European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1799

10.7.2024

DIRETTIVA (UE) 2024/1799 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Ġunju 2024

dwar regoli komuni għall-promozzjoni tat-tiswija ta’ oġġetti u li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttivi (UE) 2019/771 u (UE) 2020/1828

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tfittex il-kisba tal-objettiv li jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern, filwaqt li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur kif ukoll aktar ċirkolarità fl-ekonomija. Fil-kuntest tat-tranżizzjoni ekoloġika, din id-Direttiva ssegwi l-objettiv li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern, filwaqt li tippromwovi konsum aktar sostenibbli, u b’hekk tikkomplementa l-objettiv tad-Direttiva (UE) 2019/771.

(2)

Sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi, u b’mod partikolari biex jiġi ffaċilitat il-forniment transfruntier ta’ servizzi u l-kompetizzjoni fost is-sewwejja ta’ oġġetti mixtrija mill-konsumaturi fis-suq intern, hu meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli uniformi li jippromwovu t-tiswija ta’ oġġetti mixtrija mill-konsumaturi fir-responsabbiltà tal-bejjiegħ stabbilita mid-Direttiva (UE) 2019/771 u barra minnha. L-Istati Membri diġà introduċew, jew qed jikkunsidraw li jintroduċu, regoli li jippromwovu t-tiswija u l-użu mill-ġdid ta’ oġġetti mixtrija mill-konsumaturi barra mir-responsabbiltà eżistenti tal-bejjiegħ stabbiliti bid-Direttiva (UE) 2019/771. Ir-regoli nazzjonali obbligatorji differenti f’dan il-qasam jikkostitwixxu ostakli reali jew potenzjali għall-funzjonament tas-suq intern, li jaffettwaw it-tranżazzjonijiet transfruntiera ta’ operaturi ekonomiċi li jaġixxu f’dak is-suq b’mod negattiv. Dawk l-operaturi jista’ jkollhom jadattaw is-servizzi tagħhom biex jikkonformaw mar-regoli nazzjonali obbligatorji differenti u jistgħu jiġu ffaċċati b’kostijiet addizzjonali tat-tranżazzjoni biex jiksbu l-parir legali meħtieġ dwar ir-rekwiżiti tal-liġi tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-konsumatur, li japplikaw skont ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u biex jadattaw il-kuntratti tagħhom għall-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija skont dan. B’mod partikolari, dan ser jaffettwa l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, li jiffurmaw il-parti l-kbira tas-settur tat-tiswija. Il-frammentazzjoni legali tista’ taffettwa b’mod negattiv ukoll il-fiduċja tal-konsumatur fit-tiswija transfruntiera minħabba inċertezzi rigward fatturi li huma importanti għad-deċiżjoni li jissewwew oġġetti.

(3)

Sabiex jitnaqqas ir-rimi prematur ta’ oġġetti vijabbli mixtrija mill-konsumaturi u biex il-konsumaturi jiġu mħeġġa jużaw l-oġġetti tagħhom għal aktar żmien, huwa meħtieġ li jissaħħu d-dispożizzjonijiet marbuta mat-tiswija tal-oġġetti, fejn il-konsumaturi jkunu jistgħu jfittxu tiswija bi prezz affordabbli mill-fornitur ta’ servizz ta’ tiswija tal-għażla tagħhom. Jenħtieġ li t-tiswija tirriżulta f’konsum sostenibbli, peress li x’aktarx tiġġenera ammont inqas ta’ skart ikkawżat minn oġġetti li jitwarrbu, inqas domanda għar-riżorsi, inkluż l-enerġija, ikkawżata mill-proċess tal-manifattura u l-bejgħ ta’ oġġetti ġodda li jissostitwixxu oġġetti difettużi, kif ukoll livelli aktar baxxi ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Din id-Direttiva tippromwovi konsum sostenibbli bil-ħsieb li jinkisbu benefiċċji għall-ambjent, billi tippromwovi ċiklu tal-ħajja ta’ oġġetti li jinkludu l-użu mill-ġdid, it-tiswija u r-rinnovazzjoni, filwaqt li tipproduċi wkoll benefiċċji għall-konsumaturi billi tevita kostijiet assoċjati ma’ xiri ġdid fuq terminu qasir.

(4)

L-imġiba tal-konsumatur tikkonsisti f’varjetà wiesgħa ta’ aspetti. Meta wieħed jiġi biex jagħżel bejn it-tiswija u x-xiri ta’ oġġett ġdid, il-kriterji tad-deċiżjoni, bħall-konvenjenza ekonomika, id-durabbiltà, id-disponibbiltà u l-prossimità ta’ servizz ta’ tiswija, u l-ħin meħtieġ għat-tiswija, għandhom rwol importanti. Diversi ostakli jistgħu jipprevjenu lill-konsumaturi milli jagħżlu li jsewwu l-oġġett. Din id-Direttiva għandha l-għan li tindirizza xi wħud minn dawn l-ostakli.

(5)

Ir-Regolament (UE) 2024/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jistabbilixxi, b’mod partikolari, rekwiżiti min-naħa tal-provvista li jfittxu li jiksbu l-objettiv li l-prodott jiġi ddisinjat b’mod aktar sostenibbli fil-fażi tal-produzzjoni. Id-Direttiva (UE) 2024/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) tistabbilixxi rekwiżiti min-naħa tad-domanda li jiżguraw l-għoti ta’ informazzjoni aħjar dwar id-durabbiltà u l-possibbiltà ta’ tiswija tal-oġġetti fil-punt tal-bejgħ, li jenħtieġ li jippermettu lill-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet infurmati u sostenibbli dwar ix-xiri. Din id-Direttiva għandha l-għan li tikkomplementa dawk ir-rekwiżiti min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, billi tippromwovi t-tiswija u l-użu mill-ġdid fil-fażi ta’ wara l-bejgħ barra mir-responsabbiltà tal-bejjiegħ. Barra minn hekk, id-Direttiva (UE) 2019/771 jenħtieġ li tiġi emendata biex tippromwovi t-tiswija fir-responsabbiltà tal-bejjiegħ. B’hekk, din id-Direttiva ssegwi l-objettivi, fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, li tippromwovi konsum aktar sostenibbli, ekonomija ċirkolari u t-tranżizzjoni ekoloġika.

(6)

Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà tal-Istati Membri li jirregolaw aspetti ta’ kuntratti għall-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija għajr dawk armonizzati mil-liġi tal-Unjoni. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwa la l-libertà li l-Istati Membri jirregolaw l-aspetti tal-liġi ġenerali tal-kuntratti, bħar-regoli dwar it-tfassil, il-validità, in-nullità jew l-effetti tal-kuntratti, inkluż il-konsegwenzi tat-terminazzjoni ta’ kuntratt, dment li dawn ma jkunux regolati f’din id-Direttiva, u lanqas id-dritt għal kumpens għad-danni. Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), b’mod partikolari fil-każ ta’ sejħa lura ta’ prodott għal raġunijiet ta’ sikurezza.

(7)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi, fejn ikun kompatibbli mal-obbligi stabbiliti f’din id-Direttiva u fi dritt applikabbli ieħor tal-Unjoni, li jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet dwar aspetti oħra tal-promozzjoni tat-tiswija ta’ oġġetti li jistgħu jikkomplementaw ir-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva, pereżempju fir-rigward tal-garanziji kummerċjali, l-eżistenza ta’ ċentri ta’ servizz ta’ tiswija jew inċentivi finanzjarji għat-tiswija.

(8)

Sabiex jiġu sfruttati bis-sħiħ il-benefiċċji ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li din tapplika għall-oġġetti kollha. Madankollu, id-dispożizzjonijiet dwar l-obbligi ta’ tiswija u ta’ informazzjoni kif speċifikati f’din id-Direttiva jenħtieġ li japplikaw biss għal oġġetti li għalihom huma previsti rekwiżiti ta’ possibbiltà ta’ tiswija mill-atti legali tal-Unjoni.

(9)

Ir-rekwiżiti ta’ possibbiltà ta’ tiswija jenħtieġ li jinkludu r-rekwiżiti kollha skont l-atti legali tal-Unjoni li jiżguraw li l-oġġetti jkunu jistgħu jissewwew, inkluż, iżda mhux limitati, għar-rekwiżiti skont il-qafas tal-ekodisinn imsemmi fir-Regolament (UE) 2024/1781, biex ikopru firxa wiesgħa ta’ oġġetti kif ukoll żviluppi futuri fi kwalunkwe qasam ieħor tal-liġi tal-Unjoni.

(10)

Is-sewwejja għandhom jipprovdu lill-konsumaturi b’informazzjoni ewlenija dwar is-servizzi ta’ tiswija tagħhom. Sabiex tiġi ffaċilitata l-għażla libera tal-konsumatur li jiddeċiedi għand min imur biex isewwi l-oġġetti u biex jgħinu fl-identifikazzjoni u fl-għażla ta’ servizzi ta’ tiswija xierqa, is-sewwejja jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw fuq bażi volontarja l-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija standardizzata pprovduta fl-Anness I ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-Formula Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija tinkludi l-parametri ewlenin li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ta’ tiswija tal-konsumatur, bħan-natura tad-difett, il-prezz u ż-żmien li fih is-sewwej jimpenja ruħu li jlesti t-tiswija. Jekk is-sewwej joffri servizzi addizzjonali bħat-trasport, jenħtieġ li jiġu indikati l-kostijiet individwali ta’ dawk is-servizzi. L-informazzjoni fil-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija jenħtieġ li tingħata lill-konsumaturi b’mod ċar u li jinftiehem u f’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Il-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija tista’ tippermetti lill-konsumaturi jaċċessaw u jqabblu faċilment is-servizzi tat-tiswija, inkluż offerti alternattivi ta’ tiswija, u tiffaċilita l-għoti ta’ informazzjoni dwar is-servizzi tat-tiswija, b’mod partkolari għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Is-sewwejja jiksbu aktar ċertezza legali peress li meta jkunu qed jużaw u jimlew b’mod korrett il-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija, huma jitqiesu li jkunu qed jissodisfaw l-obbligi legali tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-għoti ta’ ċerta informazzjoni prekuntrattwali skont id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Il-preżentazzjoni standardizzata ta’ informazzjoni ewlenija permezz tal-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija ttejjeb iċ-ċarezza u t-trasparenza u b’hekk tikkontribwixxi għal fiduċja akbar tal-konsumatur fis-servizzi ta’ tiswija.

(11)

Jekk is-sewwej jipprovdi l-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija, jenħtieġ li jagħmel dan f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, li jenħtieġ li jikkorrispondi għall-iqsar perjodu ta’ żmien possibbli wara t-talba u qabel ma l-konsumatur ikun marbut b’kuntratt għall-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija. Meta ma tiġi pprovduta l-ebda Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija, konsumatur jenħtieġ li jkun jista’ wkoll jikkonkludi kuntratt għall-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija ma’ sewwej skont informazzjoni prekuntrattwali pprovduta b’mezzi oħra f’konformità mad-Direttiva 2011/83/UE.

(12)

Il-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija jenħtieġ li tiġi pprovduta mingħajr ħlas. Madankollu, hemm sitwazzjonijiet li fihom sewwej jeħtieġ li jwettaq servizz dijanjostiku, jiġifieri jispezzjona l-oġġetti biex jidentifika n-natura tad-difett jew it-tip ta’ tiswija. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li s-sewwej ikun jista’ jitlob lill-konsumatur iħallas il-kostijiet meħtieġa li jġarrab, inkluż il-kostijiet tax-xogħol jew tat-trasport. F’konformità mal-informazzjoni prekuntrattwali u ma’ rekwiżiti oħra stabbiliti fid-Direttiva 2011/83/UE, jenħtieġ li s-sewwej jinforma lill-konsumatur dwar tali kostijiet qabel ma l-konsumatur jitlob is-servizz dijonjastiku u qabel il-forniment tal-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija. Jenħtieġ li l-konsumaturi jkunu jistgħu joqogħdu lura milli jitolbu s-servizz dijanjostiku meta jqisu li l-kostijiet biex jinkiseb is-servizz dijanjostiku jkunu għaljin wisq. Jekk il-konsumatur jagħżel li jsewwi l-oġġett, jenħtieġ li s-sewwej ikun jista’ jnaqqas tali kostijiet mill-prezz tat-tiswija. Dan huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Istati Membri dwar it-tnaqqis obbligatorju ta’ tali kostijiet. It-tnaqqis jista’ jiġi kkomunikat permezz tal-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija.

(13)

Jenħtieġ li s-sewwejja ma jbiddlux il-kundizzjonijiet tat-tiswija li jipprovdu fil-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija, inkluż il-prezz għat-tiswija, għal perjodu minimu ta’ 30 jum kalendarju. Madankollu, is-sewwej u l-konsumatur jenħtieġ li jkunu jistgħu jaqblu dwar perjodu itwal. Dan jiżgura li l-konsumaturi jingħataw biżżejjed żmien biex iqabblu offerti ta’ tiswija differenti. Jekk kuntratt għall-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija jiġi konkluż abbażi tal-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija, l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tat-tiswija u l-prezz li tkun tinsab f’dik il-formola jenħtieġ li tikkostitwixxi parti integrali mill-kuntratt għall-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija, u b’hekk tiddefinixxi l-obbligi tas-sewwej skont dak il-kuntratt. In-nuqqas ta’ konformità ma’ dawk l-obbligi kuntrattwali huwa rregolat mil-liġi nazzjonali applikabbli.

(14)

Jekk sewwej jiddeċiedi li jipprovdi l-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija u l-konsumatur jaċċetta l-kundizzjonijiet previsti fiha, jenħtieġ li s-sewwej ikun obbligat isewwi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu rimedji proporzjonati u effettivi għall-konsumaturi meta s-sewwej ma jwettaqx is-servizz tat-tiswija wara li l-konsumatur ikun aċċetta l-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija. Tali rimedji jistgħu jinkludu rimborż tal-kost imħallas għas-servizz dijanjostiku.

(15)

Id-Direttiva (UE) 2019/771 timponi obbligu fuq il-bejjiegħa biex isewwu oġġetti f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità li kien jeżisti fiż-żmien meta l-oġġetti ġew ikkunsinnati u li joħorġu fid-dieher fil-perjodu ta’ responsabbiltà. Meta dak l-obbligu ma japplikax, għadd kbir ta’ oġġetti difettużi iżda altrimenti vijabbli jitwarrbu qabel iż-żmien. Sabiex il-konsumaturi jiġu mħeġġa jsewwu l-oġġetti f’sitwazzjonijiet bħal dawn, jenħtieġ li din id-Direttiva timponi obbligu fuq il-manifatturi biex isewwu fuq talba tal-konsumatur oġġetti li għalihom japplikaw ir-rekwiżiti ta’ possibbiltà ta’ tiswija imposti mill-atti legali tal-Unjoni, peress li huma d-destinatarji ta’ dawk ir-rekwiżiti ta’ possibbiltà ta’ tiswija. Dak l-obbligu jenħtieġ li japplika għall-manifatturi stabbiliti kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni fir-rigward ta’ oġġetti li jkunu ġew introdotti fis-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li din id-Direttiva ma tqajjimx dubji dwar il-libertà ekonomika tal-għażla għall-manifatturi li jwaqqfu l-manifattura ta’ oġġett, mingħajr preġudizzju, fejn applikabbli, għall-obbligu li jiġu pprovduti spare parts u għodod skont il-liġi tal-Unjoni.

(16)

Peress li l-obbligu ta’ tiswija impost fuq il-manifatturi skont din id-Direttiva jkopri difetti li mhumiex dovuti għan-nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti b’kuntratt ta’ bejgħ, jenħtieġ li l-manifatturi jkunu jistgħu jipprovdu tiswija għal prezz li jitħallas mill-konsumatur, jew b’xejn. Il-ħlas ta’ prezz jenħtieġ li jħeġġeġ lill-manifatturi jiżviluppaw mudelli ta’ negozju sostenibbli, inkluż il-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija. Prezz bħal dan jista’ jqis, pereżempju, il-kostijiet lavorattivi, il-kostijiet tal-ispare parts, il-kostijiet tal-operat tal-faċilità tat-tiswija u l-marġni abitwali. Jenħtieġ li l-prezz ikun raġonevoli, jiġifieri jenħtieġ li jiġi stabbilit b’tali mod li l-konsumaturi ma jiġux skoraġġuti intenzjonalment milli jibbenefikaw mill-obbligu ta’ tiswija tal-manifatturi. Il-prezz u l-kundizzjonijiet tat-tiswija jenħtieġ li jiġu miftiehma f’kuntratt bejn il-konsumatur u l-manifattur u l-konsumatur jenħtieġ li jibqa’ liberu li jiddeċiedi jekk dak il-prezz u dawk il-kundizzjonijiet ikunux aċċettabbli. Il-ħtieġa għal kuntratt bħal dan u l-pressjoni kompetittiva minn sewwejja oħra jenħtieġ li jinkoraġġixxu lill-manifatturi li huma obbligati li jsewwu biex iżommu l-prezz aċċettabbli għall-konsumatur. L-obbligu ta’ tiswija jista’ jitwettaq ukoll mingħajr ħlas meta d-difett ikun kopert minn garanzija kummerċjali, pereżempju fir-rigward tad-durabbiltà garantita tal-oġġetti. Sabiex il-konsumaturi jiġu inċentivati biex l-oġġetti tagħhom jissewwew barra mill-ambitu tal-garanzija legali, jenħtieġ li manifattur ikun jista’ joffri self ta’ oġġett komparabbli għat-tul ta’ żmien tat-tiswija, liema oġġett huwa mistenni li jiġi rritornat ladarba l-konsumatur jirċievi l-oġġett imsewwi.

(17)

Ikun ta’ benefiċċju jekk it-tiswija tkun tista’ titwettaq kemm jista’ jkun qrib il-konsumatur biex jiġu evitati kostijiet tat-trasport marittimu u emissjonijiet mhux meħtieġa. Il-manifatturi u, fejn applikabbli, ir-rappreżentanti awtorizzati, l-importaturi u d-distributuri, jenħtieġ li jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligu ta’ tiswija tagħhom billi jissubkuntrattaw it-tiswija, pereżempju, jekk ma jkollhomx l-infrastruttura tat-tiswija jew jekk it-tiswija tkun tista’ titwettaq minn sewwej li jinsab eqreb tal-konsumatur. Madankollu, jenħtieġ li jibqgħu responsabbli għall-obbligu ta’ tiswija.

(18)

Taħt ir-rekwiżiti stabbiliti fl-atti delegati adottati skont ir-Regolament (UE) 2024/1781 jew il-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), il-manifatturi jridu jipprovdu aċċess għal spare parts, informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni jew kwalunkwe għodda tas-software, firmware jew mezzi awżiljarji simili relatati mat-tiswija. Dawk ir-rekwiżiti jiżguraw il-fattibbiltà teknika tat-tiswija mhux biss min-naħa tal-manifattur iżda wkoll min-naħa ta’ sewwejja oħra. B’konsegwenza ta’ dan, is-sewwejja u, fejn applikabbli, il-konsumaturi ser ikollhom aċċess għal spare parts u informazzjoni u għodod relatati mat-tiswija f’konformità mal-atti legali tal-Unjoni u l-konsumaturi ser ikollhom għażla usa’ ta’ sewwejja jew, fejn applikabbli, il-possibbiltà li jsewwu waħedhom. Jenħtieġ li l-ispare parts ikunu disponibbli mill-inqas għall-perjodu ta’ żmien stabbilit fl-atti legali tal-Unjoni. Il-manifatturi li jagħmlu l-ispare parts u l-għodod disponibbli għall-oġġetti koperti mill-atti legali elenkati fl-Anness II ta’ din id-Direttiva, kemm jekk minħabba obbligi legali korrispondenti skont il-liġi tal-Unjoni jew b’mod volontarju, jenħtieġ li jitolbu prezz raġonevoli li ma jiskoraġġix l-aċċess għal tali spare parts u għodod, u b’hekk jipprevjenu t-tiswija. Sabiex jikkomplementaw dawk il-miżuri, jenħtieġ li l-manifatturi ma jużaw l-ebda klawżola kuntrattwali, jew teknika ta’ hardware jew software li timpedixxi t-tiswija ta’ oġġetti li għalihom hemm rekwiżiti ta’ possibbiltà ta’ tiswija stabbiliti fl-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness II ta’ din id-Direttiva sakemm ma jkunux ġustifikati minn fatturi leġittimi u oġġettivi, inkluż biex jipprevjenu jew jirrestrinġu l-użu mhux awtorizzat ta’ xogħlijiet u suġġetti oħra protetti mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali skont l-atti legali tal-Unjoni u dawk nazzjonali, b’mod partikolari d-Direttivi 2001/29/KE (12), 2004/48/KE (13) u (UE) 2019/790 (14) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Konsegwentement, jenħtieġ li dan jinkoraġġixxi l-kompetizzjoni u jkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi b’servizzi aħjar u bi prezzijiet tat-tiswija aktar baxxi.

(19)

Il-prattiki tal-operaturi tas-suq li jħeġġu lill-konsumaturi jaħsbu li l-oġġetti tagħhom ma jistgħux jissewwew minħabba tiswija jew spezzjoni preċedenti minn sewwej indipendenti, sewwej mhux professjonali jew utenti finali, jew dikjarazzjonijiet foloz li tali tiswija jew spezzjoni tiġġenera riskji relatati mas-sikurezza, u b’hekk tqarraq bil-konsumaturi, jistgħu, fejn applikabbli, jikkostitwixxu prattiki kummerċjali żleali skont id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(20)

L-obbligu ta’ tiswija jenħtieġ li japplika wkoll f’każijiet fejn il-manifattur ikun stabbilit barra mill-Unjoni. Sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jirrikorru għand operatur ekonomiku stabbilit fl-Unjoni biex iwettaq dan l-obbligu, din id-Direttiva tipprevedi sekwenza ta’ operaturi ekonomiċi alternattivi li huma meħtieġa li jwettqu l-obbligu tat-tiswija tal-manifattur f’każijiet bħal dawn. Dan jenħtieġ li jippermetti lill-manifatturi li jinsabu barra mill-Unjoni jorganizzaw u jwettqu l-obbligu ta’ tiswija tagħhom fl-Unjoni.

(21)

Sabiex jiġi evitat piż żejjed fuq il-manifatturi u sabiex jiġi żgurat li huma kapaċi jwettqu l-obbligu ta’ tiswija tagħhom, dak l-obbligu jenħtieġ li jkun limitat għal dawk l-oġġetti li għalihom kwalunkwe rekwiżit ta’ possibbiltà ta’ tiswija ikun previst fl-atti legali tal-Unjoni, u sa fejn dan ikun il-każ. Ir-rekwiżiti ta’ possibbiltà ta’ tiswija ma jobbligawx lill-manifatturi jsewwu oġġetti difettużi, iżda jiżguraw li l-oġġetti jkunu jistgħu jissewwew. Eżempji ta’ atti legali tal-Unjoni li jistabbilixxu rekwiżiti ta’ possibbiltà ta’ tiswija huma atti delegati adottati skont ir-Regolament (UE)2024/1781 jew miżuri ta’ implimentazzjoni adottati skont id-Direttiva 2009/125/KE, li joħolqu qafas għat-titjib tas-sostenibbiltà ambjentali tal-prodotti, jew atti legali rilevanti oħra tal-Unjoni bħar-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16). Jenħtieġ li din il-limitazzjoni tal-obbligu ta’ tiswija tiżgura li dawk l-oġġetti li jistgħu jissewwew biss ikunu soġġetti għal tali obbligu. Ir-rekwiżiti rilevanti ta’ possibbiltà ta’ tiswija jinkludu rekwiżiti tad-disinn li jtejbu l-kapaċità li l-oġġetti jiġu żarmati u firxa ta’ spare parts li għandhom isiru disponibbli għal perjodu minimu. Jenħtieġ li l-obbligu ta’ tiswija jikkorrispondi għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ possibbiltà ta’ tiswija, pereżempju, ir-rekwiżiti tal-ekodisinn jistgħu japplikaw biss għal ċerti komponenti tal-oġġetti jew jista’ jiġi stabbilit perjodu speċifiku ta’ żmien biex l-ispare parts isiru disponibbli. L-obbligu ta’ tiswija skont din id-Direttiva, li jippermetti lill-konsumaturi jitolbu t-tiswija lill-manifattur direttament fil-fażi ta’ wara l-bejgħ, jenħtieġ li jikkomplementa r-rekwiżiti ta’ possibbiltà ta’ tiswija relatati min-naħa tal-provvista li huma stipulati pereżempju fir-Regolament (UE) 2024/1781, filwaqt li jinkoraġġixxi d-domanda tal-konsumatur għat-tiswija.

(22)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, jenħtieġ li din id-Direttiva telenka fl-Anness II l-atti legali tal-Unjoni li fihom rekwiżiti ta’ possibbiltà ta’ tiswija għal kategoriji rilevanti ta’ oġġetti. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza mal-iżviluppi regolatorji futuri, jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward taż-żieda ta’ atti legali tal-Unjoni fl-Anness II ta’ din id-Direttiva, meta jiġu adottati rekwiżiti ġodda ta’ possibbiltà ta’ tiswija. Jenħtieġ li l-Kummissjoni żżid dawk l-atti legali malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn 12-il xahar wara l-pubblikazzjoni tagħhom. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (17). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(23)

Filwaqt li din id-Direttiva timponi l-obbligu ta’ tiswija fuq il-manifattur, tiffaċilita wkoll l-għażla mill-konsumatur ta’ servizzi ta’ tiswija minn sewwejja oħra. Din l-għażla ser tiġi ffaċilitata permezz tal-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija li ser tiġi pprovduta b’mod volontarju mhux biss mill-manifattur iżda wkoll mis-sewwejja bħall-bejjiegħ jew sewwejja indipendenti jew billi jsir tiftix permezz ta’ pjattaforma ta’ tiswija online. Peress li l-konsumaturi jkollhom iħallsu għat-tiswija, x’aktarx li jqabblu l-opportunitajiet ta’ tiswija sabiex jagħżlu l-aktar servizzi ta’ tiswija xierqa għall-ħtiġijiet tagħhom. Għalhekk, x’aktarx li javviċinaw lis-sewwejja indipendenti fil-viċinanza tagħhom jew lill-bejjiegħ qabel ma jikkuntattjaw manifatturi li jistgħu, pereżempju, jkunu jinsabu f’distanza akbar u li għalihom il-prezz jista’ jkun ogħla minħabba l-kostijiet tat-trasport.

(24)

F’konformita’ mad-Direttiva (UE) 2019/771, jenħtieġ li manifattur ikun eżentat mill-obbligu ta’ tiswija meta t-tiswija tkun fattwalment jew legalment impossibbli. Għalhekk, jenħtieġ li l-manifattur ma jkunx jista’ jirrifjuta t-tiswija għal raġunijiet purament ekonomiċi, bħall-kost tal-ispare parts, jew għar-raġuni unika li tkun twettqet tiswija preċedenti minn sewwejja oħra jew, fejn applikabbli, mill-konsumatur. Il-liġi nazzjonali li timplimenta d-Direttiva (UE) 2019/771 jew id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) preċedenti diġà tuża l-kriterju dwar jekk it-tiswija tkunx impossibbli u l-qrati nazzjonali qed japplikawha.

(25)

Sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar id-disponibbiltà tat-tiswija u b’hekk il-probabbiltà tagħha, il-manifatturi jew, fejn applikabbli, ir-rappreżentanti awtorizzati, l-importaturi jew id-distributuri, jenħtieġ li jinfurmaw lill-konsumaturi billi jagħmlu disponibbli informazzjoni dwar l-obbligu ta’ tiswija tagħhom u s-servizzi ta’ tiswija tagħhom. Jenħtieġ li l-informazzjoni tkun disponibbli mill-inqas matul id-durata kollha tal-obbligu ta’ tiswija, li jista’ jinftiehem bħala li jibda mill-mument tal-introduzzjoni fis-suq sal-iskadenza tar-rekwiżiti ta’ possibbiltà tiswija. Jenħtieġ li l-informazzjoni ssemmi l-oġġetti koperti minn dak l-obbligu, flimkien ma’ spjegazzjoni li u sa fejn l-oġġetti jkunu jistgħu jissewwew, pereżempju permezz ta’ subkuntratturi. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tkun faċilment aċċessibbli għall-konsumatur u tingħata b’mod ċar u li jinftiehem, mingħajr ma jkollha tintalab mill-konsumatur, u b’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tad-Direttiva (UE) 2019/882. Jenħtieġ li l-manifattur ikun liberu li jiddetermina l-mezzi li permezz tagħhom jinforma lill-konsumatur, bħal permezz ta’ sit web b’mod viżibbli u prominenti, permezz tal-Passaport Diġitali tal-Prodotti jew fil-punt tal-bejgħ, pereżempju meta l-manifattur ikun il-bejjiegħ.

(26)

Sabiex titħeġġeġ it-tiswija, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi pjattaforma online Ewropea għat-tiswija (il- “pjattaforma online Ewropea”). Jenħtieġ li l-pjattaforma online Ewropea tikkonsisti f’taqsimiet nazzjonali bbażati fuq interfaċċa online komuni u tinkludi ħoloq għal pjattaformi online nazzjonali għat-tiswija (il-“pjattaformi online nazzjonali”) li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti f’din id-Direttiva. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżviluppa interfaċċa online komuni għall-pjattaforma online Ewropea. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun responsabbli wkoll biex tiżgura l-manutenzjoni tal-IT tal-interfaċċa online komuni u twieġeb għal mistoqsijiet tekniċi jew mistoqsijiet oħra mill-utenti rigward kwalunkwe funzjonament ħażin tal-pjattaforma online Ewropea. Jenħtieġ li l-pjattaforma online Ewropea tkun aċċessibbli bla ħlas għall-konsumaturi. Jenħtieġ li tkun tista’ takkomoda, fejn applikabbli, ukoll bejjiegħa ta’ oġġetti rikondizzjonati, xerrejja ta’ oġġetti difettużi għar-rikondizzjonar jew strumenti komplementari bbażati fuq is-suq, bħal inizjattivi ta’ tiswija mmexxija mill-komunità. Jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw jew l-interfaċċa online komuni għall-ħolqien tat-taqsimiet nazzjonali tagħhom fuq il-pjattaforma online Ewropea jew jistabbilixxu, jew iżommu, fejn applikabbli, pjattaformi online nazzjonali li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti f’din id-Direttiva. Meta l-Istati Membri jużaw il-pjattaforma online Ewropea, jenħtieġ li jitħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri kif jimlew it-taqsimiet nazzjonali, pereżempju permezz tal-awtoreġistrazzjoni, l-importazzjoni ta’ data fuq skala kbira minn bażijiet tad-data eżistenti bil-kunsens tas-sewwejja jew billi r-reġistrazzjoni ssir soġġetta għal approvazzjoni minn qabel. Meta l-Istati Membri jqisu li dan ikun meħtieġ, huma jenħtieġ li jkunu jistgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet biex jaċċessaw it-taqsimiet nazzjonali, bħall-issodisfar tal-kriterji dwar il-kwalifiki professjonali jew il-wiri ta’ aderenza mal-istandards volontarji ta’ kwalità Ewropej jew nazzjonali applikabbli għat-tiswija. Tali kundizzjonijiet jenħtieġ li jkunu nondiskriminatorji u f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. L-Istati Membri li jagħżlu li jistabbilixxu kundizzjonijiet ta’ aċċess fit-taqsimiet nazzjonali tagħhom jenħtieġ li jibbenefikaw minn sitt xhur addizzjonali biex jagħmlu t-taqsima nazzjonali tagħhom operattiva.

(27)

Xi Stati Membri jew negozji investew riżorsi fl-iżvilupp ta’ pjattaformi online nazzjonali biex jippromwovu t-tiswija. Sabiex jevitaw li joħolqu piż amministrattiv eċċessiv u sabiex ikun hemm flessibbiltà xierqa, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu wkoll li jżommu pjattaforma online nazzjonali eżistenti li tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva. Meta Stat Membru jżomm jew jistabbilixxi pjattaforma online nazzjonali, jenħtieġ li ma jkunx obbligat jistabbilixxi taqsima nazzjonali fuq il-pjattaforma online Ewropea jew li jaħtar punti ta’ kuntatt nazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħżlu bejn li jistabbilixxu taqsima nazzjonali fuq il-pjattaforma online Ewropea jew li jistabbilixxu pjattaforma online nazzjonali li tikkonforma mal-kundizzjonijiet stipulati f’din id-Direttiva u jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan sal-31 ta’ Lulju 2026. Tali pjattaformi online nazzjonali ser ikunu aċċessibbli permezz ta’ ħolqa mill-pjattaforma online Ewropea jekk ikunu operazzjonali sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2027. Dawn jistgħu jkunu pjattaformi online privati, pubbliċi jew ta’ sħubija pubblika-privata.

(28)

Jenħtieġ li l-pjattaforma online Ewropea tinkludi għodod faċli għall-utent għat-tiftix ta’ sewwejja skont l-Istat Membru. Dan ser jgħin lill-konsumaturi jivvalutaw u jqabblu l-merti ta’ fornituri tas-servizzi ta’ tiswija differenti, u b’hekk jinċentivaw lill-konsumaturi li jagħżlu t-tiswija. Filwaqt li l-pjattaforma online Ewropea għandha l-għan li tiffaċilita t-tfittxija għal servizzi ta’ tiswija fir-relazzjonijiet min-negozju għall-konsumatur, sabiex tippromwovi l-konsum sostenibbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tat-taqsima nazzjonali tagħhom fuq il-pjattaforma online Ewropea biex tinkludi bejjiegħa ta’ oġġetti rikondizzjonati, xerrejja ta’ oġġetti difettużi għar-rikondizzjonar jew inizjattivi ta’ tiswija mmexxija mill-komunità, bħal kafetteriji tat-tiswija.

(29)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru rappreżentant biex ikun parti minn grupp ta’ esperti stabbilit mill-Kummissjoni biex jagħti pariri dwar it-tfassil u l-funzjonament tal-pjattaforma online Ewropea, sabiex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

(30)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru wkoll punti ta’ kuntatt nazzjonali responsabbli għall-kompiti fir-rigward tal-ġestjoni tat-taqsima nazzjonali tagħhom. Jenħtieġ li l-punti ta’ kuntatt nazzjonali maħtura mill-Istati Membri, fejn applikabbli, iwettqu sorveljanza fuq id-data li tkun tinsab fit-taqsima nazzjonali bil-għan tad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u t-tneħħija ta’ informazzjoni mhux valida f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

(31)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-pjattaforma online Ewropea tkun aċċessibbli għall-konsumaturi faċilment u mingħajr ħlas. Jenħtieġ li l-pjattaforma online Ewropea tippermetti lill-konsumaturi jsibu servizzi ta’ tiswija xierqa għall-oġġetti difettużi tagħhom u, fejn applikabbli, bejjiegħa ta’ oġġetti rikondizzjonati, xerrejja ta’ oġġetti difettużi għar-rikondizzjonar jew inizjattivi ta’ tiswija mmexxija mill-komunità bħal kafetteriji tat-tiswija. Jenħtieġ li l-konsumaturi jkunu jistgħu jużaw funzjonijiet ta’ tiftix sabiex jiffiltraw b’karatteristiċi differenti bħal kategoriji ta’ oġġetti, id-disponibbiltà ta’ oġġetti ta’ sostituzzjoni temporanja, l-indikaturi tal-kwalità u kwalunkwe kundizzjoni ta’ tiswija, inkluż il-post tas-sewwej u l-possibbiltà ta’ forniment transfruntier ta’ servizzi. Il-pjattaforma online Ewropea jenħtieġ li tkun aċċessibbli wkoll għall-konsumaturi vulnerabbli, inkluż il-persuni b’diżabbiltà, f’konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni relatat mal-aċċessibbiltà.

(32)

Il-funzjoni tat-tiftix ibbażata fuq l-oġġetti tista’ tirreferi għat-tip jew il-marka tal-oġġetti. Peress li s-sewwejja ma jistgħux ikunu jafu d-difett speċifiku qabel ma ssir talba għat-tiswija, jenħtieġ li jkun biżżejjed li fuq il-pjattaforma online Ewropea jipprovdu informazzjoni ġenerika dwar l-elementi ewlenin tas-servizzi ta’ tiswija tagħhom biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk isewwux l-oġġett inkwistjoni, b’mod partikolari ż-żmien medju biex ilestu t-tiswija, id-disponibbiltà ta’ oġġetti ta’ sostituzzjoni temporanja, il-post fejn il-konsumatur jibgħat l-oġġetti għat-tiswija u d-disponibbiltà ta’ servizzi anċillari. Is-sewwejja u, fejn applikabbli, il-bejjiegħa ta’ oġġetti rikondizzjonati, ix-xerrejja ta’ oġġetti difettużi għar-rikondizzjonar jew inizjattivi ta’ tiswija mmexxija mill-komunità bħal kafetteriji tat-tiswija jenħtieġ li jiġu mħeġġa jaġġornaw regolarment l-informazzjoni tagħhom fuq il-pjattaforma online Ewropea. Sabiex tinbena l-fiduċja tal-konsumatur fis-servizzi ta’ tiswija disponibbli fuq il-pjattaforma online Ewropea, jenħtieġ li s-sewwejja jkunu jistgħu juru l-konformità tagħhom ma’ ċerti standards ta’ tiswija.

(33)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-kisba tal-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija, il-pjattaforma online Ewropea jenħtieġ li tinkludi l-possibbiltà li l-konsumaturi jitolbu dik il-formola direttament mingħand is-sewwej permezz tal-pjattaforma online Ewropea, meta s-sewwej jagħmel din il-formula disponibbli b’mod volontarju.

(34)

Biex jiżdied l-għarfien fost il-konsumaturi dwar il-pjattaforma online Ewropea, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu passi xierqa, pereżempju jqiegħdu ħolqa li twassal għall-pjattaforma online Ewropea fuq siti web nazzjonali relatati jew iwettqu kampanji ta’ komunikazzjoni.

(35)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-liġijiet nazzjonali tagħhom, inkluż meta jittrasponu din id-Direttiva, ikunu kompletament konformi mal-libertajiet fundamentali li jiġu pprovduti servizzi u tal-istabbiliment kif minquxa fit-Trattati. Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2018/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19).

(36)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu mill-anqas miżura waħda biex jippromwovu t-tiswija. Tali miżuri jistgħu jkunu ta’ natura finanzjarja jew mhux finanzjarja. Miżuri ta’ natura mhux finanzjarja jistgħu jinkludu kampanji ta’ informazzjoni, appoġġ għal inizjattivi ta’ tiswija mmexxija mill-komunità permezz ta’ mezzi diretti bħall-għoti ta’ spazju għal laboratorji ta’ tiswija jew postijiet ta’ laqgħat, pereżempju f’ċentri komunitarji jew kulturali. Miżuri ta’ natura finanzjarja jistgħu, pereżempju, jieħdu l-forma ta’ vawċers għat-tiswija, fondi ta’ tiswija, appoġġ jew ħolqien ta’ pjattaformi online lokali jew reġjonali għat-tiswija, l-organizzazzjoni jew il-finanzjament ta’ programmi ta’ taħriġ biex jinkisbu ħiliet speċjali fit-tiswija, u miżuri ta’ tassazzjoni. Fil-kuntest tal-miżuri ta’ tassazzjoni, fejn applikabbli, f’konformità mal-Anness III tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (20), l-Istati Membri jistgħu, kif xieraq, jagħżlu li jipprevedu rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija ta’ apparat tad-dar, żraben u oġġetti tal-ġilda, ħwejjeġ u bjankerija tad-dar, inkluż it-tiswija u l-alterazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tintroduċi proposta, jekk ikun xieraq, għall-emenda tal-Anness III ta’ dik id-Direttiva. Dawk il-miżuri jistgħu jittieħdu fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. L-Istati Membri jenħtieġ li jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’miżura waħda jew aktar meħuda għall-promozzjoni tat-tiswija, sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aħjar prattiki. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel l-informazzjoni dwar miżuri bħal dawn disponibbli għall-pubbliku.

(37)

Hu meħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu penali għal ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u jiżguraw li dawn jiġu infurzati. Il-penali jenħtieġ li jkunu effettivi, proprozjonati u dissważivi.

(38)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tippermetti l-iżvilupp ta’ standard ta’ kwalità Ewropew volontarju għas-servizzi ta’ tiswija, pereżempju billi tinkoraġġixxi u tiffaċilita l-kooperazzjoni volontarja fuq standard bejn in-negozji, l-awtoritajiet pubbliċi u partijiet ikkonċernati oħra, bħal sewwejja indipendenti u inizjattivi ta’ tiswija mmexxija mill-komunità, jew billi toħroġ talba ta’ standardizzazzjoni lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni. Standard ta’ kwalità Ewropew għas-servizzi ta’ tiswija jista’ jagħti spinta lill-fiduċja tal-konsumatur fis-servizzi tat-tiswija madwar l-Unjoni. Tali standard jista’ jinkludi aspetti li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-konsumatur dwar it-tiswija, bħaż-żmien biex titlesta t-tiswija, id-disponibbiltà ta’ oġġetti ta’ sostituzzjoni temporanja, assigurazzjonijiet tal-kwalità bħal garanzija kummerċjali fuq it-tiswija, u d-disponibbiltà ta’ servizzi anċillari bħall-ġarr, l-installazzjoni u t-trasport offruti mis-sewwejja.

(39)

Id-dispożizzjonijiet ta’ infurzar stabbiliti f’din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21).

(40)

Sabiex il-konsumaturi jiġu inċentivati jagħżlu t-tiswija biex iġibu l-oġġetti f’konformità mar-responsabbiltà tal-bejjiegħ, u għalhekk tiġi promossa t-tiswija, meta l-konsumatur jagħżel it-tiswija bħala r-rimedju biex iġib l-oġġetti f’konformità, id-Direttiva (UE) 2019/771 jenħtieġ li tiġi emendata biex testendi l-perjodu ta’ responsabbiltà bi 12-il xahar, li jenħtieġ li jiżdied mal-perjodu ta’ responsabbiltà li jifdal tal-oġġett. Jenħtieġ li dik l-estensjoni tapplika darba. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jinċentivaw aktar it-tiswija billi jipprevedu estensjonijiet addizzjonali tar-responsabbiltà tal-bejjiegħ jekk it-tiswija terġa’ sseħħ. L-Istati Membri jistgħu wkoll jintroduċu jew iżommu regoli biex jestendu r-responsabbiltà tal-bejjiegħ f’każ ta’ tiswija għal perjodi itwal minn 12-il xahar. F’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/771, fejn tapplika l-estensjoni tal-perjodu ta’ responsabbiltà, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun responsabbli għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li kien jeżisti fiż-żmien meta l-oġġetti ġew ikkonsenjati u li jsir dieher fil-perjodu ta’ responsabbiltà li jifdal tal-oġġett, li jinkludi l-estensjoni. L-estensjoni tal-perjodu ta’ responsabbiltà jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-konsumaturi previsti fid-Direttiva (UE) 2019/771. Din id-Direttiva jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-Istati Membri li jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet li jipprevedu estensjoni itwal tal-perjodu ta’ responsabbiltà biss għall-partijiet imsewwija f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/771. Filwaqt li jqisu l-flessibbiltà prevista mid-Direttiva (UE) 2019/771, l-Istati Membri li ma jipprevedux limiti ta’ żmien fissi għar-responsabbiltà tal-bejjiegħ jew jipprovdu biss perjodu ta’ limitazzjoni għar-rimedji jenħtieġ li jiżguraw li r-responsabbiltà tal-bejjiegħ jew li l-perjodu ta’ limitazzjoni għar-rimedji fil-każ ta’ tiswija tkun mill-inqas ekwivalenti għal sentejn u 12-il xahar, li jikkorrispondu għall-perjodu minimu ta’ responsabbiltà tal-bejjiegħ stipulat fid-Direttiva (UE) 2019/771 u l-estensjoni minima ta’ dak il-perjodu fil-każ ta’ tiswija. L-estensjoni tal-perjodu ta’ responsabbiltà tħeġġeġ il-konsum sostenibbli u tikkontribwixxi għal ekonomija ċirkolari.

(41)

Sabiex tiġi promossa t-tiswija fir-responsabbiltà tal-bejjiegħ, għall-benefiċċju tal-konsumaturi u l-protezzjoni tal-ambjent, id-Direttiva (UE) 2019/771 jenħtieġ li tiġi emendata aktar biex tintroduċi obbligu ġdid li l-konsumatur jiġi infurmat dwar id-dritt tal-għażla bejn tiswija u sostituzzjoni kif ukoll l-estensjoni tal-perjodu ta’ responsabbiltà jekk dak il-konsumatur jagħżel it-tiswija, u b’hekk titqajjem kuxjenza dwar iż-żewġ alternattivi u l-vantaġġ tal-għażla tat-tiswija. Dak ir-rekwiżit ta’ informazzjoni jinkoraġġixxi l-konsum sostenibbli u jikkontribwixxi għal ekonomija ċirkolari.

(42)

Biex il-konsumaturi jiġu appoġġati u tiġi inċentivata t-tiswija, il-bejjiegħ jista’, skont l-ispeċifitajiet tal-kategorija rilevanti tal-oġġett, isellef lill-konsumatur oġġett ta’ sostituzzjoni, jekk it-tiswija ma tkunx tlestiet f’perjodu ta’ żmien raġonevoli jew mingħajr inkonvenjenza sinifikanti. Dan l-oġġett ta’ sostituzzjoni jista’ jkun ukoll oġġett rikondizzjonat. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li l-oġġett ta’ sostituzzjoni misluf temporanjament lill-konsumatur ikun mingħajr ħlas. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-bejjiegħ xorta waħda jwettaq it-tiswija f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-għoti ta’ oġġett b’self għad-durata tat-tiswija jista’ jevita inkonvenjenza sinifikanti għall-konsumatur iżda ma jistax jiġġustifika perjodu ta’ żmien twil b’mod mhux raġonevoli għat-tiswija. Barra minn hekk, f’każ ta’ sostituzzjoni bħala rimedju u fuq talba tal-konsumatur, il-bejjiegħ jista’ jipprovdi lill-konsumatur b’oġġett rikondizzjonat.

(43)

Sabiex ikun jista’ jsir l-infurzar tar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva permezz ta’ azzjonijiet rappreżentattivi, hija meħtieġa emenda tal-Anness I tad-Direttiva (UE) 2020/1828. Biex l-awtoritajiet kompetenti maħtura mill-Istati Membri tagħhom jikkooperaw u jikkoordinaw azzjonijiet bejniethom u mal-Kummissjoni biex jinfurzaw il-konformità mar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva, l-Anness tar-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) jeħtieġ li jiġi emendat.

(44)

Sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jadattaw, jenħtieġ li jiġu introdotti dispożizzjonijiet tranżitorji dwar l-applikazzjoni ta’ uħud mill-Artikoli ta’ din id-Direttiva. L-emenda tad-Direttiva (UE) 2019/771 jenħtieġ li tapplika biss għal kuntratti ta’ bejgħ konklużi wara l-31 ta’ Lulju 2026 biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u biex il-bejjiegħa jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw għar-rimedji emendati ta’ tiswija u sostituzzjoni.

(45)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (23), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, f’każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġustifikata.

(46)

Il-promozzjoni tat-tiswija ta’ oġġetti mixtrija mill-konsumaturi, bil-ħsieb li jingħata kontribut għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali u tal-konsumatur, ma tistax tinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri. Ir-regoli obbligatorji nazzjonali emerġenti li jippromwovu l-konsum sostenibbli permezz tat-tiswija tad-difetti barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/771 x’aktarx li jvarjaw u jwasslu għal frammentazzjoni tas-suq intern. L-Istati Membri ma jistgħux jemendaw ir-regoli kompletament armonizzati dwar id-difetti li huma fir-responsabbiltà tal-bejjiegħ stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/771. L-objettiv ta’ din id-Direttiva jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħha, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni permezz ta’ regoli komuni armonizzati bis-sħiħ li jippromwovu t-tiswija fi u barra mir-responsabbiltà tal-bejjiegħ stabbilita fid-Direttiva (UE) 2019/771. Għalhekk, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-objettiv.

(47)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u tfittex li tiżgura rispett sħiħ b’mod partikolari għall-Artikoli 16, 26, 37, 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). Tikkontribwixxi għal titjib fil-kwalità tal-ambjent f’konformità mal-Artikolu 37 tal-Karta billi tippromwovi l-konsum sostenibbli tal-oġġetti u b’hekk tnaqqas l-impatti ambjentali negattivi li jinħolqu mir-rimi prematur ta’ oġġetti vijabbli. Din id-Direttiva tiżgura rispett sħiħ għall-Artikolu 38 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur billi ssaħħaħ id-drittijiet tal-konsumatur relatati ma’ difetti li jseħħu jew li joħorġu fid-dieher barra mir-responsabbiltà tal-bejjiegħ skont id-Direttiva (UE) 2019/771. Tiżgura wkoll ir-rispett għal-libertà ta’ intrapriża f’konformità mal-Artikolu 16 tal-Karta billi tissalvagwardja l-libertà kuntrattwali u tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ tiswija fis-suq intern. Din id-Direttiva tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà f’konformità mal-Artikolu 26 tal-Karta billi tiffaċilita l-aċċessibbiltà tal-pjattaforma online Ewropea għall-persuni b’diżabbiltà. Din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għall-Artikolu 47 tal-Karta dwar id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali permezz ta’ mezzi effettivi ta’ infurzar,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett, finijiet u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni li jsaħħu d-dispożizzjonijiet relatati mat-tiswija ta’ oġġetti, bil-ħsieb li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, filwaqt li tipprevedi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u tal-ambjent.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għat-tiswija ta’ oġġetti li jinxtraw mill-konsumaturi fil-każ ta’ difett tal-oġġetti li jseħħ jew li joħroġ fid-dieher barra mir-responsabbiltà tal-bejjiegħ skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2019/771.

3.   L-Artikoli 5 u 6 għandhom japplikaw biss għal oġġetti li għalihom huma previsti rekwiżiti ta’ possibbiltà ta’ tiswija mill-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness II u sal-punt li dan ikun il-każ.

4.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2018/958.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“konsumatur” tfisser “konsumatur” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tad-Direttiva (UE) 2019/771;

(2)

“sewwej” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, relatata mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni ta’ dik il-persuna, tipprovdi servizz ta’ tiswija, inkluż manifatturi u bejjiegħa li jipprovdu servizzi ta’ tiswija u fornituri ta’ servizzi ta’ tiswija kemm jekk indipendenti kif ukoll jekk affiljati ma’ tali manifatturi jew bejjiegħa;

(3)

“tiswija” tfisser “tiswija” kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (20), tar-Regolament (UE) 2024/1781;

(4)

“bejjiegħ” tfisser “bejjiegħ” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (3), tad-Direttiva (UE) 2019/771;

(5)

“manifattur” tfisser “manifattur” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (42), tar-Regolament (UE) 2024/1781;

(6)

“rappreżentant awtorizzat” tfisser “rappreżentant awtorizzat” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (43), tar-Regolament (UE) 2024/1781;

(7)

“importatur” tfisser “importatur” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (44), tar-Regolament (UE) 2024/1781;

(8)

“distributur” tfisser “distributur” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (45), tar-Regolament (UE) 2024/1781;

(9)

“oġġetti” tfisser “oġġetti” kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (5) tad-Direttiva (UE) 2019/771 għajr l-ilma, il-gass u l-elettriku;

(10)

“rikondizzjonar” tfisser “rikondizzjonar” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (18), tar-Regolament (UE) 2024/1781;

(11)

“rekwiżiti ta’ possibbiltà ta’ tiswija” tfisser rekwiżiti skont l-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness II li jippermettu li oġġett jissewwa, inkluż rekwiżiti biex tittejjeb il-faċilità ta’ żżarmar u rekwiżiti dwar l-aċċess għal spare parts, informazzjoni u għodod relatati mat-tiswija applikabbli għal oġġetti jew komponenti speċifiċi ta’ oġġetti;

(12)

“mezz durabbli” tfisser “mezz durabbli” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (11), tad-Direttiva (UE) 2019/771.

Artikolu 3

Livell ta’ armonizzazzjoni

L-Istati Membri ma għandhomx iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet diverġenti minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

Artikolu 4

Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija

1.   Is-sewwejja jistgħu jipprovdu lill-konsumatur bil-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija stabbilita fl-Anness I. Il-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija għandha tiġi pprovduta fuq mezz durabbli u f’perjodu ta’ żmien raġonevoli wara t-talba u qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt għall-forniment ta’ servizzi ta’ tiswija.

2.   Il-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija għandha tiġi pprovduta mingħajr ħlas.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2, meta jkun meħtieġ servizz dijanjostiku, inkluż eżami fiżiku jew mill-bogħod, biex tiġi identifikata n-natura tad-difett, it-tip ta’ tiswija u biex jiġi stmat il-prezz tat-tiswija, is-sewwej jista’ jitlob lill-konsumatur iħallas il-kostijiet meħtieġa ta’ dan is-servizz.

Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2011/83/UE, is-sewwej għandu jinforma lill-konsumatur dwar il-kostijiet tas-servizz dijanjostiku.

4.   Il-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija għandha tispeċifika l-kundizzjonijiet ta’ tiswija li ġejjin b’mod ċar u li jinftiehem:

(a)

l-identità tas-sewwej;

(b)

l-indirizz ġeografiku fejn ikun stabbilit is-sewwej kif ukoll in-numru tat-telefon u l-indirizz tal-posta elettronika tas-sewwej u, jekk disponibbli, mezzi oħra ta’ komunikazzjoni online li jippermettu lill-konsumatur jikkuntattja, u jikkomunika mas-sewwej malajr u b’mod effiċjenti u aċċessibbli;

(c)

l-oġġett li għandu jissewwa;

(d)

in-natura tad-difett u t-tip ta’ tiswija suġġerita;

(e)

il-prezz jew, jekk il-prezz ma jistax jiġi kkalkulat raġonevolment bil-quddiem, il-mod li bih il-prezz għandu jiġi kkalkulat u l-prezz massimu għat-tiswija;

(f)

iż-żmien meħtieġ biex titlesta t-tiswija;

(g)

id-disponibbiltà ta’ oġġetti ta’ sostituzzjoni temporanja matul iż-żmien tat-tiswija u l-kostijiet ta’ sostituzzjoni temporanja, jekk ikun hemm, għall-konsumatur;

(h)

il-post fejn il-konsumatur jgħaddi l-oġġett għat-tiswija;

(i)

fejn applikabbli, id-disponibbiltà ta’ servizzi anċillari, bħall-ġarr, l-installazzjoni u t-trasport, offruti mis-sewwej, u l-kostijiet dettaljati ta’ dawk is-servizzi, jekk ikun hemm, għall-konsumatur;

(j)

il-perjodu ta’ validità tal-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija;

(k)

fejn applikabbli, informazzjoni addizzjonali.

5.   Is-sewwej ma għandux ibiddel il-kundizzjonijiet tat-tiswija speċifikati fil-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija għal perjodu ta’ 30 jum kalendarju mid-data li fiha dik il-formola tkun ġiet ipprovduta lill-konsumatur. Is-sewwej u l-konsumatur jistgħu jaqblu dwar perjodu itwal ta’ validità għall-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija. Meta l-konsumatur jaċċetta, fil-perjodu ta’ validità, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija, is-sewwej għandu jkun obbligat iwettaq is-servizz ta’ tiswija taħt dawk il-kundizzjonijiet.

6.   Meta s-sewwej ikun ipprovda Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija kompluta u preċiża lill-konsumatur, din għandha titqies konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar il-karatteristiċi ewlenin tas-servizz tat-tiswija stabbiliti fl-Artikolu 5(1), il-punt (a), u l-Artikolu 6(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2011/83/UE u l-Artikolu 22(1), il-punt (j), tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24);

(b)

ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar l-identità tas-sewwej u l-informazzjoni ta’ kuntatt stabbiliti fl-Artikolu 5(1), il-punt (b), u l-Artikolu (6)(1), il-punti (b) u (c), tad-Direttiva 2011/83/UE, l-Artikolu 22(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2006/123/KE u l-Artikolu 5(1), il-punti (a), (b) u (c), tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25);

(c)

ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar il-prezz stabbilit fl-Artikoli 5(1), il-punt (c), u l-Artikolu 6(1), il-punt (e), tad-Direttiva 2011/83/UE u l-Artikolu 22(1), il-punt (i), u (3), il-punt (a), tad-Direttiva 2006/123/KE;

(d)

ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar l-arranġamenti għall-prestazzjoni u ż-żmien għat-twettiq tas-servizz ta’ tiswija stabbiliti fl-Artikoli 5(1), il-punt (d), u l-Artikolu 6(1), il-punt (g), tad-Direttiva 2011/83/UE.

Artikolu 5

Obbligu ta’ tiswija

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fuq talba tal-konsumatur, il-manifattur għandu jsewwi oġġetti li għalihom huma previsti rekwiżiti ta’ possibbiltà ta’ tiswija mill-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness II, u sal-punt li dan ikun il-każ. Il-manifattur ma għandux ikun obbligat li jsewwi tali oġġetti meta t-tiswija tkun impossibbli. Il-manifattur jista’ jissubkuntratta t-tiswija sabiex jissodisfa l-obbligu tiegħu li jsewwi.

2.   It-tiswija skont il-paragrafu 1 għandha titwettaq suġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għandha ssir jew mingħajr ħlas jew għal prezz raġonevoli;

(b)

għandha titwettaq f’perjodu ta’ żmien raġonevoli mill-mument li l-manifattur ikollu l-pussess fiżiku tal-oġġett, ikun irċieva l-oġġett jew ikun ingħata aċċess għall-oġġett mill-konsumatur;

(c)

il-manifattur jista’ jipprovdi b’self lill-konsumatur oġġett ta’ sostituzzjoni, b’xejn jew bi ħlas raġonevoli, għall-perjodu tat-tiswija; u

(d)

f’każijiet fejn it-tiswija tkun impossibbli, il-manifattur jista’ joffri lill-konsumatur oġġett rikondizzjonat.

3.   Meta l-manifattur li jkun obbligat li jsewwi skont il-paragrafu 1 jkun stabbilit barra mill-Unjoni, ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu fl-Unjoni għandu jwettaq l-obbligu tal-manifattur. Meta l-manifattur ma jkollu l-ebda rappreżentant awtorizzat fl-Unjoni, l-importatur tal-oġġett ikkonċernat għandu jwettaq l-obbligu tal-manifattur. Jekk ma jkun hemm l-ebda importatur, id-distributur tal-oġġett ikkonċernat għandu jwettaq l-obbligu tal-manifattur. Ir-rappreżentant awtorizzat, l-importatur u d-distributur jistgħu jissubkuntrattaw it-tiswija sabiex jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jsewwu.

4.   Il-manifatturi li jagħmlu l-ispare parts u l-għodod disponibbli għall-oġġetti koperti mill-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness II għandhom joffru dawn l-ispare parts u l-għodod bi prezz raġonevoli li ma jiskoraġġix it-tiswija.

5.   Il-manifatturi, jew, fejn applikabbli, ir-rappreżentanti awtorizzati, l-importaturi jew id-distributuri li jkollhom obbligu ta’ tiswija skont dan l-Artikolu għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jkunu jistgħu jaċċessaw, permezz ta’ sit web b’aċċess liberu, informazzjoni dwar il-prezzijiet indikattivi li jintalbu għat-tiswija tipika tal-oġġetti koperti mill-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness II.

6.   Il-manifatturi ma għandhom jużaw l-ebda klawżola kuntrattwali, teknika ta’ hardware jew software li timpedixxi t-tiswija ta’ oġġetti koperti mill-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness II sakemm dan ma jkunx iġġustifikat minn fatturi leġittimi u oġġettivi inkluż il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali skont il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali. Il-manifatturi, b’mod partikolari, ma għandhomx jimpedixxu l-użu ta’ spare parts oriġinali jew użati, spare parts kompatibbli u spare parts maħruġa mill-istampar 3D, minn sewwejja indipendenti meta dawk l-ispare parts ikunu konformi mar-rekwiżiti skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħar-rekwiżiti dwar is-sikurezza tal-prodotti jew f’konformità mal-proprjetà intellettwali. Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti speċifiċi ta’ atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness II u mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali li jipprevedu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

7.   Il-manifatturi ma għandhomx jirrifjutaw li jsewwu oġġetti koperti mill-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness II għall-unika raġuni li tkun twettqet tiswija preċedenti minn sewwejja oħra jew minn persuni oħra.

8.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta’ tiswija skont dan l-Artikolu, il-konsumaturi jistgħu jfittxu tiswija minn kwalunkwe sewwej tal-għażla tagħhom.

9.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 20 biex temenda l-Anness II billi taġġorna l-lista ta’ atti legali tal-Unjoni li jistabbilixxu r-rekwiżiti ta’ possibbiltà ta’ tiswija fid-dawl tal-iżviluppi regolatorji. Il-Kummissjoni għandha tadotta tali atti delegati mingħajr dewmien żejjed wara l-pubblikazzjoni tal-att legali rispettiv tal-Unjoni, u mhux aktar tard minn 12-il xahar wara tali pubblikazzjoni.

Artikolu 6

Informazzjoni dwar l-obbligu ta’ tiswija

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifattur jew, fejn applikabbli, ir-rappreżentant awtorizzat, l-importatur jew id-distributur jagħmlu disponibbli mingħajr ħlas, mill-inqas għad-durata kollha tal-obbligu tagħhom ta’ tiswija skont l-Artikolu 5, informazzjoni dwar is-servizzi ta’ tiswija tagħhom b’mod faċilment aċċessibbli, ċar u li jinftiehem.

Artikolu 7

Pjattaforma Ewropea ta’ tiswija online

1.   Għandha tiġi stabbilita pjattaforma online Ewropea għat-tiswija (“pjattaforma online Ewropea”) biex tippermetti lill-konsumaturi jsibu sewwejja u, fejn applikabbli, bejjiegħa ta’ oġġetti rikondizzjonati, xerrejja ta’ oġġetti difettużi għar-rikondizzjonar jew inizjattivi ta’ tiswija mmexxija mill-komunità. Il-pjattaforma online Ewropea għandha tikkonsisti fit-taqsimiet nazzjonali li jużaw l-interfaċċa online komuni u għandha tinkludi ħoloq għall-pjattaformi online nazzjonali għat-tiswija msemmija fil-paragrafu 3 (il-“pjattaformi online nazzjonali”).

2.   Sal-31 ta’ Lulju 2027 il-Kummissjoni għandha tiżviluppa l-interfaċċa online komuni għall-pjattaforma online Ewropea. Dik l-interfaċċa online komuni għandha tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 6 u tkun disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha minn hemm’il quddiem tiżgura l-manutenzjoni teknika tal-interfaċċa online komuni.

3.   L-Istati Membri għandhom jużaw l-interfaċċa online komuni msemmija fil-paragrafu 2 għat-taqsimiet nazzjonali tagħhom. Madankollu, l-Istati Membri li għandhom mill-inqas pjattaforma waħda online nazzjonali, kemm pubblika kif ukoll privata, li tkopri t-territorju kollu tagħhom u tikkonforma mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 6 mhumiex obbligati jistabbilixxu taqsima nazzjonali fuq il-pjattaforma online Ewropea. Minflok, il-pjattaforma online Ewropea għandha tinkludi ħoloq għal tali pjattaformi online nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjattaformi online nazzjonali tagħhom ikunu operazzjonali sal-31 ta’ Lulju 2027.

4.   L-Istati Membri jistgħu jestendu l-ambitu tat-taqsima nazzjonali tagħhom fuq il-pjattaforma online Ewropea jew, fejn applikabbli, fuq il-pjattaforma online nazzjonali tagħhom biex tkopri, mhux biss is-sewwejja, iżda wkoll il-bejjiegħa ta’ oġġetti li kienu soġġetti għal rikondizzjonar, ix-xerrejja ta’ oġġetti difettużi għar-rikondizzjonar jew inizjattivi ta’ tiswija mmexxija mill-komunità.

5.   L-użu ta’ taqsimiet nazzjonali u pjattaformi online nazzjonali fil-pjattaforma online Ewropea għandu jkun mingħajr ħlas għall-konsumaturi. Ir-reġistrazzjoni għandha tkun volontarja għas-sewwejja u, fejn applikabbli, għall-bejjiegħa ta’ oġġetti li kienu soġġetti għal rikondizzjonar u xerrejja ta’ oġġetti difettużi għar-rikondizzjonar jew inizjattivi ta’ tiswija mmexxija mill-komunità.

6.   It-taqsimiet nazzjonali li jużaw l-interfaċċa online komuni u l-pjattaformi online nazzjonali għandhom:

(a)

jinkludu funzjonijiet ta’ tiftix fir-rigward ta’ oġġetti, il-post tas-servizzi ta’ tiswija, inkluż funzjoni bbażata fuq il-mapep, il-forniment transfruntier ta’ servizzi, il-kundizzjonijiet ta’ tiswija, inkluż il-ħin meħtieġ biex titlesta t-tiswija, id-disponibbiltà ta’ oġġetti ta’ sostituzzjoni temporanja u l-post fejn il-konsumatur jgħaddi l-oġġetti għat-tiswija, id-disponibbiltà u l-kundizzjonijiet ta’ servizzi anċillari, inkluż il-ġarr, l-installazzjoni u t-trasport, offruti mis-sewwejja, u l-istandards ta’ kwalità Ewropej jew nazzjonali ta’ tiswija applikabbli;

(b)

fejn applikabbli, jinkludu funzjoni ta’ tiftix biex jinstabu bejjiegħa ta’ oġġetti li kienu soġġetti għal rikondizzjonar, xerrejja ta’ oġġetti difettużi għar-rikondizzjonar jew inizjattivi ta’ tiswija mmexxija mill-komunità;

(c)

jippermettu lill-konsumaturi jitolbu l-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija minn sewwejja li joffruha;

(d)

jippermettu lis-sewwejja jaġġornaw regolarment l-informazzjoni ta’ kuntatt u s-servizzi;

(e)

jippermettu lis-sewwejja jindikaw l-aderenza tagħhom mal-istandards ta’ kwalità tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli;

(f)

jippermettu l-aċċessibbiltà permezz ta’ siti web nazzjonali konnessi mal-Portal Diġitali Uniku stabbilit bir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26);

(g)

jiżguraw l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà; u

(h)

jipprovdu formoli ta’ kuntatt għall-utenti biex jirrapportaw kwistjonijiet tekniċi relatati mal-funzjonament tal-pjattaforma online Ewropea kif ukoll ineżattezzi dwar l-informazzjoni pprovduta mis-sewwejja, u, fejn applikabbli, mill-bejjiegħa ta’ oġġetti li kienu soġġetti għal rikondizzjonar, mix-xerrejja ta’ oġġetti difettużi għar-rikondizzjonar jew minn inizjattivi ta’ tiswija mmexxija mill-komunità.

7.   Il-pjattaforma online Ewropea għandha tippermetti l-ġbir ta’ data mhux personali rigward il-funzjonament tat-taqsimiet nazzjonali.

8.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jinfurmaw lill-konsumaturi, lill-operaturi ekonomiċi rilevanti u lill-bejjiegħa dwar id-disponibbiltà tal-pjattaforma online Ewropea.

Artikolu 8

Grupp ta’ esperti

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp ta’ esperti magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri kollha u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-kompitu tal-grupp ta’ esperti għandu jkun li jagħti pariri lill-Kummissjoni fir-rigward tat-tfassil u l-funzjonament tal-pjattaforma online Ewropea u t-taqsimiet nazzjonali tagħha.

Artikolu 9

Punti ta’ kuntatt nazzjonali

1.   Sal-31 ta’ Lulju 2026, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar:

(a)

il-punt ta’ kuntatt nazzjonali li jkunu ħatru għall-pjattaforma online Ewropea; jew

(b)

il-pjattaformi online nazzjonali li jkunu stabbilew jew li jkunu ser jistabbilixxu f’konformità mal-Artikolu 7(3).

2.   Sal-31 ta’ Lulju 2026, l-Istati Membri li jużaw it-taqsimiet nazzjonali tal-pjattaforma online Ewropea jistgħu jadottaw kundizzjonijiet, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, dwar l-aċċess għat-taqsima nazzjonali tagħhom għar-reġistrazzjoni għas-sewwejja u, fejn applikabbli, għall-bejjiegħa ta’ oġġetti li kienu soġġetti għal rikondizzjonar, għax-xerrejja ta’ oġġetti difettużi għar-rikondizzjonar u għal inizjattivi ta’ tiswija mmexxija mill-komunità. Tali kundizzjonijiet jistgħu, b’mod partikolari, jipprevedu approvazzjoni minn qabel tar-reġistrazzjoni fit-taqsima nazzjonali mill-punt ta’ kuntatt nazzjonali jew rekwiżiti għall-kwalifiki professjonali. Dawn l-Istati Membri għandhom sa dik id-data jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe kundizzjoni ta’ aċċess adottata.

3.   L-Istati Membri li jużaw it-taqsimiet nazzjonali tal-pjattaforma online Ewropea u li japplikaw il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiżguraw li t-taqsima nazzjonali tagħhom tkun operazzjonali fi żmien 6 xhur mid-data li fiha l-Kummissjoni tipprovdi l-interfaċċa online komuni prevista fl-Artikolu 7(2).

4.   Il-punt ta’ kuntatt nazzjonali għandu jkun responsabbli għall-kompiti li ġejjin:

(a)

jipprovdi aċċess għat-taqsima nazzjonali tagħhom għar-reġistrazzjoni għas-sewwejja u, fejn applikabbli, għall-bejjiegħa ta’ oġġetti li kienu soġġetti għal rikondizzjonar, għax-xerrejja ta’ oġġetti difettużi għar-rikondizzjonar u għal inizjattivi ta’ tiswija mmexxija mill-komunità;

(b)

jiżgura l-konformità ma’ kwalunkwe kundizzjoni ta’ aċċess stabbilita mill-Istati Membri skont il-paragrafu 2; u

(c)

jassisti lill-Kummissjoni fit-tħaddim tat-taqsimiet nazzjonali tal-pjattaforma online Ewropea.

Artikolu 10

Miżuri għal Intrapriżi Mikro, Żgħar u ta’ Daqs Medju

Fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha tadotta linji gwida biex tappoġġa b’mod partikolari lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju biex jikkonformaw mar-rekwiżiti u l-obbligi stabbiliti f’din id-Direttiva.

Artikolu 11

Infurzar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm mezzi adegwati u effettivi li jiżguraw il-konformità ma’ din id-Direttiva.

2.   Il-mezzi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jippermettu lil korp wieħed jew iktar minn fost dawn li ġejjin, kif tistabbilixxi l-liġi nazzjonali, jieħu azzjoni skont il-liġi nazzjonali quddiem il-qrati jew quddiem il-korpi amministrattivi kompetenti tal-Istati Membri biex jiġi żgurat li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva:

(a)

korpi pubbliċi jew ir-rappreżentanti tagħhom;

(b)

organizzazzjonijiet li għandhom interess leġittimu fil-protezzjoni tal-konsumaturi jew tal-ambjent;

(c)

organizzazzjonijiet professjonali li jkollhom interess leġittimu li tittieħed azzjoni.

Artikolu 12

Informazzjoni għall-konsumatur

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumaturi skont din id-Direttiva, u dwar il-mezzi biex jiġu infurzati dawk id-drittijiet, tkun disponibbli għall-konsumaturi, inkluż fuq siti web nazzjonali konnessi mal-Gateway Diġitali Unika stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1724.

Artikolu 13

Miżuri tal-Istati Membri li jippromwovu t-tiswija

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu mill-anqas miżura waħda biex jippromwovu t-tiswija.

2.   Sal-31 ta’ Lulju 2029, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’miżura waħda jew aktar meħuda skont il-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni dwar il-miżuri notifikati mill-Istati Membri disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 14

Natura obbligatorja

1.   Sakemm mhux previst mod ieħor f’din id-Direttiva, kwalunkwe ftehim kuntrattwali li, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludi l-applikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, jidderoga minnhom, jew ivarja l-effetti tagħhom, ma għandux ikun vinkolanti fuq il-konsumatur.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex timpedixxi lis-sewwej milli joffri lill-konsumatur arranġamenti kuntrattwali li jmorru lil hinn mill-protezzjonijiet previsti f’din id-Direttiva.

Artikolu 15

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-Artikoli 4, 5 u 6 u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, sal-31 ta’ Lulju 2026, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u b’dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.

Artikolu 16

Emenda għad-Direttiva (UE) 2019/771

Id-Direttiva (UE) 2019/771 hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 7(1), il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

jikkorrispondu għall-kwantità u jkollhom il-kwalitajiet u karatteristiċi oħrajn, inkluż f’termini ta’ durabbiltà, possibbiltà ta’ tiswija, funzjonalità, kompatibbiltà u sigurtà, normali għal oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna fid-dawl tan-natura tal-oġġetti u b’kont meħud ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula minn jew f’isem il-bejjiegħ, jew persuni oħra f’ħoloq preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet, inkluż il-produttur, partikolarment fir-reklamar jew fuq it-tikkettar.”

;

(2)

L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Meta, f’konformità mal-Artikolu 13(2), it-tiswija sseħħ bħala r-rimedju biex l-oġġetti jinġiebu f’konformità, il-perjodu ta’ responsabbiltà għandu jiġi estiż darba bi tnax-il xahar.”

;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu limiti ta’ żmien itwal minn dawk imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 2a.”

;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5a.   L-Istati Membri li, f’konformità mal-paragrafu 3 jew mal-paragrafu 5, ma jipprevedux limiti ta’ żmien fissi għar-responsabbiltà tal-bejjiegħ jew jipprovdu biss perjodu ta’ limitazzjoni għar-rimedji, jistgħu jidderogaw mill-paragrafu 2a dment li jiżguraw li r-responsabbiltà tal-bejjiegħ jew il-perjodu ta’ limitazzjoni għar-rimedji fil-każ ta’ tiswija jkun mill-inqas ekwivalenti għal tliet snin.”

;

(3)

fl-Artikolu 13, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Qabel ma l-bejjiegħ jipprovdi r-rimedju biex l-oġġetti jinġiebu f’konformità, il-bejjiegħ għandu jinforma lill-konsumatur dwar id-dritt tal-konsumatur li jagħżel bejn tiswija u sostituzzjoni, kif ukoll dwar l-estensjoni possibbli tal-perjodu ta’ responsabbiltà, previst fl-Artikolu 10 (2a).”

;

(4)

l-Artikolu 14 paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Tiswijiet jew sostituzzjonijiet għandhom jitwettqu:

(a)

bla ħlas;

(b)

fi żmien raġonevoli mill-mument li l-bejjiegħ ikun ġie infurmat mill-konsumatur dwar in-nuqqas ta’ konformità;

(c)

mingħajr ebda inkonvenjent sinifikanti għall-konsumatur, filwaqt li jitqiesu n-natura tal-oġġetti u l-iskop li għalih il-konsumatur kellu bżonn l-oġġetti.

Matul it-tiswija, skont l-ispeċifiċitajiet tal-kategorija rilevanti ta’ oġġetti, b’mod partikolari tal-ħtieġa tal-konsumatur li jkollu tali oġġetti disponibbli b’mod permanenti, il-bejjiegħ jista’ jipprovdi lill-konsumatur mingħajr ħlas b’oġġett ta’ sostituzzjoni, inkluż oġġett rikondizzjonat, fuq self.

Il-bejjiegħ jista’ jipprovdi, fuq talba espliċita tal-konsumatur, oġġett rikondizzjonat biex jissodisfa l-obbligu tiegħu li jissostitwixxi l-oġġett.”.

Artikolu 17

Emenda għad-Direttiva (UE) 2020/1828

Fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2020/1828, jiżdied il-punt li ġej:

“(69)

Id-Direttiva (UE) 2024/1799 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar regoli komuni għall-promozzjoni tat-tiswija ta’ oġġetti u li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttivi (UE) 2019/771 u (UE) 2020/1828 (ĠU L, 2024/1799, 10.7.2024, , ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1799/oj).”.

Artikolu 18

Emenda għar-Regolament (UE) 2017/2394

Fl-Anness tar-Regolament (UE) 2017/2394, jiżdied il-punt li ġej:

“29.

Id-Direttiva (UE) 2024/1799 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar regoli komuni għall-promozzjoni tat-tiswija ta’ oġġetti u li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttivi (UE) 2019/771 u (UE) 2020/1828 (ĠU L, 2024/1799, 10.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1799/oj).”.

Artikolu 19

Rapportar mill-Kummissjoni u rieżami

1.   Sal-31 ta’ Lulju 2031, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jivvaluta l-kontribut ta’ din id-Direttiva, u b’mod partikolari dak tal-Artikoli 5 u 16, għall-promozzjoni tat-tiswija fis-suq intern, inkluż it-tiswija ta’ oġġetti soġġetti għal rekwiżiti ta’ possibbiltà ta’ tiswija barra mill-garanzija legali u l-għażla tal-konsumaturi għat-tiswija fi ħdan il-garanzija legali kif ukoll l-impatt tagħha fuq in-negozji u l-konsumaturi.

2.   Ir-rapport għandu jivvaluta wkoll l-effettività tal-inċentivi għall-għażla tat-tiswija, inkluż l-estensjoni tal-garanzija legali, u l-ħtieġa li jiġu promossi garanziji kummerċjali fuq is-servizzi ta’ tiswija u li jiġu adottati regoli dwar ir-responsabbiltà tas-sewwejja għat-tiswija.

3.   Fir-rigward tal-Artikolu 7, ir-rapport għandu jivvaluta l-effettività tal-pjattaforma online Ewropea abbażi tal-informazzjoni dwar l-għadd ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ tiswija attivi u dwar l-għadd ta’ konsumaturi li aċċessaw il-pjattaforma online Ewropea.

4.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija ta’ dak ir-rapport. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposta leġiżlattiva.

5.   Il-livell meħtieġ ta’ armonizzazzjoni li hemm bżonn biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji fis-suq intern inkluż il-konverġenza u d-diverġenza bejn il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri li jittrasponu din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-perjodi ta’ responsabbiltà, għandu jiġi vvalutat fil-kuntest tar-rieżami previst fl-Artikolu 25 tad-Direttiva (UE) 2019/771.

Artikolu 20

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(9) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ sitt snin mill-31 ta’ Awwissu 2024. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ sitt snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 5(9) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(9) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 21

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

L-Artikolu 16 ta’ din id-Direttiva ma għandux japplika għal kuntratti ta’ bejgħ konklużi qabel il-31 ta’ Lulju 2026.

Artikolu 22

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Lulju 2026. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-31 ta’ Lulju 2026.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 24

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. MICHEL


(1)   ĠU C 293, 18.8.2023, p. 77.

(2)   ĠU C, C/2023/1330, 22.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1330/oj

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ April 2024 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2024.

(4)  Id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 28).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), (ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2024/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti għall-ekodisinn ta’ prodotti sostenibbli, li jemenda d-Direttiva (UE) 2020/1828 u r-Regolament (UE) 2023/1542 u li jħassar id-Direttiva 2009/125/KE (ĠU L, 2024/1781, 28.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1781/oj).

(7)  Id-Direttiva (UE) 2024/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2024 li temenda d-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE fir-rigward tal-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ protezzjoni mtejba kontra prattiki żleali u permezz ta’ informazzjoni aħjar (ĠU L, 2024/825, 6.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/825/oj).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2023/988 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 87/357/KEE (ĠU L 135, 23.5.2023, p. 1).

(9)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).

(10)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(11)  Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).

(12)  Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

(13)  Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45).

(14)  Id-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92).

(15)  Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jemenda d-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (UE) 2019/1020 u li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE (ĠU L 191, 28.7.2023, p. 1).

(17)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(18)  Id-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom (ĠU L 171, 7.7.1999, p. 12).

(19)  Id-Direttiva (UE) 2018/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2018 dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet (ĠU L 173, 9.7.2018, p. 25).

(20)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

(21)  Id-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 409, 4.12.2020, p. 1).

(22)  Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1).

(23)   ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(24)  Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

(25)  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(26)  Ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1).


ANNESS I

FORMOLA EWROPEA TA’ INFORMAZZJONI DWAR IT-TISWIJA

Parti I

L-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tas-sewwej li jipprovdi s-servizz ta’ tiswija

Sewwej

[Identità]

Indirizz

[Indirizz ġeografiku li għandu jintuża mill-konsumatur]

Numru tat-telefown

 

Indirizz tal-posta elettronika

 

Mezzi oħra ta’ komunikazzjoni online, jekk jingħataw mis-sewwej, li jippermettu lill-konsumatur jikkuntattja u jikkomunika mas-sewwej malajr u b’mod effiċjenti

 

Parti II

Informazzjoni dwar is-servizz ta’ tiswija

Oġġett li jkun ser jissewwa

[Identifikazzjoni tal-oġġett]

Natura tad-difett

[Deskrizzjoni tad-difett]

Tip ta’ tiswija ssuġġerita

[X’tip ta’ miżuri ser jittieħdu biex jissewwa d-difett]

Il-prezz tat-tiswija jew, jekk ma jistax jiġi kkalkulat, il-metodu ta’ kalkolu applikabbli u l-ogħla prezz tat-tiswija

[Dan ifisser l-ammont totali jew, jekk mhux possibbli, il-metodu ta’ kalkolu u l-limitu massimu għas-servizz tat-tiswija, f’EUR/munita nazzjonali]

Żmien biex titlesta t-tiswija

[Żmien sa meta s-sewwej jimpenja ruħu li jwettaq is-servizz f’jiem]

Disponibbiltà ta’ oġġetti ta’ sostituzzjoni temporanja

[Oġġett ta’ sostituzzjoni temporanja jfisser li l-konsumatur ser jirċievi oġġett ekwivalenti għall-użu matul iż-żmien tat-tiswija, is-sewwej irid jindika “Iva” jew “Le”]

Jekk iva, indika l-kostijiet korrispondenti, jekk hemm:

[EUR/munita nazzjonali]

Post fejn jingħataw l-oġġetti

[Il-post fejn il-konsumatur jagħti l-oġġetti għat-tiswija]

Jekk applikabbli, id-disponibbiltà ta’ servizzi anċillari

[Indika jekk u sa fejn jiġu offruti servizzi anċillari bħall-ġarr, l-installazzjoni u t-trasport, jew “Xejn” jekk ma jiġi offrut l-ebda servizz anċillari għat-tiswija kkonċernata]

Jekk iva, indika l-kostijiet korrispondenti, jekk hemm:

[F’EUR/munita nazzjonali, għal kull servizz offrut]

Il-perjodu ta’ validità tal-Formola Ewropea ta’ Informazzjoni dwar it-Tiswija

[Perjodu ta’ validità ta’ mill-inqas 30 jum]

Jekk applikabbli, informazzjoni addizzjonali

 

Indikazzjonijiet bejn parentesi kwadri jagħtu spjegazzjonijiet lis-sewwej u jridu jkunu sostitwiti bl-informazzjoni korrispondenti.


ANNESS II

LISTA TA’ ATTI LEGALI TAL-UNJONI L-ISTABBILIMENT TAR-REKWIŻITI TA’ POSSIBBILTÀ TA’ TISWIJA

1.   

Għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2023 (1)

2.   

Għall-magni tal-ħasil tal-platti domestiċi, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2022 (2)

3.   

Għall-apparat refriġeranti, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2019 (3)

4.   

Għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2021 (4)

5.   

Għat-tagħmir tal-iwweldjar, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/1784 (5)

6.   

Għall-vacuum cleaners, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 666/2013 (6)

7.   

Għas-servers u l-prodotti għall-ħżin tad-data skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/424 (7)

8.   

Għat-telefowns ċellulari, għat-telefowns bla fili u għall-islate tablets, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1670 (8)

9.   

Għall-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ għall-użu domestiku, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/2533 (9)

10.   

Għal oġġetti li jinkorporaw batteriji għal mezzi ta’ trasport ħfief, ir-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10)


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2023 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u għall-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ domestiċi skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1015/2010 (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 285).

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2022 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għal magni tal-ħasil tal-platti domestiċi skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1016/2010 (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 267).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2019 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-apparat refriġeranti skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 643/2009 (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 187).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/2021 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-unitajiet tal-wiri elettroniċi skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2009 (ĠU L 315, 5.12.2019, p. 241).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/1784 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar l-ekodisinn għat-tagħmir tal-iwweldjar skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 272, 25.10.2019, p. 121).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 666/2013 tat-8 ta’ Lulju 2013 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-vacuum cleaners (ĠU L 192, 13.7.2013, p. 24).

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/424 tal-15 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għal servers u prodotti għall-ħażna tad-data skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 617/2013 (ĠU L 74, 18.3.2019, p. 46).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1670 tas-16 ta’ Ġunju 2023 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-ismartphones, għat-telefowns ċellulari għajr l-ismartphones, għat-telefowns bla fili u għall-islate tablets skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/826 (ĠU L 214, 31.8.2023, p. 47).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/2533 tas-17 ta’ Novembru 2023 li jimplimenta d-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ għall-użu domestiku, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/826, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 932/2012 (ĠU L, 2023/2533, 22.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2533/oj).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jemenda d-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (UE) 2019/1020 u li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE (ĠU L 191, 28.7.2023, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1799/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)