European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1879

10.7.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1879

tad-9 ta’ Lulju 2024

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kalkolu tar-rekwiżiti tal-kumpens għall-fini tal-CORSIA

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(8) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/87/KE ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fl-2023 biex jiżdied il-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ekonomija kollha tal-Unjoni u tiġi implimentata b’mod xieraq l-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA, Carbon Offsetting and Reduction Scheme for International Aviation) tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO, International Civil Aviation Organization). Dik l-emenda żżomm il-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet għat-titjiriet intra-Ewropej u tapplika l-CORSIA għat-titjiriet li mhumiex titjiriet fiż-ŻEE u titjiriet bejn iż-ŻEE u l-Iżvizzera u r-Renju Unit.

(2)

Il-CORSIA ilha titħaddem mill-2019 għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet. Hija maħsuba biex tkun miżura bbażata fuq is-suq applikata madwar id-dinja biex tikkumpensa għall-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mill-avjazzjoni internazzjonali minn Jannar 2021. Il-linja bażi għall-2023 għall-kumpens hija l-livell tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni tal-2019. Il-linja bażi għall-kumpens hija 85 % tal-livell tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni tal-2019 mill-2024 ’il quddiem. Il-kumpens ’il fuq mil-linja bażi trid issir bil-kanċellazzjoni ta’ ċerti krediti tal-kumpens u bl-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni, irrapportati f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-att delegat adottat skont l-Artikolu 28c tad-Direttiva 2003/87/KE (“fjuwils eliġibbli tal-CORSIA”).

(3)

Fis-27 ta’ Ġunju 2018, waqt l-għaxar laqgħa tal-214-il sessjoni tiegħu, il-Kunsill tal-ICAO adotta l-Ewwel Edizzjoni tal-Anness 16, il-Volum IV, tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali ffirmata fis-7 ta’ Diċembru 1944 — il-CORSIA, li tistabbilixxi l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali dwar il-Protezzjoni Ambjentali għall-CORSIA (SARPs għall-CORSIA). L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha qed jimplimentaw il-CORSIA kif xieraq mill-bidu tal-2021-2023 f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/954 (3). L-ICAO adottat it-Tieni Edizzjoni tal-SARPs għall-CORSIA fl-20 ta’ Marzu 2023. Din daħlet fis-seħħ fil-31 ta’ Lulju 2023 u saret applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2024.

(4)

Skont l-Artikolu 28c tad-Direttiva 2003/87/KE, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1603 (4) ġie adottat biex jimplimenta l-CORSIA kif xieraq għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni. Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/1603 irid jiġi aġġornat biex jirregola kif xieraq ir-rappurtar tal-fjuwils eliġibbli tal-CORSIA kif iċċertifikati mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni tal-CORSIA u r-rappurtar u l-verifika tal-kanċellazzjoni tal-unitajiet eliġibbli għall-kumpens skont il-CORSIA.

(5)

Fis-7 ta’ Ottubru 2022, il-41 Assemblea tal-ICAO iddeċidiet li tbiddel il-linja bażi preċedenti tal-CORSIA mill-medja tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-2019 u tal-2020 għall-perjodu mill-2021 sal-2023 għall-emissjonijiet tas-CO2 tal-2019, u għall-perjodu mill-2024 sal-2035 għal 85 % tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-2019.

(6)

Biex jiġu kkalkulati r-rekwiżiti tal-kumpens fir-rigward tal-CORSIA, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu l-lista tal-Istati meqjusin li qed japplikaw il-CORSIA adottata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 25a(3) u ppubblikata għas-sena rilevanti. Dik il-lista tal-Istati tvarja minn dik ippubblikata mis-Segretarjat tal-ICAO għax teskludi l-pajjiżi taż-ŻEE, l-Iżvizzera u r-Renju Unit, u tqis biss lil dawk l-Istati meqjusin li qed jimplimentaw il-CORSIA għall-finijiet tad-Direttiva 2003/87/KE. Barra minn hekk, il-kalkolu jenħtieġ li ma jkunx jinkludi xi rotot eżentati skont l-Artikolu 25a(7) tad-Direttiva 2003/87/KE għal raġunijiet ta’ trattament ugwali għall-operaturi bbażati fl-Unjoni.

(7)

Skont is-SARPs għall-CORSIA, l-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jidħlu ġodda, u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru b’ammont żgħir ta’ emissjonijiet x’jikkumpensaw, jenħtieġ li ma jkollhom l-ebda rekwiżit tal-kumpens skont il-CORSIA, b’kumpens fakultattiv għal dawn tal-aħħar. Il-limiti għal dawn l-eżenzjonijiet huma stabbiliti biex ikunu jikkonċernaw ammont minimu ta’ emissjonijiet. L-Artikolu 12(8) tad-Direttiva 2003/87/KE jeżiġi li r-regoli li jiddefinixxu l-metodoloġija għall-kalkolu tar-rekwiżit tal-kumpens tal-CORSIA jenħtieġ li jimxu mas-SARPs għall-CORSIA sa fejn ikun possibbli fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva. Biex l-industrija Ewropea tal-avjazzjoni tkun f’ambjent ekwu, jenħtieġ li l-istess eżenzjonijiet jiġu inklużi fl-implimentazzjoni tal-CORSIA fl-Unjoni.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 12(7) u (9) tad-Direttiva 2003/87/KE, dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprevedi l-kalkolu tar-rekwiżiti tal-kumpens fir-rigward tal-CORSIA rilevanti għall-emissjonijiet li jsiru bejn l-1 ta’ Jannar 2023 u l-31 ta’ Diċembru 2026. Matul dak il-perjodu, il-kalkolu tal-fattur tat-tkabbir jenħtieġ li jkun ibbażat biss fuq it-tkabbir tas-settur.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(6), it-tielet u r-raba’ subparagrafi, tad-Direttiva 2003/87/KE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“titjira internazzjonali” tfisser l-operazzjoni ta’ ajruplan mill-qtugħ mill-art f’ajrudrom ta’ Stat jew it-territorji tiegħu, u l-inżul f’ajrudrom ta’ Stat ieħor jew it-territorji tiegħu;

(2)

“fjuwil eliġibbli tal-CORSIA” tfisser fjuwil tal-avjazzjoni, li ġie rrapportat f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-att delegat adottat skont l-Artikolu 28c tad-Direttiva 2003/87/KE u li għalhekk operatur ta’ inġenju tal-ajru jista’ juża biex ikun jista’ jnaqqas ir-rekwiżit tal-kumpens tiegħu f’konformità mal-Artikolu 3(3);

(3)

“rekwiżit tal-kumpens” tfisser l-ammont ta’ emissjonijiet tas-CO2 li jeħtieġ jiġi kkumpensat skont l-Artikolu 12(9) tad-Direttiva 2003/87/KE;

(4)

“Fattur tat-Tkabbir Settorjali” jew “SGF” tfisser multiplikatur li jiġi ppubblikat fid-dokument tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO, International Civil Aviation Organization) bit-titolu “CORSIA Annual Sector’s Growth Factor (SGF)” u li jiġi kkalkolat mis-Segretarjat tal-ICAO skont din il-metodoloġija:

(a)

L-SGF applikabbli għall-emissjonijiet tas-CO2 li jsiru sal-31 ta’ Diċembru 2023:

SGFy = (SEy SEB,y )/SEy

fejn:

SEy

=

emissjonijiet tas-CO2 settorjali totali mit-titjiriet internazzjonali li jagħmlu l-operaturi tal-inġenji tal-ajru bejn żewġ Stati parteċipanti fl-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA, Carbon Offsetting and Reduction Scheme for International Aviation) fis-sena partikolari y; u

SEB,y

=

emissjonijiet tas-CO2 settorjali annwali totali fl-2019 mit-titjiriet internazzjonali li jagħmlu l-operaturi tal-inġenji tal-ajru bejn Stati parteċipanti fil-CORSIA fis-sena partikolari y;

(b)

L-SGF applikabbli għall-emissjonijiet tas-CO2 li jsiru mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2026:

SGFy = (SEy SEB,y )/SEy

fejn:

SEy

=

emissjonijiet tas-CO2 settorjali totali mit-titjiriet internazzjonali li jagħmlu l-operaturi tal-inġenji tal-ajru bejn żewġ Stati parteċipanti fil-CORSIA fis-sena partikolari y; u

SEB,y

=

85 % tal-emissjonijiet tas-CO2 settorjali annwali totali fl-2019 mit-titjiriet internazzjonali li jagħmlu l-operaturi tal-inġenji tal-ajru bejn żewġ Stati parteċipanti fil-CORSIA fis-sena partikolari y.

Artikolu 3

Rekwiżiti tal-kumpens tas-CO2 annwali

(1)   L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw ir-rekwiżiti tal-kumpens kull sena għas-sena kalendarja preċedenti fir-rigward tat-titjiriet fuq rotot bejn Stat Membru u l-Istati elenkati fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 25a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE kif ukoll tat-titjiriet bejn l-Istati elenkati fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 25a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, u tat-titjiriet bejn l-Iżvizzera jew ir-Renju Unit u l-Istati elenkati fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 25a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, u għajr ir-rotot eżentati skont l-Artikolu 25a(7) tad-Direttiva 2003/87/KE.

(2)   L-Istati Membri jistgħu jikkalkulaw ir-rekwiżiti tal-kumpens kull sena għas-sena kalendarja preċedenti fir-rigward tat-titjiriet internazzjonali bejn ajrudrom li jinsab f’xi pajjiż jew territorju ekstra-Ewropew elenkat fl-Anness II tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u ajrudrom li jinsab fi Stat Membru, f’xi ieħor mill-pajjiżi jew mit-territorji ekstra-Ewropej, fl-Iżvizzera, fir-Renju Unit jew fl-Istati elenkati fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 25a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE.

(3)   L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw, għal kull wieħed mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru li rrapportawlhom l-emissjonijiet skont l-att delegat adottat skont l-Artikolu 28c tad-Direttiva 2003/87/KE, ir-rekwiżiti tal-kumpens f’sena partikolari, fil-perjodu li jibda fl-1 ta’ Jannar 2023 u li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2026, qabel il-kunsiderazzjoni tal-użu tal-fjuwils eliġibbli tal-CORSIA, kull sena kif ġej:

ORy = OEy * SGFy

fejn:

ORy

=

ir-rekwiżiti tal-kumpens ta’ operatur ta’ inġenju tal-ajru fis-sena partikolari y;

OEy

=

emissjonijiet tas-CO2 ta’ operatur ta’ inġenju tal-ajru mit-titjiriet internazzjonali koperti fis-sena partikolari y;

SGFy

=

Fattur tat-Tkabbir Settorjali.

Mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2026, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-emissjonijiet tas-CO2 ta’ operatur ta’ inġenju tal-ajru koperti fis-sena partikolari y bħala l-emissjonijiet mit-titjiriet bejn Stat Membru u l-Istati elenkati fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 25a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, kif ukoll mit-titjiriet bejn l-Istati elenkati fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 25a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, u mit-titjiriet bejn l-Iżvizzera jew ir-Renju Unit u l-Istati elenkati fl-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 25a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw ukoll l-emissjonijiet tas-CO2 koperti fis-sena partikolari y mit-titjiriet internazzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 2.

(4)   Dan l-Artikolu ma għandux ikun applikabbli għal operatur tal-inġenji tal-ajru li jidħol ġdid għal 3 snin li jibdew fis-sena meta dan jissodisfa r-rekwiżiti tad-definizzjoni ta’ operatur ta’ inġenju tal-ajru, jew sakemm l-emissjonijiet tas-CO2 annwali tiegħu jaqbżu ż–0,1 % tal-emissjonijiet tas-CO2 totali mit-titjiriet internazzjonali rrapportati lill-ICAO u ppubblikati mill-ICAO fl-2019, skont liema jiġri l-ewwel. Dan l-Artikolu għandu mbagħad ikun applikabbli għal dawk l-operaturi fis-sena ta’ wara.

(5)   Sat-30 ta’ Novembru 2024, it-30 ta’ Novembru 2025, it-30 ta’ Novembru 2026 u t-30 ta’ Novembru 2027, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru li rrapportawlhom l-emissjonijiet skont l-att delegat adottat skont l-Artikolu 28c tad-Direttiva 2003/87/KE dwar ir-rekwiżiti tal-kumpens tagħhom għas-sena preċedenti.

Artikolu 4

Rekwiżiti tal-kumpens tas-CO2 finali totali għal perjodu partikolari bi tnaqqisiet mill-użu tal-fjuwils eliġibbli tal-CORSIA

(1)   L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw ir-rekwiżiti tal-kumpens tas-CO2 finali totali b’mod separat għall-perjodi 2021-2023 u 2024-2026.

(2)   L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw ir-rekwiżiti tal-kumpens tas-CO2 finali totali għall-operatur tal-inġenji tal-ajru, wara li jqisu t-tnaqqisiet mill-użu tal-fjuwils eliġibbli tal-CORSIA, kif ġej:

FORc = (OR 1,c + OR 2,c + OR 3,c ) – (ER 1,c + ER 2,c + ER 3,c )

fejn:

FORc

=

rekwiżiti tal-kumpens tas-CO2 finali totali ta’ operatur ta’ inġenju tal-ajru fil-perjodu partikolari c;

ORy,c

=

rekwiżiti tal-kumpens ta’ operatur ta’ inġenju tal-ajru fis-sena partikolari y (fejn y = 1, 2 jew 3) tal-perjodu c; u

ERy,c

=

tnaqqisiet minħabba l-użu tal-fjuwils eliġibbli tal-CORSIA fis-sena partikolari y (fejn y = 1, 2 jew 3) tal-perjodu c.

(3)   Meta jikkalkulaw it-tnaqqisiet mill-użu tal-fjuwils eliġibbli tal-CORSIA, l-Istati Membri għandhom jużaw il-formula li ġejja:

Formula

fejn:

ERy

=

tnaqqisiet mill-użu tal-fjuwils eliġibbli tal-CORSIA fis-sena partikolari y (f’tunnellati);

EF

=

fattur tal-emissjoni kif speċifikat fit-Tabella 1, l-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 (5);

MSf,y

=

massa totali ta’ fjuwil eliġibbli tal-CORSIA mhux imħallat mitluba fis-sena partikolari y (f’tunnellati), kif irrapportata f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-att delegat adottat skont l-Artikolu 28c tad-Direttiva 2003/87/KE;

LCEF

=

valur tal-emissjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja għal fjuwil eliġibbli tal-CORSIA (f’gCO2e/MJ), kif irrapportat f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 28c tad-Direttiva 2003/87/KE; u

LC

=

valuri bażi tal-emissjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja għall-fjuwil tal-avjazzjoni, daqs 89 gCO2e/MJ għall-fjuwil Jet-A, il-fjuwil Jet-A1 jew il-fjuwil Jet-B u daqs 95 gCO2e/MJ għall-AvGas.

(4)   Meta s-somma totali tar-rekwiżiti tal-kumpens ta’ operatur ta’ inġenju tal-ajru fit-3 snin ta’ perjodu partikolari (OR1,C + OR2,C + OR3,C) tkun inqas minn 3 000 tunnellata ta’ CO2, l-Istati Membri jistgħu, wara li ssir talba mill-operatur tal-inġenji tal-ajru, ma jikkalkulaw l-ebda rekwiżit tal-kumpens għal dak il-perjodu għal dak l-operatur tal-inġenji tal-ajru.

(5)   Meta r-rekwiżit tal-kumpens tas-CO2 finali totali tal-operatur ta’ inġenju tal-ajru tul perjodu partikolari (FORc) ikun negattiv, l-operatur tal-inġenji tal-ajru ma għandu jkollu l-ebda rekwiżit tal-kumpens għal dak il-perjodu. Dawk ir-rekwiżiti tal-kumpens negattivi ma għandhomx jiġu riportati għall-perjodu sussegwenti.

(6)   Ir-rekwiżiti tal-kumpens tas-CO2 finali totali tal-operatur ta’ inġenju tal-ajru f’perjodu partikolari (FORc) għandhom jiġu ttondjati ’l fuq lejn l-eqreb tunnellata tas-CO2.

(7)   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-operatur tal-inġenju tal-ajru dwar ir-rekwiżiti tal-kumpens tas-CO2 finali totali tiegħu sat-30 ta’ Novembru 2024 għall-perjodu 2021-2023 tal-CORSIA, u sat-30 ta’ Novembru 2027 għall-perjodu 2024-2026 tal-CORSIA.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj.

(2)  Id-Direttiva (UE) 2023/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-kontribut tal-avjazzjoni għall-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-ekonomija kollha tal-Unjoni u tal-implimentazzjoni xierqa ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq (ĠU L 130, 16.5.2023, p. 115, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/958/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/954 tal-25 ta’ Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tan-notifika tal-parteċipazzjoni volontarja fl-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) mill-1 ta’ Jannar 2021 u tal-għażla magħmula għall-kalkolu tar-rekwiżiti tal-kumpens tal-operaturi tal-ajruplani tul il-perjodu 2021-2023 (ĠU L 212, 3.7.2020, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/954/oj).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1603 tat-18 ta’ Lulju 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-miżuri adottati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni għall-iskop li tiġi implimentata miżura globali bbażata fuq is-suq (ĠU L 250, 30.9.2019, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/1603/oj).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 tad-19 ta’ Diċembru 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (ĠU L 334, 31.12.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/2066/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1879/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)