|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1892 |
11.7.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1892
tal-10 ta’ Lulju 2024
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni ta’ perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi amisulbrom, aċidu S-abxissiku, tijenkarbażon u valifenalat
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17, l-ewwel subparagrafu, tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 193/2014 (2) approva s-sustanza attiva amisulbrom sat-30 ta’ Ġunju 2024. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 151/2014 (3) approva s-sustanza attiva aċidu S-abxissiku sat-30 ta’ Ġunju 2024. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 145/2014 (4) approva s-sustanza attiva tijenkarbażon sat-30 ta’ Ġunju 2024. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 144/2014 approva s-sustanza attiva valifenalat sat-30 ta’ Ġunju 2024 (5). |
|
(2) |
Is-sustanzi attivi amisulbrom, aċidu S-abxissiku, tijenkarbażon u valifenalat huma elenkati fil-Parti B tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (6). |
|
(3) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2007 (7) jestendi il-perjodu ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi amisulbrom, aċidu S-abxissiku, tijenkarbażon u valifenalat sat-30 ta’ Settembru 2024. |
|
(4) |
L-applikazzjonijiet u d-dossiers supplimentari għat-tiġdid tal-approvazzjonijiet ta’ kull waħda minn dawk is-sustanzi attivi ġew sottomessi f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1740 (8) 3 snin qabel id-data tal-iskadenza estiża tas-sustanzi attivi. Fit-3 ta’ Mejju 2023, fil-11 ta’ April 2022, fit-28 ta’ Ġunju 2022 u fl-4 ta’ Lulju 2022, l-Istati Membri relaturi tal-amisulbrom, tal-aċidu S-abxissiku, tat-tijenkarbażon u tal-valifenalat rispettivament infurmaw lill-Kummissjoni li kienu vverifikaw l-ammissibbiltà, b’mod partikolari l-kompletezza u t-tempestività, ta’ kull waħda minn dawn l-applikazzjonijiet, u kkonkludew li kienu ammissibbli. |
|
(5) |
Għas-sustanzi attivi tijenkarbażon u valifenalat, il-valutazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1740 għadha ma ġietx iffinalizzata mill-Istati Membri relaturi rispettivi. |
|
(6) |
Għas-sustanzi attivi amisulbrom u aċidu S-abxissiku, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) teħtieġ żmien addizzjonali biex tasal għal konklużjoni, u meta xieraq, tkun tesiġi konsultazzjoni mal-esperti. Huwa meħtieġ aktar żmien biex il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni li tirriżulta dwar il-ġestjoni tar-riskju. |
|
(7) |
Għalhekk huwa probabbli li l-ebda deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ dawn is-sustanzi attivi mhi se tkun tista’ tittieħed qabel l-iskadenza tal-perjodi tal-approvazzjoni rispettivi tagħhom fit-30 ta’ Settembru 2024, u minħabba li r-raġunijiet għad-dewmien fil-proċeduri tat-tiġdid mhumiex fil-kontroll tal-applikanti rispettivi, jenħtieġ li l-perjodi tal-approvazzjoni ta’ dawk is-sustanzi attivi jiġu estiżi sabiex ikunu jistgħu jitlestew il-valutazzjonijiet meħtieġa u sabiex jiġu ffinalizzati l-proċeduri rispettivi għat-tiġdid tal-approvazzjoni. |
|
(8) |
Għas-sustanzi attivi tijenkarbażon u valifenalat, peress li l-valutazzjoni tar-riskju għadha ma ġietx iffinalizzata mill-Istati Membri relaturi u fid-dawl taż-żmien meħtieġ biex jitlestew il-passi li fadal f’kull proċedura tat-tiġdid, id-durata tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni jenħtieġ li tiġi stabbilita għal 29 xahar. |
|
(9) |
Għas-sustanzi attivi amisulbrom u aċidu S-abxissiku, peress li l-Awtorità teħtieġ żmien addizzjonali biex tasal għal konklużjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskju tagħhom, id-durata tal-estensjoni tal-perjodu ta’ approvazzjoni għal dawn is-sustanzi attivi jenħtieġ li tiġi stabbilita għal 23 xahar u ġimagħtejn. |
|
(10) |
Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(11) |
F’każ li l-Kummissjoni tadotta Regolament li jipprevedi li l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament ma tiġġeddidx, il-Kummissjoni tiffissa d-data tal-iskadenza fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament jew fl-istess data kif kienet qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, skont liema data tiġi l-aħħar. F’każ li l-Kummissjoni tadotta Regolament li jipprevedi t-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tistabbilixxi l-eqreb data ta’ applikazzjoni possibbli kif ikun xieraq skont iċ-ċirkostanzi. |
|
(12) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1107/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 193/2014 tas-27 ta’ Frar 2014 li japprova s-sustanza attiva amisulbrom, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU L 59, 28.2.2014, p. 25, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/193/oj).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 151/2014 tat-18 ta’ Frar 2014 li japprova s-sustanza attiva aċidu S-abxissiku, b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU L 48, 19.2.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/151/oj).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 145/2014 tal-14 ta’ Frar 2014 li japprova s-sustanza attiva tijenkarbażon, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU L 45, 15.2.2014, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/145/oj).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 144/2014 tal-14 ta’ Frar 2014 li japprova s-sustanza attiva valifenalat, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU L 45, 15.2.2014, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/144/oj).
(6) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/540/oj).
(7) Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-kummissjoni (UE) 2020/2007 tat-8 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi 1-dekanol, 1,4-dimetilnaftalina, 6-benżiladenina, aċekinoċil, Adoxophyes orana granulovirus, sulfat tal-aluminju, amisulbrom, Aureobasidium pullulans (ir-razez DSM 14940 u DSM 14941), ażadiraktin, Bacillus pumilus QST 2808, benalaksil-M, bixafen, bupirimat, ir-razza O tal-Candida oleophila, klorantraniliprol, fosfonat tad-disodju, ditijanon, dodina, emamektin, flubendiammid, fluwometuron, fluksapirossad, flutriafol, eżitijażoss, imazamox, ipkonażol, isossaben, aċidu L-assorbiku, kubrit tal-ġir, żejt tal-larinġ, ir-razza FE9901 tal-Paecilomyces fumosoroseus, pendimethalin, penflufen, pentijopirad, fosfonati tal-potassju, prosulfuron, Pseudomonas sp. ir-razza DSMZ 13134, piridalil, pirjofenon, pirossulam, kinimerak, aċidu S-abxissiku, sedaxane, sintofen, tijosulfat tal-fidda u s-sodju, spinetoram, spirotetramat, Streptomyces lydicus tar-razza WYEC 108, tau-fluvalinat, tebufenożur, tembotrion, tijenkarbażon, valifenalat, fosfidu taż-żingu (ĠU L 414, 9.12.2020, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/2007/oj).
(8) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1740 tal-20 ta’ Novembru 2020 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (ĠU L 392, 23.11.2020, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1740/oj).
ANNESS
Il-Parti B tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata kif ġej:
|
(1) |
fis-sitt kolonna, skadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 65, aċidu S-abxissiku, id-data hija sostitwita bil-“15 ta’ Settembru 2026”; |
|
(2) |
fis-sitt kolonna, skadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 69, amisulbrom, id-data hija sostitwita bil-“15 ta’ Settembru 2026”; |
|
(3) |
fis-sitt kolonna, skadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 70, valifenalat, id-data hija sostitwita bl-“1 ta’ Marzu 2027”; |
|
(4) |
fis-sitt kolonna, skadenza tal-approvazzjoni, tar-ringiela 71, tijenkarbażon, id-data hija sostitwita bl-“1 ta’ Marzu 2027”. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1892/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)