “تين دجبة / Figues de Djebba” ġiet irreġistrata skont il-Ftehim ta’ Lisbona, jeħtieġ li jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija minn dan ir-Regolament u l-konsegwenzi u l-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni fis-seba’ Stati Membri li huma parti mill-Ftehim ta’ Lisbona. |
|
(7) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità għall-prodotti agrikoli, l-inbid u x-xorb spirituż skont ir-Regolament (UE) 2024/1143, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-isem “تين دجبة / Figues de Djebba”, irreġistrat bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini fir-Reġistru Internazzjonali, għandu jkun protett fl-Unjoni.
L-isem imsemmi fl-ewwel paragrafu jidentifika prodott tat-tip “frott”.
Artikolu 2
Il-protezzjoni msemmija fl-Artikolu 1 tapplika għat-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea u tieħu post ir-reġim nazzjonali ta’ protezzjoni applikabbli fl-Istati Membri li huma parti mill-Ftehim ta’ Lisbona. Għandha tiġi ggarantita l-kontinwità mal-protezzjoni nazzjonali mogħtija f’dawk l-Istati Membri lid-Denominazzjoni tal-Oriġini “تين دجبة / Figues de Djebba”.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Lulju 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 271, 24.10.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1753/oj.
(2) ĠU C, C/2023/431, 20.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/431/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1899/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)