European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1825

2.7.2024

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1825

tas-1 ta’ Lulju 2024

dwar l-introduzzjoni u l-ġestjoni ta’ kwota tariffarja għaz-zokkor li tirriżulta mir-Regolament (UE) 2024/1392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-Ukrajna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/1392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 dwar il-miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(7), l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b), tiegħu,

Wara li infurmat lill-Kumitat tas-Salvagwardji,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament (UE) 2024/1392, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jissupplimentaw il-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni. L-Artikolu 1(1)(b), ta’ dak ir-Regolament issospenda l-kwoti tariffarji kollha stabbiliti skont l-Anness I-A tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra u dment li l-prodotti koperti minn dawk il-kwoti kellhom jiġu ammessi għall-importazzjoni fl-Unjoni mill-Ukrajna mingħajr ebda dazju doganali.

(2)

L-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) 2024/1392 jipprevedi miżura awtomatika ta’ salvagwardja għall-bajd, għall-pollam, għaz-zokkor, għall-ħafur, għall-qamħirrum, għall-ħbub imfesdqa misħuqa u għall-għasel li għandha tiġi attivata jekk il-volumi kumulattivi tal-importazzjoni ta’ kwalunkwe wieħed minn dawk il-prodotti mill-1 ta’ Jannar 2024 f’perjodu speċifiku jilħqu l-medja aritmetika rispettiva tal-volumi tal-importazzjoni rreġistrati fil-perjodu mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru 2021, fl-2022 u fl-2023.

(3)

Il-volumi kumulattivi tal-importazzjoni taz-zokkor mill-1 ta’ Jannar 2024 laħqu l-medja aritmetika rispettiva msemmija fl-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) 2024/1392, li hija inqas mill-volum tal-kwota tariffarja korrispondenti sospiża f’konformità mal-Artikolu 1(1)(b), ta’ dak ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li l-kwota tariffarja sospiża bin-numru tal-ordni 09.6704 tiġi introdotta mill-ġdid sal-31 ta’ Diċembru 2024 u li mill-1 ta’ Jannar 2025 tiġi introdotta kwota tariffarja ugwali għal 5 partijiet minn kull tnax ta’ dik il-medja aritmetika.

(4)

Jenħtieġ li l-kwota tariffarja stabbilita fl-Anness ta’ dan ir-Regolament tiġi ġestita abbażi tal-ordni kronoloġika tad-dati ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera (ħielsa) taz-zokkor f’konformità mar-regoli dwar il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (2).

(5)

F’konformità ma l-Artikolu 4(8) tar-Regolament (UE) 2024/1392, il-kwantità importata matul is-sena kalendarja 2024 jenħtieġ li titqies fil-ġestjoni ta’ dawk il-kwoti tariffarji sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(6)

Sabiex tittieħed azzjoni sal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) 2024/1392, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(7)

Ir-Regolament (UE) 2024/1392 japplika sal-5 ta’ Ġunju 2025, għalhekk jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika sal-istess data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.6704, sospiża bl-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament (UE) 2024/1392, terġa’ tiġi introdotta sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Artikolu 2

Il-kwota tariffarja stabbilita fl-Anness u introdotta mill-1 ta’ Jannar 2025 f’konformità mal-Artikolu 4(7)(b) tar-Regolament (UE) 2024/1392, għandha tapplika fil-limitu kwantitattiv stabbilit f’dak l-Anness fir-rigward tal-prodotti elenkati fih.

Artikolu 3

Il-kwota tariffarja stabbilita fl-Anness għandha tiġi ġestita mill-Unjoni f’konformità mal-ordni kronoloġika tad-dati ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera (ħielsa) taz-zokkor kif stabbilit fl-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

Artikolu 4

Biex jibbenefikaw minn kwota tariffarja stabbilita fl-Anness, il-prodotti għandhom jikkonformaw mar-regoli tal-oriġini tal-prodotti previsti fil-Protokoll I tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sal-5 ta’ Ġunju 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, tas-1 ta’ Lulju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/1392, 29.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1392/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2447/oj).


ANNESS

Numru tal-Ordni

09.6728

Deskrizzjoni tal-prodott

Zokkor

Kodiċijiet NM

1701 12

1701 91

1701 99

1702 20 10

1702 90 30

1702 90 50

1702 90 71

1702 90 75

1702 90 79

1702 90 80

1702 90 95

Oriġini

L-Ukrajna

Kwantità

109 438 620 kg

Perjodu tal-kwoti tariffarji

Mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-5 ta’ Ġunju 2025

Subperjodi tal-kwoti tariffarji

Mhux applikabbli

Prova tal-oriġini

Iva. Talba għal trattament preferenzjali f’konformità mal-Protokoll I tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra

Dazju doganali fil-kwota

EUR 0


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1825/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)