European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1804

25.6.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/1804

tal-24 ta' Ġunju 2024

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2319 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2319 tal-25 ta' Novembru 2022 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-25 ta' Novembru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2319.

(2)

Fit-2 ta' Ottubru 2023, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“il- Kunsill tas-Sigurtà”) adotta r-Riżoluzzjoni 2699 (2023), li tiddetermina li s-sitwazzjoni fil-Haiti għadha tikkostitwixxi theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali u għall-istabbiltà tar-reġjun.

(3)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“UNSCR”) 2699 (2023) tikkundanna ż-żieda fil-vjolenza, l-attivitajiet kriminali, u l-abbużi u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li jipperikolaw il-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tal-Haiti u tar-reġjun, inkluż ħtif ta' persuni, vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, traffikar ta' bnedmin u faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' migranti, omiċidji, eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji u kuntrabandu ta' armi. Il-UNSCR 2699 (2023) tirrikonoxxi wkoll l-importanza u l-urġenza li jitrażżan it-traffikar illeċitu ta' armi u munizzjon lejn il-Haiti għall-ħolqien ta' ambjent operattiv sikur għall-appoġġ tas-sigurtà internazzjonali, inkluż l-iskjerament ta' missjoni multinazzjonali ta' appoġġ għas-sigurtà.

(4)

Il-paragrafu 14 tal-UNSCR 2699 (2023) jeħtieġ li l-embargo mmirat fuq l-armi relatat ma' armi u materjal relatat li għandu jiġi applikat skont il-paragrafu 11 tal-UNSCR 2653 (2022) għal persuni jew entitajiet indikati mill-Kumitat stabbilit mill-paragrafu 19 tal-UNSCR 2653 (2022) jiġi sostitwit b'embargo fuq l-armi relatat ma' armi żgħar, armi ħfief u munizzjon li jiġi applikat għat-territorju kollu tal-Haiti.

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-paragrafu 14 tal-UNSCR 2699 (2023), huwa xieraq li jiġi applikat l-embargo fuq l-armi għall-armi ta' kalibru żgħir,u armi ħfief, il-komponenti u l-aċċessorji, u l-munizzjon tagħhom kif stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/38 (2), kif ukoll l-armi tan-nar, il-parts l-komponenti essenzjali tagħhom, u l-munizzjon kif definit fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 258/2012 (3).

(6)

Fid-19 ta' Ottubru 2023, il-Kunsill tas-Sigurtà adotta l-UNSCR 2700 (2023), li fil-paragrafu 11 tappella lill-Istati biex jippreżentaw rapport bil-miktub lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit mill-paragrafu 19 tal-UNSCR 2653 (2022) f'każijiet fejn spezzjoni mwettqa f’konformità mal-paragrafu 13 tal-UNSCR 2653 (2023) tirriżulta fis-sekwestru ta' oġġetti li l-provvista, il-bejgħ jew it-trasferiment tagħhom huwa pprojbit skont il-paragrafu 14 tal-UNSCR 2699 (2023).

(7)

Għaldaqstant jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2319 tiġi emendata skont dan.

(8)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (PESK) 2022/2319 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   Il-provvista, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni diretti jew indiretti ta' armi ta' kalibru żgħir u armi ħfief, il-komponenti u l-aċċessorji tagħhom, u l-munizzjon kif stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/38 (*1), kif ukoll armi tan-nar, il-parts u l-komponenti essenzjali tagħhom, u l-munizzjon kif definit fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 258/2012 (*2), lill-Haiti minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri, jew bl-użu ta' inġenji tal-ajru jew bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, għandhom ikunu pprojbiti kemm jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom kif ukoll jekk le.

2.   Għandu jkun ipprojbit li:

(a)

jingħataw lill-Haiti, direttament jew indirettament, assistenza teknika, taħriġ jew assistenza oħra, inkluż il-forniment ta' persunal merċenarju armat, relatat mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

jingħataw lill-Haiti, direttament jew indirettament, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatata, inkluż b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1, jew għall-forniment ta' assistenza teknika relatata jew assistenza oħra.

3.   F'konformità mal-awtoritajiet nazzjonali u l-leġiżlazzjoni tagħhom u b'mod konsistenti mad-dritt internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jispezzjonaw il-merkanzija kollha lejn il-Haiti fit-territorju tagħhom, inkluż portijiet u ajruporti, jekk ikollhom informazzjoni li tipprovdi bażi raġonevoli biex jitwemmen li l-merkanzija tinkludi oġġetti li l-provvista, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti skont dan l-Artikolu.

4.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw fil-ħin lill-Kumitat stabbilit mill-paragrafu 19 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (‘UNSCR’) 2653 (2022) (‘il-Kumitat tas-Sanzjonijiet’) każijiet ta' ksur tal-miżuri skont il-paragrafi 1 u 2. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw ukoll lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet rapport bil-miktub dwar kwalunkwe konfiska ta' oġġetti bħala riżultat ta' spezzjoni mwettqa skont il-paragrafu 3.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ miżuri adegwati ta' mmarkar u żamma ta' rekords biex jiġu rintraċċati l-armi, f'konformità mal-istrumenti internazzjonali u reġjonali li huma partijiet għalihom, u biex jikkunsidraw kif l-aħjar jassistu, fejn rilevanti u fuq talba tagħhom, lill-pajjiżi ġirien fil-prevenzjoni u l-identifikazzjoni ta' traffikar illeċitu u devjazzjoni bi ksur tal-miżuri imposti fil-paragrafi 1 u 2.

6.   Il-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw:

(a)

għall-provvista, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esporazzjoni ta’ oġġetti kif imsemmi fil-paragrafu 1, jew il-forniment ta’ assistenza teknika, taħriġ jew assistenza oħra jew ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja kif imsemmi fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (b), lin-NU jew missjoni awtorizzata min-NU jew lil unità ta' sigurtà li topera taħt il-kmand tal-Gvern tal-Haiti, maħsuba biex jintużaw minn dawk l-entitajiet jew f'koordinazzjoni magħhom u maħsuba biss biex ikomplu jintlaħqu l-objettivi tal-paċi u l-istabbiltà fil-Haiti;

(b)

għall-provvista, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti kif imsemmi fil-paragrafu 1, jew il-forniment ta’ assistenza teknika, taħriġ jew assistenza oħra jew ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja kif imsemmi fil-paragrafu 2, il-punti (a) u (b), meta approvati minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet biex ikomplu jintlaħqu l-objettivi tal-paċi u l-istabbiltà fil-Haiti.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 307, 28.11.2022, p. 135.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/38 tal-15 ta' Jannar 2021 li tistabbilixxi approċċ komuni dwar l-elementi taċ-ċertifikati tal-utenti aħħarin fil-kuntest tal-esportazzjoni ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir u l-munizzjon tagħhom, (ĠU L 14, 18.1.2021, p. 4).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 14 ta' Marzu 2012 li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabrikar illeċitu ta' u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, li tissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-transitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni, (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1804/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)