European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1827

2.7.2024

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1827

tat-1 ta' Lulju 2024

dwar l-introduzzjoni u l-ġestjoni ta’ kwota tariffarja għall-bajd li tirriżulta mir-Regolament (UE) 2024/1392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-Ukrajna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/1392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(7), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b), tiegħu,

Wara li infurmat lill-Kumitat tas-Salvagwardji,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament (UE) 2024/1392, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni. L-Artikolu 1(1)(b), ta’ dak ir-Regolament issospenda l-kwoti tariffarji kollha stabbiliti skont l-Anness I-A tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra u dment li l-prodotti koperti minn dawk il-kwoti kellhom jiġu ammessi għall-importazzjoni fl-Unjoni mill-Ukrajna mingħajr ebda dazju doganali.

(2)

L-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) 2024/1392 jipprevedi miżura awtomatika ta’ salvagwardja għall-bajd, għall-pollam, għaz-zokkor, għall-ħafur, għall-qamħirrum, għall-ħbub imfesdqa misħuqa u għall-għasel li għandha tiġi attivata jekk il-volumi kumulattivi tal-importazzjoni ta’ kwalunkwe wieħed minn dawk il-prodotti mill-1 ta’ Jannar 2024 f’perjodu speċifiku jilħqu l-medja aritmetika rispettiva tal-volumi tal-importazzjoni rreġistrati fil-perjodu mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru 2021, fl-2022 u fl-2023.

(3)

Il-volumi kumulattivi tal-importazzjoni tal-bajd mill-1 ta’ Jannar 2024 laħqu l-medja aritmetika rispettiva msemmija fl-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) 2024/1392, li hija ogħla mill-volum tal-kwoti tariffarji korrispondenti sospiżi f’konformità mal-Artikolu 1(1)(b), ta’ dak ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li l-kwoti tariffarji sospiżi bin-numri tal-ordni 09.4275 u 09.4276 jiġu introdotti mill-ġdid minn hawn ’il quddiem u sal-31 ta’ Diċembru 2024 u li mill-1 ta’ Jannar 2025 tiġi introdotta kwota tariffarja ugwali għal 5 partijiet minn kull tnax ta’ dik il-medja aritmetika.

(4)

Jenħtieġ li l-kwota tariffarja stabbilita fl-Anness ta’ dan ir-Regolament tiġi ġestita abbażi tal-ordni kronoloġika tad-dati ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera (ħielsa) tal-bajd f’konformità mar-regoli dwar il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (2).

(5)

F’konformità ma l-Artikolu 4(8) tar-Regolament (UE) 2024/1392, il-kwantità importata matul is-sena kalendarja 2024 jenħtieġ li titqies fil-ġestjoni ta’ dawk il-kwoti tariffarji sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(6)

Sabiex tittieħed azzjoni sal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) 2024/1392, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(7)

Ir-Regolament (UE) 2024/1392 japplika sal-5 ta’ Ġunju 2025, u għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika sal-istess data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kwoti tariffarji bin-numri tal-ordni 09.4275 u 09.4276, sospiżi bis-saħħa tal-Artikolu 1(1)(b), tar-Regolament (UE) 2024/1392, jiddaħħlu mill-ġdid sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Artikolu 2

Il-kwota tariffarja stabbilita fl-Anness u introdotta mill-1 ta’ Jannar 2025 f’konformità mal-Artikolu 4(7)(b), tar-Regolament (UE) 2024/1392, għandha tapplika fil-limitu kwantitattiv stabbilit f’dak l-Anness fir-rigward tal-prodotti elenkati fih.

Artikolu 3

Il-kwota tariffarja stabbilita fl-Anness għandha tiġi ġestita mill-Unjoni f’konformità mal-ordni kronoloġika tad-dati ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera (ħielsa) tal-bajd kif stabbilit fl-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

Artikolu 4

Biex jibbenefikaw minn kwota tariffarja stabbilita fl-Anness, il-prodotti għandhom jikkonformaw mar-regoli tal-oriġini tal-prodotti previsti fil-Protokoll I tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sal-5 ta’ Ġunju 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-1 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/1392, 29.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1392/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2447/oj).


ANNESS

Numru tal-Ordni

09.6727

Deskrizzjoni tal-prodott

Bajd

Kodiċijiet NM

0407 21 00

0407 29 10

0407 90 10

0408 11 80

0408 19 81

0408 19 89

0408 91 80

0408 99 80

3502 11 90

3502 19 90

3502 20 91

3502 20 99

Oriġini

L-Ukrajna

Kwantità

9 662 070 kg

Perjodu tal-kwoti tariffarji

Mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-5 ta’ Ġunju 2025

Subperjodi tal-kwoti tariffarji

Mhux applikabbli

Prova tal-oriġini

Iva. Talba għal trattament preferenzjali f’konformità mal-Protokoll I tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra

Dazju doganali fil-kwota

EUR 0


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1827/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)