European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1876

2.7.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1876

tal-20 ta’ Ġunju 2024

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq tad-29 ta’ Ġunju 2022

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fid-29 ta' April 2024, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-Ukrajna dwar ftehim li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq (1) tad-29 ta' Ġunju 2022 (il-Ftehim).

(2)

In-negozjati tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-Trasport ta’ Merkanzija bit-Triq tad-29 ta’ Ġunju 2022 (il-“Ftehim emendatorju”) ġew konklużi b'suċċess fil-31 ta' Mejju 2024.

(3)

Il-Ftehim wera li huwa essenzjali għall-Ukrajna, peress li jappoġġa s-soċjetà u l-ekonomija tal-Ukrajna billi jippermetti lill-operaturi tat-trasport bit-triq tal-Unjoni u tal-Ukrajna jwettqu operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija lejn u mit-territorju Ukren lejn l-Unjoni u viċi versa, u b'hekk jappoġġa wkoll il-Korsiji ta' Solidarjetà għall-Ukrajna. L-effetti tiegħu għadhom ukoll pożittivi għall-Unjoni, b'mod partikolari għall-esportazzjonijiet tal-Unjoni lejn l-Ukrajna.

(4)

Fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u uniċi li jeħtieġu l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim emendatorju u f'konformità mat-Trattati, huwa xieraq li l-Unjoni teżerċita b'mod temporanju l-kompetenza kondiviża rilevanti mogħtija lilha mit-Trattati. Jenħtieġ li kwalunkwe effett ta' din id-Deċiżjoni dwar id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri jkun strettament limitat fiż-żmien. Għalhekk jenħtieġ li l-kompetenza eżerċitata mill-Unjoni abbażi ta' din id-Deċiżjoni u tal-Ftehim tiġi eżerċitata biss matul il-perjodu ta' applikazzjoni tal-Ftehim. Għaldaqstant, il-kompetenza kondiviża hekk eżerċitata ser tieqaf tkun eżerċitata mill-Unjoni hekk kif jieqaf japplika l-Ftehim. Mingħajr preġudizzju għal miżuri oħra tal-Unjoni, u soġġett għall-konformità ma' dawk il-miżuri tal-Unjoni, dik il-kompetenza, f'konformità mal-Artikolu 2(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ser terġa' tiġi eżerċitata mill-Istati Membri wara dan. Barra minn hekk, huwa mfakkar li, kif stabbilit fil-Protokoll dwar l-eżerċizzju ta' kompetenzi kondiviżi, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE, l-ambitu tal-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni f'din id-Deċiżjoni jkopri biss dawk l-elementi regolati minn din id-Deċiżjoni u l-Ftehim u ma jkoprix il-qasam kollu. L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni b'din id-Deċiżjoni huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri fir-rigward ta' kwalunkwe negozjati attwali jew futuri għal ftehimiet internazzjonali ma' kwalunkwe pajjiż terz ieħor f'dak il-qasam, jew tal-iffirmar jew il-konklużjoni ta' tali ftehimiet.

(5)

Fil-laqgħa tal-Kumitat Konġunt li saret fit-18 ta' Diċembru 2023, ġie konkluż li l-Ftehim jissodisfa l-iskop maħsub tiegħu u li l-kundizzjonijiet sottostanti li jiġġustifikaw il-Ftehim għadhom validi. Madankollu, fl-istess laqgħa tal-Kumitat Konġunt, il-Partijiet innotaw ukoll diversi kwistjonijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni u mill-implimentazzjoni tal-Ftehim u l-impatt li jista' jħalli fil-livell lokali fuq is-settur tat-trasport bit-triq fl-Unjoni. Għalhekk, huma meħtieġa bidliet limitati fil-Ftehim biex jiġi ffaċilitat l-infurzar tiegħu u biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tiegħu.

(6)

Sabiex kemm l-Unjoni kif ukoll l-Ukrajna jkomplu jibbenefikaw mill-effetti pożittivi tal-Ftehim dwar l-iffaċilitar tat-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Ukrajna u l-Unjoni kif ukoll minnhom, jenħtieġ li l-emendi għall-Ftehim ikunu jinkludu l-estensjoni tiegħu sat-30 ta' Ġunju 2025, bil-possibbiltà ta' tiġdid taċitu għal perjodu wieħed ta' sitt xhur.

(7)

Bħalissa l-Ftehim japplika sat-30 ta' Ġunju 2024. Il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw il-konklużjoni tal-Ftehim għadhom prevalenti, b’mod partikolari t-tfixkil importanti li qed jiffaċċja s-settur tat-trasport fl-Ukrajna wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.. Għalhekk, jenħtieġ li l-Ftehim emendatorju, li, inter alia, jipprevedi l-estensjoni tal-Ftehim, jiġi ffirmat b'mod urġenti f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

(8)

Jixraq ukoll li tiġi prevista l-kompożizzjoni tal-grupp ta' ħidma ad hoc dwar l-implimentazzjoni prattika tal-Ftehim li jaħdem taħt l-awtorità tal-Kumitat Konġunt.

(9)

Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-effetti ta' benefiċċju tal-Ftehim fuq it-trasport tal-merkanzija, u biex jiġi evitat it-tfixkil fl-esportazzjoni tal-prodotti Ukreni, jenħtieġ li l-Ftehim emendatorju jiġi applikat fuq bażi proviżorja, f'konformità mal-Artikolu 2(2) tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

(10)

F'konformità mat-Trattati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura l-iffirmar tal-Ftehim emendatorju, soġġett għall-konklużjoni tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq tad-29 ta’ Ġunju 2022 (il-“Ftehim emendatorju”) huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim emendatorju (2).

Artikolu 2

1.   L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni skont din id-Deċiżjoni u l-Ftehim għandu jkun limitat għall-perjodu ta' applikazzjoni tal-Ftehim. Mingħajr preġudizzju għal miżuri oħra tal-Unjoni, u soġġett għall-konformità ma' dawk il-miżuri tal-Unjoni, wara tmiem dak il-perjodu ta' applikazzjoni, l-Unjoni għandha tieqaf minnufih milli teżerċita dik il-kompetenza, u l-Istati Membri għandhom jerġgħu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom f'konformità mal-Artikolu 2(2) TFUE.

2.   L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni skont din id-Deċiżjoni u l-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward ta' kwalunkwe negozjati attwali jew futuri għal ftehimiet internazzjonali ma' kwalunkwe pajjiż terz ieħor, u mal-Ukrajna, jew tal-iffirmar jew il-konklużjoni ta' tali ftehimiet relatati mat-trasport tal-merkanzija bit-triq fir-rigward tal-perjodu wara li dan il-Ftehim ma jibqax japplika.

3.   L-eżerċizzju tal-kompetenza mill-Unjoni msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkopri biss l-elementi rregolati minn din id-Deċiżjoni u l-Ftehim.

4.   Din id-Deċiżjoni u l-Ftehim huma mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u l-Istati Membri fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fir-rigward ta' elementi għajr dawk irregolati minn din id-Deċiżjoni u l-Ftehim.

Artikolu 3

Il-grupp ta' ħidma ad hoc dwar l-implimentazzjoni prattika tal-Ftehim li jaħdem taħt l-awtorità tal-Kumitat Konġunt, li għandu jiġi stabbilit skont l-Artikolu 7a tal-Ftehim, għandu jkun magħmul, fuq in-naħa tal-Unjoni, minn rappreżentant wieħed għall-Kummissjoni, minn rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru bi fruntiera mal-Ukrajna (l-Ungerija, il-Polonja, r-Rumanija u s-Slovakkja) u minn tliet rappreżentanti ta' Stati Membri oħra. Kull 6 xhur għandha tapplika sistema ta' rotazzjoni bejn dawk it-tliet Stati Membri l-oħra.

Artikolu 4

Il-Ftehim emendatorju għandu jiġi applikat proviżorjament, f'konformità mal-Artikolu 2(2)tiegħu , mill-jum tal-iffirmar tiegħu (3), sakemm jidħol fis-seħħ.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-iffirmar tal-Ftehim, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

M.-C. LEROY


(1)   ĠU L 179, 6.7.2022, p. 4.

(2)  It-test tal-Ftehim emendatorju huwa ppubblikat fil-ĠU L, 2024/1878, 2.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/1878/oj.

(3)  Id-data tal-iffirmar tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1876/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)