European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1763

21.6.2024

DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1763

tal-14 ta’ Marzu 2024

dwar it-tiġdid tad-determinazzjoni li r-reġim ta’ solvenza fis-seħħ fl-Istati Uniti applikabbli għal impriża bl-uffiċċju prinċipali tagħhom f’dak il-pajjiż terz huwa proviżorjament ekwivalenti għal dak stabbilit fit-Titolu I, Kapitolu VI tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (1), u partikolarment l-Artikolu 227(6) tagħha,

Billi:

(1)

Fid-Deċiżjoni delegata tal-Kummissjoni (UE) 2015/2290 (2), ġie ddeterminat li r-reġim ta’ solvenza fis-seħħ, fost l-oħrajn, fl-Istati Uniti u applikabbli għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni b’uffiċċji prinċipali f’dak il-pajjiż terz għandu jitqies bħala proviżorjament ekwivalenti għar-reġim stabbilit fit-Titolu I, il-Kapitolu VI tad-Direttiva 2009/138/KE. Dik l-ekwivalenza provviżorja ngħatat mill-1 ta’ Jannar 2016 u għal perjodu ta’ 10 snin. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 227(6) tad-Direttiva 2009/138/KE jipprevedi l-possibbiltà li tiġġedded l-ekwivalenza proviżorja għal perjodi ulterjuri ta’ 10 snin, dment li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 227(5) ta’ dik id-Direttiva jibqgħu jiġu ssodisfati u soġġetti għal att delegat tal-Kummissjoni għal dak l-għan. Barra minn hekk, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (“EIOPA”) għandha tassisti lill-Kummissjoni meta tieħu tali deċiżjoni.

(2)

L-awtoritajiet tal-Istati Uniti u l-awtoritajiet tal-Unjoni għandhom djalogi regolari biex itejbu l-fehim reċiproku tagħhom tar-reġimi regolatorji u superviżorji tal-assigurazzjoni tagħhom. Minn dawk id-djalogi, u minn għajnuna pprovduta mill-EIOPA deher li l-kriterji msemmija fl-Artikolu 227(5) tad-Direttiva 2009/138/KE għadhom jiġu ssodisfati mir-reġim ta’ solvenza fis-seħħ fl-Istati Uniti.

(3)

Fl-Istati Uniti, l-assiguraturi jridu jikkonformaw mal-liġijiet applikabbli għal kull stat li fih jiktbu poloz, u s-superviżjoni tal-assigurazzjoni hija f’idejn superviżuri indipendenti tal-istat taħt il-kummissarji tal-assigurazzjoni tal-istat. Ir-rekwiżiti statali tal-adegwatezza kapitali huma bbażati fuq il-Liġi Mudell tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Kummissarji tal-Assigurazzjoni (NAIC) dwar il-Kapital Ibbażat fuq ir-Riskju (RBC), li ġiet adottata mill-istati kollha. Il-formola RBC standard tkopri l-iktar riskji materjali għal kull tip primarju ta’ assigurazzjoni (il-ħajja, il-proprjetà u d-diżgrazzji, u s-saħħa), li tippermetti l-użu ta’ mudelli interni għal prodotti speċifiċi u moduli tar-riskju. Il-RBC huwa kkalkulat billi jiġu applikati fatturi għal diversi assi, u entrati ta’ primjum, pretensjoni, spiża, u riżerva. Hemm erba’ livelli ta’ rekwiżit ta’ kapital kwantitattivi, b’interventi superviżorji differenti f’kull każ: Livell ta’ Azzjoni ta’ Kumpanija, Livell ta’ Azzjoni Regolatorju, Livell ta’ Kontroll Awtorizzat, u l-Livell ta’ Kontroll Mandatorju. Ir-reġim tal-Istati Uniti għandu Valutazzjoni tas-Solvenza u Riskju Proprju għall-assiguraturi komparabbli ma’ dik stabbilita fid-Direttiva 2009/138/KE. Rigward ir-rappurtar u t-trasparenza, hemm rekwiżiti standardizzati ta’ rappurtar, li jkopru prinċipalment: in-negozju u l-prestazzjoni, il-profil tar-riskju, il-metodi ta’ valutazzjoni u s-suppożizzjonijiet użati, ir-rekwiżiti kapitali, u l-ġestjoni. Ir-rapporti finanzjarji, inkluża l-opinjoni attwarja u l-istqarrija tal-awditur, għandhom ikunu divulgati pubblikament. Il-Kummissarji tal-assigurazzjoni statali jistgħu jaqsmu informazzjoni kunfidenzjali ma’ superviżuri barranin, bil-kundizzjoni li r-riċevitur jaqbel li l-informazzjoni jżommha kunfidenzjali. Dawk il-kummissarji tal-assigurazzjoni tal-Istat jistgħu jidħlu wkoll fi ftehimiet li jirregolaw il-kondiviżjoni u l-użu ta’ informazzjoni kunfidenzjali.

(4)

Ġew iffirmati diversi Memoranda ta’ Qbil dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn is-superviżuri tal-Unjoni u d-dipartimenti tal-assigurazzjoni tal-Istati Uniti. Mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni Delegata (UE) 2015/2290, ħdax-il stat ieħor tal-Istati Uniti saru firmatarji tal-Memorandum ta’ Ftehim Multilaterali tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Superviżuri tal-Assigurazzjoni. Ir-regoli ta’ kunfidenzjalità bbażati fuq il-liġijiet mudell NAIC, huma inkorporati fil-leġiżlazzjoni tal-istat u jirrikjedu li s-superviżuri tal-istat u l-persunal tagħhom iżommu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni riċevuta minn superviżuri barranin.

(5)

Fuq il-bażi tal-għajnuna pprovduta mill-EIOPA u fid-dawl tar-rekwiżiti tas-solvenza applikabbli fl-Istati Uniti, huwa ċar li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 227(5) tad-Direttiva 2009/138/KE jibqgħu jiġu ssodisfati mir-reġim ta’ solvenza fis-seħħ fl-Istati Uniti applikabbli għal impriżi bl-uffiċċju prinċipali tagħhom f’dak il-pajjiż terz. Għalhekk huwa xieraq li tiġġedded id-determinazzjoni, stabbilita fid-Deċiżjoni Delegata (UE) 2015/2290, li r-reġim ta’ solvenza huwa proviżorjament ekwivalenti għal dak stabbilit fit-Titolu I, Kapitolu VI tad-Direttiva 2009/138/KE. Madankollu, il-Kummissjoni tista’ twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe ħin meta l-iżviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja li tiġi vvalutata mill-ġdid l-ekwivalenza ddeterminata minn din id-Deċiżjoni, inklużi l-iżviluppi internazzjonali. Dawn ir-rieżamijiet regolari jew speċifiċi jistgħu jwasslu għall-emenda jew għat-tħassir ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tkompli tissorvelja, bl-assistenza tal-EIOPA, l-evoluzzjoni tar-reġim tas-solvenza fis-seħħ fl-Istati Uniti u l-issodisfar tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ġiet adottata din id-Deċiżjoni.

(6)

Sabiex in-negozji tal-Unjoni jingħataw iċ-ċertezza legali meħtieġa, id-deċiżjonijiet proviżorji jenħtieġ li jiġġeddu sew minn qabel, f’konformità mal-prattika tal-Kummissjoni. Din id-deċiżjoni tkopri lill-Istati Uniti minħabba l-fatt li l-Kummissjoni għandha l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-tiġdid tad-determinazzjoni li r-reġim tas-solvenza fis-seħħ f’dak il-pajjiż terz huwa proviżorjament ekwivalenti għal dak stabbilit fit-Titolu I, il-Kapitolu VI tad-Direttiva 2009/138/KE. Il-Kummissjoni se tibda l-proċess ta’ tiġdid tad-deċiżjonijiet proviżorji dwar l-ekwivalenza għal pajjiżi terzi oħra u tieħu deċiżjoni finali dwar it-tiġdid speċifiku wara li tkun irċeviet il-valutazzjonijiet tal-EIOPA dwar il-pajjiżi terzi kkonċernati.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-reġim ta’ solvenza fis-seħħ fl-Istati Uniti u applikabbli għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni b’uffiċċji prinċipali fl-Istati Uniti għandhom ikomplu jitqiesu bħala proviżorjament ekwivalenti għar-reġim stabbilit fit-Titolu I, il-Kapitolu VI, tad-Direttiva 2009/138/KE.

Artikolu 2

It-tiġdid tal-ekwivalenza provviżorja qed jingħata mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Diċembru 2035.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Marzu 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/138/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2015/2290 tal-5 ta’ Ġunju 2015 dwar l-ekwivalenza proviżorja tar-reġimi tas-solvenza fis-seħħ fl-Awstralja, fil-Brażil, fil-Kanada, fil-Messiku, u fl-Istati Uniti u applikabbli għal impriżi ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni b’uffiċċji prinċipali f’dawk il-pajjiżi (ĠU L 323, 9.12.2015, p. 22, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_del/2015/2290/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_del/2024/1763/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)