European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1846

5.7.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1846

tal-25 ta’ Ġunju 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward l-emendar tal-Protokoll 31 dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet u l-Protokoll 37 li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101 tal-Ftehim ŻEE (Theddid transfruntier serju għas-saħħa)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 168(5), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet (il-“Protokoll 31”) u l-Protokoll 37 li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101 (“il-“Protokoll 37”) tal-Ftehim ŻEE.

(3)

Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE tiġi estiża sabiex tinkludi r-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(4)

Għaldaqstant, il-Protokoll 31 u l-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emendar propost tal-Protokoll 31 dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet u l-Protokoll 37 li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101 tal-Ftehim ŻEE, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)   ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar theddid transfruntier serju għas-saħħa u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE (ĠU L 314, 6.12.2022, p. 26).


ABBOZZ

TA' DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE NRU …

ta’ …

li temenda l-Protokoll 31 dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet u l-Protokoll 37 li fih il-lista stabbilita fl-Artikolu 101 tal-Ftehim ŻEE,

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Jixraq li l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim taż-ŻEE tiġi estiża biex tinkludi r-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE (1).

(2)

Għalhekk jenħtieġ li l-Protokoll 31 u l-Protokoll 37 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE jiġi emendat biex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ sseħħ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-test tal-inċiż 9 (id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Artikolu 16(1) tal-Protokoll 31 huwa sostitwit b’dan li ġej:

32022 R 2371: Ir-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE (ĠU L 314, 6.12.2022, p. 26).

L-Istati ta’ l-EFTA għandhom jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa u għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fih bħall-Istati Membri tal-UE, ħlief għad-dritt tal-vot.

Bis-saħħa tal-Artikolu 79(3) tal-Ftehim, il-Parti VII (Dispożizzjonijiet Istituzzjonali) tal-Ftehim għandha tapplika għal dan l-inċiż, bl-eċċezzjoni tat-Taqsimiet 1 u 2 tal-Kapitolu 3.”.

Artikolu 2

Il-punt li ġej jiddaħħal fil-Protokoll 37 tal-Ftehim:

“49.

Il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa (ir-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill).”.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (*1).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell, …

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji

Tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(1)   ĠU L 314, 6.12.2022, p. 26.

(*1)  [Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Ċerti rekwiżiti kostituzzjonali huma indikati.]


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1846/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)