European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1811

27.6.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1811

tal-20 ta’ Ġunju 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC, International Olive Council) fir-rigward ta’ żewġ metodi ta’ analiżi u tal-istandard kummerċjali tal-IOC għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (“il-Ftehim”) ġie konkluż f’isem l-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 (1).

(2)

Skont l-Artikolu 7(1) tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (il-“Kunsill tal-Membri”) għandu jieħu deċiżjonijiet u jadotta rakkomandazzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta l-Ftehim.

(3)

Fil-119-il sessjoni tiegħu, li se ssir bejn it-18 u l-25 ta’ Ġunju 2024, il-Kunsill tal-Membri għandu jadotta deċiżjoni li temenda l-istandard kummerċjali għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ, deċiżjoni biex jiġu aġġornati l-metodi għall-valutazzjoni organolettika taż-żjut verġni taż-żebbuġa u deċiżjoni biex jiġi kkoreġut il-metodu għad-determinazzjoni tal-kontenut tax-xema’ u tal-etilesteri tal-aċidi grassi permezz tal-kromatografija b’fażi gassuża f’kolonna kapillari.

(4)

Id-deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati fil-119-il sessjoni tal-Kunsill tal-Membri ġew diskussi b’mod estensiv mill-esperti xjentifiċi u tekniċi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fil-qasam taż-żejt taż-żebbuġa. Id-deċiżjonijiet se jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards għaż-żjut taż-żebbuġa u se jistabbilixxu qafas li se jiżgura kompetizzjoni ġusta fil-kummerċ tal-prodotti tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet.

(5)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Membri, peress li d-deċiżjonijiet li għandhom jiġu adottati se jkunu vinkolantifuq l-Unjoni fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali mal-membri l-oħra tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) u se jkunu jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-istandards għall-kummerċjalizzazzjoni għaż-żejt taż-żebbuġa adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(6)

Jekk l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet fil-119-il sessjoni tal-Kunsill tal-Membri tiġi posposta minħabba li ċerti Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jagħtu l-approvazzjoni tagħhom, jenħtieġ li l-pożizzjoni stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni tittieħed f’isem l-Unjoni fil-qafas tal-proċedura għall-adozzjoni mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza skont l-Artikolu 10(6) tal-Ftehim, diment li dik il-proċedura tinbeda qabel is-sessjoni regolari li jmiss tal-Kunsill tal-Membri f’Novembru 2024.

(7)

Madankollu, jenħtieġ li jkun possibbli li r-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri jaqblu dwar adattamenti Tekniċi għal metodi jew dokumenti oħra tal-IOC mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill, jekk dawk l-adattamenti tekniċi jirriżultaw minn emendi relatati mar-reviżjoni tal-istandard kummerċjali, tal-metodu għall-valutazzjoni organolettika għaż-żjut verġni taż-żebbuġa jew tal-metodu għad-determinazzjoni tal-kontenut tax-xema’ u tal-etilesteri tal-aċidi grassi permezz tal-kromatografija b’fażi gassuża f’kolonna kapillari.

(8)

Madanakollu, sabiex jitħarsu l-interessi tal-Unjoni, jenħtieġ li r-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri jitħallew jitolbu l-posponiment tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet għal sessjoni aktar tard tal-Kunsill tal-Membri, jekk il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni x’aktarx li tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata qabel jew fil-119-il sessjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) fil-119-il sessjoni tiegħu, li se ssir bejn it-18 u l-25 ta’ Ġunju 2024, jew fil-qafas ta’ proċedura ta’ adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju tal-korrispondenza li trid tinbeda qabel is-sessjoni regolari li jmiss f’Novembru tal-2024 dwar id-deċiżjonijiet li jemendaw l-Istandard Kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ u tal-metodu għall-valutazzjoni organolettika taż-żjut verġni taż-żebbuġa u tal-metodu għad-determinazzjoni tal-kontenut ta’ xema’ u etilesteri tal-aċidi grassi bil-kromatografija b’fażi gassuża f’kolonna kapillari, hija stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri tal-IOC jistgħu jaqblu dwar adattamenti tekniċi għal metodi jew dokumenti oħra tal-IOC (“il-Kunsill tal-Membri”) mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill jekk dawk l-adattamenti tekniċi jirriżultaw minn emendi relatati mar-reviżjoni tal-Istandard Kummerċjali għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ jew minn emendi relatati mal-metodu għall-valutazzjoni organolettika taż-żjut verġni taż-żebbuġa u tal-metodu għad-determinazzjoni tal-kontenut ta’ xema’ u etilesteri tal-aċidi grassi bil-kromatografija b’fażi gassuża f’kolonna kapillari..

Artikolu 3

Fil-każ li l-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 x’aktarx tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata qabel jew fil-119-il sessjoni tal-Kunsill tal-Membri, ir-rappreżentanti tal-Unjoni għandhom jitolbu li l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jemendawl-Istandard Kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ u tal-metodu għall-valutazzjoni organolettika taż-żjut verġni taż-żebbuġa u tal-metodu għad-determinazzjoni tal-kontenut ta’ xema’ u etilesteri tal-aċidi grassi bil-kromatografija b’fażi gassuża f’kolonna kapillari tiġi posposta sakemm il-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi stabbilita abbażi ta’ dik l-informazzjoni ġdida.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha..

Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta’ Ġunju 2024.

F’isem il-Kunsill

Il-President

M.-C. LEROY


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.5.2019, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).


ANNESS

L-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa l-emendi li ġejjin għall-istandard kummerċjali u l-metodi ta’ analiżi tal-IOC fil-119-il sessjoni tal-Kunsill tal-Membri tal-IOC li għandha ssir bejn it-18 u l-25 ta’ Ġunju 2024 jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza mibdi qabel is-seduta regolari tiegħu li jmiss f’Novembru 2024:

ir-reviżjoni tal-istandard kummerċjali li japplika għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ COI/T.15/NC Nru 3/Rev. 19 biex tiddaħħal ir-reviżjoni l-ġdida tal-metodu għall-valutazzjoni organolettika taż-żjut taż-żebbuġa verġni;

jirrivedu l-metodu COI/T.20/Doc. Nru 15/Rev. 10 (Analiżi sensorjali taż-żejt taż-żebbuġa - Metodu għall-valutazzjoni organolettika taż-żjut verġni taż-żebbuġa) dwar rapporti mill-ġuriji ta’ dewqan;

jikkoreġu l-metodu COI/T.20/Doc. Nru 28/Rev. 3 (Determinazzjoni tal-kontenut ta’ xema’ u etilesteri tal-aċidi grassi b’kromatografija b’fażi gassuża f’kolonna kapillari) fir-rigward tal-espressjoni tar-riżultati.

Adattamenti tekniċi għal metodi jew dokumenti oħra tal-IOC jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri tal-IOC mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill jekk jirriżultaw mill-emendi msemmija fl-ewwel paragrafu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1811/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)