European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1814

5.7.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1814

tal-21 ta’ Ġunju 2024

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea rigward id-deċiżjoni tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati dwar l-emendi tal-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għat-Tibdil fil-Klima li jinsabu fl-Anness I ta’ dak l-Arranġament

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-linji gwida li jinsabu fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (l-“Arranġament”), żviluppati fil-qafas tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (“OECD”), inkluż il-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għat-Tibdil fil-Klima (il-“Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima”) li jinsab fl-Anness I tal-Arranġament, ġew trasposti u għalhekk saru legalment vinkolanti fl-Unjoni permezz tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

(2)

Peress li l-klawżoli ta’ estinzjoni għall-klassijiet tal-proġetti G u I tal-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima ser jiskadu fit-30 ta’ Ġunju 2024, il-Parteċipanti għall-Arranġament (il-“Parteċipanti”) għandhom jaqblu dwar l-emendi għal dawk il-klawżoli ta’ estinzjoni.

(3)

Huwa fl-interess tal-Unjoni li proġetti li jaqgħu taħt il-klassijiet ta’ proġetti G u I jistgħu jkomplu jibbenefikaw mit-termini favorevoli tal-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima u li tibqa’ l-possibbiltà li jintlaħaq ftehim dwar il-kriterji għal dawk il-klassijiet ta’ proġetti. Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa s-sostituzzjoni tal-klawżoli ta’ estinzjoni bi klawżoli ta’ rieżami, sat-30 ta’ Ġunju 2026.

(4)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Parteċipanti dwar l-emendi għall-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima, peress li d-deċiżjoni ser tkun vinkolanti fuq l-Unjoni u tista’ tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1233/2011.

(5)

Jenħtieġ għalhekk li l-pożizzjoni tal-Unjoni tkun li tappoġġa l-emendi għall-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima abbażi tal-abbozz tat-test anness ma’ din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni rigward id-deċiżjoni tal-Parteċipanti fl-Arranġament dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni Uffiċjalment Appoġġati (l-“Arranġament”) dwar emendi għall-Ftehim Settorjali dwar il-Krediti għall-Esportazzjoni għat-Tibdil fil-Klima li jinsab fl-Anness I tal-Arranġament għandha tkun li tappoġġa l-emendi bbażati fuq l-abbozz tat-test anness ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

V. VAN PETEGHEM


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1233/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti linji gwida fil-qasam tal-krediti ta’ esportazzjoni uffiċjalment appoġġati u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/76/KE u 2001/77/KE (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 45).


ANNESS

Abbozz ta’ emendi għall-Anness I tal-Arranġament (Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima)

It-test fin-noti 6 u 10 f’qiegħ il-paġna tal-Appendiċi I tal-Anness I tal-Arranġamnti (il-Ftehim Settorjali dwar it-Tibdil fil-Klima) għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej:

“Mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2026, il-Parteċipanti ser jirrieżaminaw l-istandards internazzjonali żviluppati sa dak iż-żmien u jiddeċiedu jekk jinkorporawhomx f’din l-entrata.”.

In-nota 11 f’qiegħ il-paġna tal-Anness I tal-Arranġament għandha titħassar.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1814/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)