European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1747

26.6.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/1747 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Ġunju 2024

li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/942 u (UE) 2019/943 fir-rigward tat-titjib tat-tfassil tas-suq tal-elettriku tal-Unjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 194(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Minn Settembru 2021 ġew osservati prezzijiet u volatilità għoljin ħafna fis-swieq tal-elettriku. Kif stipulat mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“ACER”) fil-valutazzjoni finali tagħha ta’ April 2022 tat-tfassil tas-suq tal-elettriku bl-ingrossa tal-UE, din hija prinċipalment konsegwenza tal-prezz għoli tal-gass, li jintuża bħala input biex jiġi ġġenerat l-elettriku.

(2)

L-eskalazzjoni tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li hija Parti Kontraenti tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija (4), u s-sanzjonijiet internazzjonali relatati minn Frar 2022 ‘l hawn wasslu għal kriżi tal-gass, xekklu s-swieq globali tal-enerġija, aggravaw il-problema tal-prezzijiet għoljin tal-gass, u kellhom impatt sekondarju sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-elettriku. Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kkawżat ukoll inċertezza dwar il-provvista ta’ komoditajiet oħrajn, bħall-faħam iebes u ż-żejt mhux maħdum, użati minn installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. Dik l-inċertezza rriżultat f’żieda addizzjonali sostanzjali fil-volatilità tal-prezzijiet tal-elettriku. Id-disponibbiltà mnaqqsa ta’ diversi reatturi nukleari u l-produzzjoni baxxa tal-enerġija idroelettrika komplew jamplifikaw iż-żieda fil-prezzijiet tal-elettriku.

(3)

Bi tweġiba għal dik is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni, fil-komunikazzjoni tagħha tat-13 ta’ Ottubru 2021 dwar “L-indirizzar taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija: sett ta’ għodod għall-azzjoni u l-appoġġ”, ipproponiet sett ta’ miżuri li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jistgħu jużaw biex jindirizzaw l-impatt immedjat tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq klijenti domestiċi u n-negozji, inkluż appoġġ għall-introjtu, ħelsien mit-taxxa, miżuri ta’ ffrankar u ħżin tal-enerġija u biex tissaħħaħ ir-reżiljenza għal xokkijiet futuri fil-prezzijiet. Fil-komunikazzjoni tagħha tat-8 ta’ Marzu 2022 dwar “REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli”, il-Kummissjoni ppreżentat sensiela ta’ miżuri addizzjonali biex issaħħaħ is-sett ta’ għodod u biex twieġeb għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Fit-23 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni stabbiliet ukoll qafas temporanju ta’ għajnuna mill-Istat biex tippermetti ċerti sussidji biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija.

(4)

Fil-komunikazzjoni tagħha tat-18 ta’ Mejju 2022 il-Kummissjoni ppreżentat “il-pjan REPowerEU” tagħha, li introduċa miżuri addizzjonali li jiffokaw fuq l-iffrankar tal-enerġija, id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija, mira ogħla tal-effiċjenza fl-enerġija u t-tnedija aċċellerata tal-enerġija rinnovabbli bil-għan li tnaqqas id-dipendenza tal-Unjoni fuq il-fjuwils fossili Russi, inkluż proposta biex il-mira tal-Unjoni għall-2030 għall-konsum finali gross tal-enerġija rinnovabbli tiżdied għal 45 %. Barra minn hekk, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Mejju 2022 dwar “Interventi fis-Suq tal-Enerġija fi żmien qasir u Titjib fuq medda itwal ta’ żmien fid-Disinn tas-Suq tal-Elettriku – pjan ta’ azzjoni”, minbarra li stabbiliet miżuri addizzjonali għal żmien qasir biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija, identifikat oqsma potenzjali għat-titjib tat-tfassil tas-suq tal-elettriku u ħabbret l-intenzjoni li tivvaluta dawk l-oqsma bl-għan li jinbidel il-qafas leġiżlattiv.

(5)

Sabiex jiġu indirizzati, b’mod urġenti, l-kriżi tal-prezzijiet tal-enerġija u t-tħassib dwar is-sigurtà u biex jiġu indirizzati ż-żidiet fil-prezzijiet għaċ-ċittadini, l-Unjoni adottat diversi atti legali, inkluż ir-Regolament (UE) 2022/1032 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) li stabbilixxa reġim sod għall-ħżin tal-gass u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 (6), li ppreveda miżuri effettivi għat-tnaqqis fid-domanda għall-gass u l-elettriku, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 (7), li stabbilixxa reġimi li jillimitaw il-prezzijiet biex jiġu evitati profitti mhux mistennija fis-swieq tal-gass u fis-swieq tal-elettriku u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 (8), li stabbilixxa miżuri li jaċċelleraw il-proċeduri għall-għoti ta’ permessi għall-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli.

(6)

Suq tal-enerġija integrat sew, li jibni fuq ir-Regolamenti (UE) 2018/1999 (9), (UE) 2019/942 (10) u (UE) 2019/943 (11) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi (UE) 2018/2001 (12), (EU) 2018/2002 (13) u (UE) 2019/944 (14) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li flimkien komunement jissejħu l-pakkett dwar l-Enerġija nadifa għall-Ewropej kollha adottat fl-2018 u fl-2019 (il-“Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa”), jippermetti lill-Unjoni tgawdi l-benefiċċji ekonomiċi ta’ suq tal-enerġija uniku fiċ-ċirkostanzi kollha, filwaqt li jiżgura s-sigurtà tal-provvista u jsostni l-proċess ta’ dekarbonizzazzjoni biex jintlaħaq l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-Unjoni. L-interkonnettività transfruntiera tiżgura wkoll tħaddim aktar sikur, aktar affidabbli u effiċjenti tas-sistemi tal-elettriku, u reżiljenza aħjar għal xokkijiet fil-prezzijiet għal żmien qasir.

(7)

It-tisħiħ tas-suq intern tal-enerġija u l-ilħuq tal-objettivi tat-tranżizzjoni tal-klima u tal-enerġija jirrikjedu titjib sostanzjali tan-network tal-elettriku tal-Unjoni biex dan ikun jista’ jospita żidiet kbar tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, b’varjabbiltà fl-ammonti tal-ġenerazzjoni li tiddependi fuq it-temp u tibdil fix-xejriet tal-fluss tal-elettriku madwar l-Unjoni, u jkun jista’ jindirizza d-domanda ġdida bħal vetturi elettriċi u pompi tas-sħana. L-investiment fil-grilji, fil-fruntieri u lil hinn minnhom, huwa kruċjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-elettriku, inkluż is-sigurtà tal-provvista. Tali investiment huwa neċessarju biex l-enerġija rinnovabbli u d-domanda jiġu integrati f’kuntest fejn jinsabu aktar maqtugħin minn xulxin milli fil-passat u, fl-aħħar mill-aħħar, biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li kwalunkwe riforma tas-suq tal-elettriku tal-Unjoni tikkontribwixxi għal network tal-elettriku Ewropew aktar integrat, bl-għan li jiġi żgurat li kull Stat Membru jilħaq livell ta’ interkonnettività tal-elettriku konformi mal-mira ta’ interkonnessjoni tal-elettriku għall-2030 ta’ mill-inqas 15 % skont l-Artikolu 4, il-punt (d)(1), tar-Regolament (UE) 2018/1999, li dik il-kapaċità ta’ interkonnessjoni tintuża kemm jista’ jkun għall-kummerċ transfruntier u li n-network tal-elettriku u l-infrastruttura tal-konnettività tal-Unjoni jinbnew jew jiġu aġġornati, bħall-proġetti tal-Unjoni ta’ interess komuni kif stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) mill-qafas dwar in-Networks Trans-Ewropej għall-Enerġija. Jenħtieġ li tiġi pprovduta konnettività adegwata liċ-ċittadini u lill-impriżi kollha tal-Unjoni peress li din tista’ tirriżulta f’opportunitajiet maġġuri biex huma jipparteċipaw fit-tranżizzjoni tal-enerġija u fit-trasformazzjoni diġitali tal-Unjoni. Jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni speċjali lir-reġjuni ultraperiferiċi msemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jirrikonoxxi r-restrizzjonijiet speċifiċi tagħhom u jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi fir-rigward tagħhom.

(8)

It-tfassil attwali tas-suq tal-elettriku ikkontribwixxa, fost oħrajn, għall-ħolqien ta’ prodotti, servizzi u miżuri ġodda u innovattivi fis-swieq tal-elettriku bl-imnut, filwaqt li appoġġa l-effiċjenza fl-enerġija u l-użu tal-enerġija rinnovabbli u tejjeb l-għażla biex il-konsumaturi jiġu megħjuna jnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom inkluż permezz ta’ installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni fuq skala żgħira u servizzi emerġenti għall-provvista ta’ rispons tad-domanda. Il-bini fuq il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija u l-isfruttar tiegħu, bħall-parteċipazzjoni attiva mill-konsumaturi, huwa element ewlieni tas-swieq u s-sistemi futuri tal-elettriku fl-Unjoni. Fl-istess ħin, hemm bżonn li jiġu rrispettati l-għażliet tal-konsumaturi, li l-konsumaturi jitħallew jibbenefikaw minn varjetà ta’ offerti kuntrattwali, u li l-klijenti domestiċi jiġu protetti minn prezzijiet għoljin matul kriżi tal-enerġija. L-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija hija intiża li tkun l-ippjanar u t-tħaddim tas-sistema tal-enerġija kollha kemm hi, fost id-diversi vetturi tal-enerġija, infrastrutturi u setturi tal-konsum, bil-ħolqien ta’ rabtiet aktar b’saħħithom bejniethom, f’sinerġija ma’ xulxin u appoġġati mid-diġitalizzazzjoni bl-objettiv li titwassal enerġija sikura, affordabbli, affidabbli u sostenibbli.

(9)

Fil-kuntest tal-kriżi tal-enerġija, it-tfassil attwali tas-suq tal-elettriku żvela għadd ta’ nuqqasijiet u konsegwenzi mhux mistennija marbutin mal-impatt tal-prezzijiet għoljin u volatili tal-fjuwils fossili fuq is-swieq tal-elettriku għal żmien qasir, li jesponu lill-unitajiet domestiċi u lill-impriżi għal żidiet sinifikanti fil-prezzijiet fuq il-kontijiet tal-elettriku tagħhom.

(10)

L-użu aktar mgħaġġel tal-enerġija rinnovabbli u tat-teknoloġiji flessibbli nodfa jikkostitwixxi l-aktar mod sostenibbli u kosteffettiv biex titnaqqas b’mod strutturali d-domanda għall-fjuwils fossili għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u jippermetti l-konsum dirett tal-elettriku permezz tal-elettrifikazzjoni tad-domanda tal-enerġija u l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija. Minħabba l-kostijiet operazzjonali baxxi tagħhom, is-sorsi rinnovabbli jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq il-prezzijiet tal-elettriku madwar l-Unjoni u jnaqqsu l-konsum tal-fjuwils fossili.

(11)

Jenħtieġ li l-bidliet għat-tfassil tas-suq tal-elettriku jiżguraw li l-benefiċċji mill-użu dejjem akbar tal-enerġija rinnovabbli, u t-tranżizzjoni tal-enerġija kollha kemm hi, jinġiebu lill-konsumaturi, inkluż dawk l-aktar vulnerabbli, u fl-aħħar mill-aħħar, jipproteġuhom minn kriżijiet tal-enerġija u jevitaw sitwazzjoni fejn il-klijenti domestiċi jaqgħu f’nassa ta’ faqar enerġetiku. Jenħtieġ li dawk il-bidliet itaffu l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-fjuwils fossili, b’mod partikolari dawk tal-gass, fuq il-prezzijiet tal-elettriku, bl-għan li jippermettu lill-klijenti domestiċi u lill-impriżi jgawdu l-benefiċċji ta’ enerġija affordabbli u sigura minn sorsi sostenibbli, rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għal perjodu ta’ żmien itwal, kif ukoll ir-rwol ta’ soluzzjonijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija fit-tnaqqis tal-kostijiet ġenerali tal-enerġija, li jistgħu jnaqqsu l-ħtieġa għal espansjoni tal-grilja għat-trażmissjoni tal-elettriku u l-kapaċità tal-ġenerazzjoni.

(12)

Ir-riforma tat-tfassil tas-suq tal-elettriku għandha l-għan li jinkisbu prezzijiet tal-elettriku affordabbli u kompetittivi għall-konsumaturi kollha. Għaldaqstant, jenħtieġ li dik ir-riforma tkun ta’ benefiċċju mhux biss għall-klijenti domestiċi iżda anke għall-kompetittività tal-industriji tal-Unjoni billi tiffaċilita l-investiment fit-teknoloġija nadifa li dawn jirrikjedu biex jissodisfaw il-perkorsi ta’ tranżizzjoni tagħhom għal emissjonijiet żero netti. It-tranżizzjoni tal-enerġija fl-Unjoni trid tiġi appoġġata minn bażi tal-manifattura b’saħħitha ta’ teknoloġija nadifa. Dawk ir-riformi ser jappoġġaw l-elettrifikazzjoni affordabbli tal-industrija u l-pożizzjoni tal-Unjoni bħala mexxejja globali f’termini ta’ riċerka u innovazzjoni f’teknoloġiji tal-enerġija nadifa.

(13)

Swieq effiċjenti u li jiffunzjonaw tajjeb għal żmien qasir huma għodda ewlenija għall-integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u tal-flessibbiltà fis-suq tal-elettriku u jippermettu l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija b’mod kosteffettiv.

(14)

Is-swieq tal-istess ġurnata huma partikolarment importanti għall-integrazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli varjabbli fis-sistema tal-elettriku bl-anqas kost peress li jagħtu l-possibbiltà lill-parteċipanti fis-suq li jinnegozjaw in-nuqqasijiet jew is-surplus tal-elettriku eqreb lejn iż-żmien tal-konsenja. Peress li l-ġeneraturi tal-enerġija rinnovabbli varjabbli jistgħu biss jistmaw b’mod preċiż il-produzzjoni tagħhom qrib iż-żmien tal-konsenja, huwa kruċjali għalihom li jimmassimizzaw l-opportunitajiet ta’ negozjar permezz ta’ aċċess għal suq likwidu kemm jista’ jkun qrib iż-żmien tal-konsenja tal-elettriku. Għalhekk, jenħtieġ li l-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata jitqassar u jiġi stabbilit eqreb il-ħin reali sabiex jiġu massimizzati l-opportunitajiet għall-parteċipanti fis-suq li jinnegozjaw in-nuqqasijiet u s-surplus tal-elettriku u jikkontribwixxu għal integrazzjoni aħjar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli varjabbli fis-sistema tal-elettriku. Meta dik il-bidla toħloq riskji għas-sigurtà tal-provvista u sabiex tkun tista’ ssir tranżizzjoni kosteffiċjenti fil-ħin tal-għeluq iqsar tan-negozju tal-kapaċità transżonali, jenħtieġ li l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni jkollhom il-possibbiltà li jitolbu deroga, abbażi ta’ valutazzjoni tal-impatt u soġġetta għall-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja kkonċernata, sabiex jiksbu estensjoni tal-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni. Jenħtieġ li dik it-talba tinkludi pjan ta’ azzjoni b’passi konkreti lejn l-implimentazzjoni tal-ħin tal-għeluq il-ġdid tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata.

(15)

Għalhekk, huwa importanti li s-swieq tal-istess ġurnata jadattaw għall-parteċipazzjoni ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli varjabbli bħall-enerġija solari u mir-riħ kif ukoll għall-parteċipazzjoni tar-rispons tad-domanda u l-ħżin tal-enerġija. Jenħtieġ li l-likwidità tas-swieq tal-istess ġurnata tittejjeb bil-kondiviżjoni tal-kotba tal-ordnijiet bejn l-operaturi tas-suq f’żona tal-offerti, anke meta l-kapaċitajiet transżonali jiġu stabbiliti għal żero jew wara l-ħin tal-għeluq tan-negozju tas-suq tal-istess ġurnata. Sabiex jiġi żgurat li l-kotba tal-ordnijiet jiġu kondiviżi bejn l-operaturi nominati tas-suq tal-elettriku (NEMOs) fil-perjodi ta’ żmien tal-akkoppjament tas-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, jenħtieġ li n-NEMOs jissottomettu l-ordnijiet kollha għall-prodotti ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata u għall-prodotti li jkollhom l-istess karatteristiċi lill-akkoppjament singolu ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata u jenħtieġ li ma jorganizzawx in-negozjar ta’ prodotti ta’ ġurnata bil-quddiem jew tal-istess ġurnata, jew prodotti li jkollhom l-istess karatteristiċi barra mill-akkoppjament singolu ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata. Sabiex jiġi indirizzat ir-riskju inerenti ta’ diskriminazzjoni fin-negozjar ta’ prodotti ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata ġewwa u barra l-akkoppjament singolu ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, u t-tbattil konsegwenti tal-likwidità fis-swieq tal-elettriku akkoppjati tal-Unjoni, jenħtieġ li dak l-obbligu japplika għan-NEMOs, għall-impriżi li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll fuq NEMO u għall-impriżi li huma direttament jew indirettament ikkontrollati minn NEMO. Sabiex tittejjeb it-trasparenza fis-swieq, jenħtieġ li l-parteċipanti fis-suq jipprovdu, fejn applikabbli, informazzjoni skont l-unitajiet tal-ġenerazzjoni mingħajr preġudizzju għall-preżentazzjoni tal-offerti f’konformità mal-qafas rilevanti f’kull Stat Membru.

(16)

Barra minn hekk, jenħtieġ li s-swieq tal-elettriku għal żmien qasir jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi ta’ flessibbiltà fuq skala żgħira jkunu jistgħu jipparteċipaw billi jnaqqsu d-daqs minimu tal-offerta.

(17)

Sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni effiċjenti tal-elettriku ġġenerat minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli varjabbli u sabiex titnaqqas il-ħtieġa għall-ġenerazzjoni tal-elettriku bbażata fuq il-fjuwils fossili f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi fil-prezzijiet tal-elettriku fil-livell tar-reġjun jew tal-Unjoni kollha, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jitolbu lill-operaturi ta’ sistema li jipproponu l-akkwist ta’ prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda li jippermetti rispons tad-domanda addizzjonali sabiex jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-konsum fis-sistema tal-elettriku. Jenħtieġ li l-proposta għal prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda tiġi vvalutata mill-awtorità regolatorja kkonċernata fir-rigward tal-kisba ta’ tnaqqis fid-domanda għall-elettriku u tnaqqis tal-impatt fuq il-prezz tal-elettriku bl-ingrossa matul il-ħinijiet l-aktar intensivi. Peress li l-prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda għandu l-għan li jnaqqas u jibdel il-konsum tal-elettriku u sabiex tiġi evitata żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, jenħtieġ li l-attivazzjoni tal-prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda ma twassalx għal ġenerazzjoni bbażata fuq il-fjuwils fossili li tinsab wara l-punt tal-kejl. Peress li l-prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda huwa maħsub li jiġi applikat biss f’sitwazzjonijiet limitati ta’ kriżi fil-prezzijiet tal-elettriku fil-livell tar-reġjun jew tal-Unjoni kollha, l-akkwist tiegħu jista’ jseħħ sa ġimgħa qabel jiġu rilaxxati kapaċitajiet addizzjonali ta’ rispons tad-domanda. Jenħtieġ li l-operaturi ta’ sistema jkunu jistgħu jattivaw il-prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda qabel jew waqt il-perjodu taż-żmien tas-suq ta’ ġurnata bil-quddiem. Alternattivament, jenħtieġ li jkun possibbli li l-prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda jiġi attivat awtomatikament abbażi ta’ prezz tal-elettriku definit minn qabel. Sabiex jiġu vverifikati l-volumi tat-tnaqqis tal-konsum tal-elettriku, jenħtieġ li l-operatur ta’ sistema juża linja bażi li tirrifletti l-konsum mistenni tal-elettriku mingħajr ma jiġi attivat il-prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda u, wara li jikkonsulta lill-parteċipanti fis-suq, jenħtieġ li jiżviluppa metodoloġija bażi. Jenħtieġ li dik il-metodoloġija tiġi approvata mill-awtorità regolatorja kkonċernata. Jenħtieġ li l-ACER tivvaluta l-impatt tal-użu ta’ prodotti għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda fuq is-suq tal-elettriku tal-Unjoni, filwaqt li tqis il-ħtieġa li l-prodotti għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda ma jxekklux bla bżonn il-funzjonament tas-swieq tal-elettriku jew ma jikkawżawx ridirezzjoni tar-rispons tad-domanda lejn prodotti għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda, u jenħtieġ li tkun tista’ tagħti rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet regolatorji li għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ACER tivvaluta l-impatt tal-iżvilupp ta’ prodotti għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda fuq is-suq tal-elettriku tal-Unjoni f’ċirkostanzi normali. Abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’, fejn xieraq, tippreżenta proposta leġiżlattiva biex temenda r-Regolament (UE) 2019/943 sabiex tintroduċi prodotti għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda meta ma jkunx hemm sitwazzjonijiet ta’ kriżi fil-prezzijiet tal-elettriku.

(18)

Sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fis-swieq tal-elettriku u jipprovdu flessibbiltà, il-konsumaturi huma mgħammra progressivament b’arloġġi intelliġenti. Madankollu, f’għadd ta’ Stati Membri l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti għadha miexja bil-mod u għalhekk huwa imperattiv li l-Istati Membri jtejbu l-kundizzjonijiet għall-installazzjoni ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti, bl-objettiv li tintlaħaq kopertura sħiħa mill-aktar fis possibbli. Madankollu, jenħtieġ li l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni, l-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni u l-parteċipanti rilevanti fis-suq, inkluż aggregaturi indipendenti, ikunu jistgħu jużaw, bil-kunsens tal-klijent finali, id-data minn strumenti tal-kejl dedikati, f’konformità mal-Artikoli 23 u 24 tad-Direttiva (UE) 2019/944 u liġi rilevanti oħra tal-Unjoni, inkluż il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16). Barra minn hekk, f’dawk il-każijiet biss fejn is-sistemi ta’ kejl intelliġenti jkunu għadhom ma ġewx installati u f’każijiet fejn is-sistemi ta’ kejl intelliġenti ma jipprevedux livell suffiċjenti ta’ granularità tad-data, jenħtieġ li l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u l-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni bil-kunsens tal-klijent finali, jużaw id-data minn strumenti tal-kejl dedikati għall-osservabbiltà u għar-regolamentazzjoni ta’ servizzi ta’ flessibbiltà bħar-rispons tad-domanda u l-ħżin tal-enerġija. Jenħtieġ li l-iffaċilitar tal-użu ta’ data minn strumenti tal-kejl dedikati għall-osservabbiltà u r-regolamentazzjoni jiffaċilita l-parteċipazzjoni attiva tal-klijenti finali fis-suq u l-iżvilupp tar-rispons tad-domanda tagħhom. Jenħtieġ li l-użu ta’ data minn dawk l-istrumenti tal-kejl dedikati jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ kwalità relatati mad-data.

(19)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi bażi legali għall-ipproċessar ta’ data personali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-prinċipji u l-obbligi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 jiġu ssodisfati, inkluż dwar il-minimizzazzjoni tad-data. Fejn l-objettiv ta’ dan ir-Regolament jista’ jintlaħaq mingħajr l-ipproċessar ta’ data personali, jenħtieġ li l-kontrolluri tad-data jibbażaw fuq data anonimizzata u aggregata.

(20)

Il-konsumaturi u l-fornituri għandhom bżonn ta’ swieq forward effettivi u effiċjenti biex ikopru l-iskopertura tal-prezzijiet għal żmien twil tagħhom u jnaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq prezzijiet għal żmien qasir. Sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi tal-enerġija madwar l-Unjoni jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-vantaġġi tas-swieq integrati tal-elettriku u tal-kompetizzjoni madwar l-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-impatt ta’ miżuri possibbli biex jittejjeb il-funzjonament tas-swieq forward tal-elettriku tal-Unjoni bħall-frekwenza tal-allokazzjoni, il-maturità u n-natura tad-drittijiet ta’ trażmissjoni għal żmien twil, modi biex jissaħħaħ is-suq sekondarju u l-introduzzjoni possibbli ta’ ċentri virtwali reġjonali.

(21)

Jenħtieġ li l-parti tal-valutazzjoni relatata mal-introduzzjoni possibbli ta’ ċentri virtwali reġjonali, fost l-oħrajn, tkopri l-implikazzjonijiet rigward il-ftehimiet intergovernattivi preeżistenti relatati mas-sjieda konġunta transfruntiera tal-impjanti tal-enerġija. Jekk introdotti, iċ-ċentri virtwali reġjonali jirriflettu l-prezz aggregat ta’ diversi żoni tal-offerti u jipprovdu prezz ta’ referenza, li jenħtieġ li jintuża mill-operaturi tas-suq biex joffru prodotti ta’ ħħeġġjar forward. Għal dak il-għan, jenħtieġ li ċ-ċentri virtwali reġjonali ma jitqisux bħala entitajiet li jorganizzaw jew jeżegwixxu tranżazzjonijiet. Iċ-ċentri virtwali reġjonali, billi jipprovdu indiċi tal-prezz ta’ referenza, jippermettu l-ġbir flimkien tal-likwidità u jipprovdu opportunitajiet addizzjonali ta’ ħħeġġjar lill-parteċipanti fis-suq. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika ulterjorment, fejn neċessarju, miżuri u għodda dwar it-tfassil tas-swieq forward tal-elettriku tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ ċentri virtwali reġjonali. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17).

(22)

Sabiex jissaħħu l-possibbiltajiet tal-parteċipanti fis-suq għall-iħħeġġjar, jenħtieġ li jiġi estiż ir-rwol tal-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni stabbilita f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1719 (18). Jenħtieġ li l-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni taġixxi bħala entità li toffri allokazzjoni u tiffaċilita n-negozjar ta’ drittijiet ta’ trażmissjoni għal żmien twil f’isem l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni bejn iż-żoni tal-offerti differenti u, fejn rilevanti, iċ-ċentri virtwali reġjonali.

(23)

Jenħtieġ li t-tariffi tan-network jinċentivaw lill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni biex jużaw servizzi ta’ flessibbiltà permezz tal-iżvilupp ulterjuri ta’ soluzzjonijiet innovattivi biex jottimizzaw il-grilja eżistenti u biex jiksbu servizzi ta’ flessibbiltà, partikolarment ir-rispons tad-domanda jew il-ħżin tal-enerġija. Għal dak il-għan, jenħtieġ li t-tariffi tan-network jitfasslu biex iqisu l-infiq operazzjonali u kapitali tal-operaturi ta’ sistema jew taħlita effiċjenti tat-tnejn sabiex ikunu jistgħu joperaw is-sistema tal-elettriku b’mod kosteffiċjenti. Jenħtieġ li r-rekwiżit għar-riflettività tal-kostijiet ma jirrestrinġix l-opportunità li l-kostijiet jiġu ridistribwiti b’mod effiċjenti meta jiġu applikati tariffi tan-network li jvarjaw skont il-post jew il-ħin. Dan ikompli jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli bl-anqas kost għas-sistema tal-elettriku u jippermetti lill-klijenti finali jivvalutaw is-soluzzjonijiet ta’ flessibbiltà tagħhom. L-awtoritajiet regolatorji ser jiżvolġu rwol ċentrali fl-iżgurar li jiġi pprovdut biżżejjed investiment għall-iżvilupp, l-espansjoni u t-tisħiħ tal-grilja meħtieġa. Jenħtieġ li l-awtoritajiet regolatorji jippromwovu l-aċċettazzjoni pubblika u l-użu ta’ investiment antiċipatorju, filwaqt li jħeġġu l-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp tal-grilja biex jiġi ssodisfat l-użu aċċellerat tal-ġenerazzjoni rinnovabbli, inkluż, fejn xieraq, f’żoni deżinjati għat-tħaffif tal-enerġija rinnovabbli u d-domanda elettrifikata intelliġenti.

(24)

Is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, bħall-enerġija eolika lil hinn mill-kosta, l-enerġija mill-oċeani u l-installazzjoni fotovoltajka galleġġanti, ser ikollhom rwol strumentali fil-bini ta’ sistema tal-enerġija bbażata l-aktar fuq sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u fl-iżgurar tan-newtralità klimatika sal-2050. Madankollu, hemm ostakli sostanzjali għall-użu usa’ u effiċjenti tagħhom li jipprevjenu ż-żieda enormi meħtieġa biex jintlaħqu dawk l-objettivi. Jistgħu jinħolqu ostakli simili għal teknoloġiji lil hinn mill-kosta oħrajn fil-futur. Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ investiment għal l-iżviluppaturi ta’ proġetti lil hinn mill-kosta, strumenti bħal ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija (PPAs) jew kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jistgħu jintużaw biex jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ proġetti lil hinn mill-kosta. Għal proġetti ibridi lil hinn mill-kosta konnessi ma’ aktar minn suq wieħed f’żona tal-offerti lil hinn mill-kosta, hemm riskju addizzjonali assoċjat mas-sitwazzjoni topografika unika relatata mal-aċċess għas-suq. Biex jitnaqqas ir-riskju għal tali proġetti, jenħtieġ li operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni jikkumpensaw meta, fir-riżultati vvalidati tal-kalkolu tal-kapaċità, ma jkunux għamlu disponibbli l-kapaċità miftiehma fil-ftehimiet ta’ konnessjoni dwar l-interkonnettur, jew ma jkunux għamlu disponibbli l-kapaċità fuq l-elementi kritiċi tan-network skont ir-regoli tal-kalkolu tal-kapaċità stabbiliti fl-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) 2019/943, jew it-tnejn li huma. Jenħtieġ li l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni ma jħallsu l-ebda kumpens jekk, fir-riżultati vvalidati tal-kalkolu tal-kapaċità, ikunu għamlu disponibbli l-kapaċità tal-interkonnettur fir-rekwiżiti tal-ftehim ta’ konnessjoni jew ‘il fuq minnhom kif ukoll il-kapaċità fuq l-elementi kritiċi tan-network f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) 2019/943. Fil-ftehim ta’ konnessjoni rispettiv mal-operatur tal-impjant tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli lil hinn mill-kosta, jenħtieġ li l-operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni jagħmlu ħilithom biex jagħtu l-kapaċità totali miftiehma bħala waħda soda, mhux flessibbli, u f’konformità mal-qafas għall-ftehimiet ta’ konnessjoni stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/944. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu infurmati biżżejjed minn qabel dwar il-ftehim ta’ konnessjoni. Jenħtieġ li l-kumpens ikun pagabbli jew jekk il-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni disponibbli jitnaqqsu sal-punt li l-ammont sħiħ ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku li l-impjant tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli lil hinn mill-kosta kieku kien ikun jista’ jesporta ma jkunx jista’ jiġi kkonsenjat lis-swieq tal-madwar jew fejn minkejja li seta’ jesporta, ikun hemm tnaqqis korrispondenti fil-prezz fiż-żona tal-offerti lil hinn mill-kosta minħabba tnaqqis fil-kapaċità, meta mqabbel ma’ mingħajr tnaqqis fil-kapaċità, jew it-tnejn li huma. Jenħtieġ li l-kumpens jitħallas mill-introjtu mill-konġestjoni. Jenħtieġ li tapplika fejn, operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni wieħed jew aktar ma għamlux biżżejjed kapaċità disponibbli biex jesportaw il-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-elettriku fuq l-interkonnettur rispettiv tagħhom sal-kapaċità miftiehma fil-ftehim ta’ konnessjoni, u jenħtieġ li tiġi pprovduta minn dawk l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni. Fl-interess tal-ġustizzja reġjonali, jekk il-kapaċità insuffiċjenti tkun dovuta għal operaturi oħra ta’ sistema ta’ trażmissjoni li ma jkunux għamlu disponibbli l-kapaċità fuq l-elementi kritiċi tan-network tagħhom, skont ir-regoli tal-kalkolu tal-kapaċità stabbiliti fl-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) 2019/943, jenħtieġ li l-kostijiet tal-kumpens jinqasmu b’mod proporzjonat bejn dawk l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni f’konformità mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. Barra minn hekk, kwalunkwe kumpens mhux kopert minn din il-kondiviżjoni proporzjonata jista’ jinqasam bejn il-partijiet rilevanti fl-Istati Membri involuti fil-proġett ibridu lil hinn mill-kosta bħala parti mill-arranġamenti ta’ kondiviżjoni tal-kostijiet tagħhom. Jenħtieġ li dak il-kumpens ma jirriżultax f’kumpens żejjed u huwa maħsub biex jibbilanċja d-dħul imnaqqas tal-operaturi tal-impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli lil hinn mill-kosta minħabba aċċess imnaqqas għal swieq interkonnessi. Jenħtieġ li dan ikun relatat biss mal-kapaċità ta’ produzzjoni disponibbli għas-suq, li tista’ tkun dipendenti mit-temp u li teskludi l-operazzjonijiet ta’ indisponibbiltà u ta’ manutenzjoni tal-proġett lil hinn mill-kosta. Jenħtieġ li l-kumpens fil-każ ta’ nuqqas ta’ aċċess għan-network ta’ trażmissjoni ma jiġix interpretat bħala li jikkostitwixxi dispaċċ ta’ prijorità u jenħtieġ li jkun allinjat mal-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u l-massimizzazzjoni tal-kapaċitajiet transfruntiera għall-kummerċ skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) 2019/943. Barra minn hekk, jenħtieġ li ma jkunx hemm kumpens doppju għall-istess riskju kopert minn dik id-dispożizzjoni, pereżempju jekk ir-riskju jkun diġà kopert taħt kuntratt għad-differenza jew taħt skema ta’ appoġġ rilevanti oħra. Id-dettalji ta’ dak il-mekkaniżmu ta’ kumpens u l-metodoloġija għall-implimentazzjoni li għandha tiġi żviluppata inkluż il-kundizzjonijiet li taħthom il-miżura tista’ tiskadi, bħall-eżistenza ta’ domanda suffiċjenti fiż-żona tal-offerti lil hinn mill-kosta, pereżempju elettrolizzatur kbir, jew aċċess dirett għal għadd suffiċjenti ta’ swieq biex ir-riskju jisparixxi, huma maħsuba biex jiġu elaborati aktar f’att ta’ implimentazzjoni inkluż, fejn rilevanti, permezz ta’ emendi għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 (19).

(25)

Fis-suq bl-ingrossa ta’ ġurnata bil-quddiem, l-impjanti tal-enerġija b’kostijiet marġinali aktar baxxi jintbagħtu l-ewwel, iżda l-prezz riċevut mill-parteċipanti kollha fis-suq huwa stabbilit mill-aħħar impjant tal-enerġija meħtieġ biex ikopri d-domanda, li huwa l-impjant tal-enerġija bl-ogħla kostijiet marġinali, meta s-swieq jiġu kklerjati. F’dak il-kuntest, il-kriżi tal-enerġija wriet li żieda fil-prezz tal-gass u tal-faħam iebes tista’ twassal għal żidiet eċċezzjonali u dejjiema tal-prezzijiet li bihom il-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni mħaddma bil-gass u bil-faħam joffru fis-suq bl-ingrossa ta’ ġurnata bil-quddiem. Dan min-naħa tiegħu wassal għal prezzijiet eċċezzjonalment għoljin fis-suq ta’ ġurnata bil-quddiem madwar l-Unjoni, peress li l-faċilitajiet ta’ ġenerazzjoni mħaddma bil-gass u bil-faħam spiss ikunu l-impjanti bl-ogħla kostijiet marġinali meħtieġa biex tiġi ssodisfata d-domanda għall-elettriku.

(26)

Minħabba r-rwol tal-prezz fis-suq ta’ ġurnata bil-quddiem bħala referenza għall-prezz fi swieq oħrajn tal-elettriku bl-ingrossa, u l-fatt li l-parteċipanti kollha fis-suq jirċievu l-prezz tal-ikklerjar, it-teknoloġiji b’kostijiet marġinali ferm aktar baxxi rreġistraw konsistentement dħul għoli.

(27)

Sabiex jintlaħqu l-miri ta’ dekarbonizzazzjoni tal-Unjoni u l-objettivi stipulati fil-pjan REPowerEU biex issir aktar indipendenti mill-enerġija, l-Unjoni jeħtieġ li taċċellera l-użu tal-enerġija rinnovabbli b’pass ħafna aktar mgħaġġel. Fid-dawl tal-ħtiġijiet ta’ investiment meħtieġa biex jintlaħqu dawk l-għanijiet, jenħtieġ li s-suq jiżgura li jiġi stabbilit sinjal tal-prezz għal żmien twil.

(28)

F’dak il-qafas, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex joħolqu l-kundizzjonijiet tas-suq it-tajba għal strumenti bbażati fuq is-suq għal żmien twil, bħall-PPAs. Il-PPAs huma ftehimiet bilaterali ta’ xiri bejn il-produtturi u x-xerrejja tal-elettriku li huma konklużi fuq bażi volontarja u huma bbażati fuq il-kundizzjonijiet tal-prezz tas-suq mingħajr interventi regolatorji fl-iffissar tal-prezzijiet. Il-PPAs jipprovdu stabbiltà tal-prezzijiet għal żmien twil għall-klijent u ċ-ċertezza meħtieġa sabiex il-produttur jieħu d-deċiżjoni ta’ investiment. Madankollu, ftit Stati Membri biss għandhom swieq attivi tal-PPAs u x-xerrejja huma tipikament limitati għal kumpaniji kbar, inkluż minħabba li l-PPAs jiffaċċjaw sett ta’ ostakli, partikolarment d-diffikultà li jiġi kopert ir-riskju ta’ inadempjenza tal-pagament mix-xerrej f’dawk il-ftehimiet għal żmien twil. Jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-ħtieġa li jinħoloq suq dinamiku tal-PPA meta jistabbilixxu l-politiki biex jintlaħqu l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni tal-enerġija stabbiliti fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima. Meta jfasslu miżuri li jaffettwaw direttament il-PPAs, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrispettaw l-aspettattivi leġittimi possibbli u jqisu l-effetti ta’ dawk il-miżuri fuq il-PPAs eżistenti u futuri.

(29)

F’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/2001, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw l-ostakli regolatorji u amministrattivi għall-PPAs tal-enerġija rinnovabbli għal żmien twil, u għandhom ineħħu ostakli mhux ġustifikati u proċeduri jew imposti spoporzjonati jew diskriminatorji għal ftehimiet bħal dawn u jippromwovu l-adozzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-Istati Membri jridu jiddeskrivu politiki u miżuri li jiffaċilitaw l-użu tal-PPAs tal-enerġija rinnovabbli fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima. Mingħajr preġudizzju għal dak l-obbligu li jsir rapport dwar il-kuntest regolatorju li jaffettwa s-suq tal-PPAs, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-istrumenti biex jitnaqqsu r-riskji finanzjarji assoċjati max-xerrej inadempjenti fuq l-obbligi ta’ pagament għal żmien twil tiegħu fil-qafas tal-PPAs ikunu aċċessibbli għall-konsumaturi li jiffaċċjaw ostakli għad-dħul fis-suq tal-PPAs u li ma jkunux f’diffikultà finanzjarja. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu skema ta’ garanzija bil-prezzijiet tas-suq fejn il-garanziji privati ma jkunux aċċessibbli jew ma jkunux aċċessibbli biżżejjed. Meta Stat Membru jistabbilixxi tali skema ta’ garanzija, jenħtieġ li jinkludi dispożizzjonijiet biex jevitaw it-tnaqqis tal-likwidità fis-swieq tal-elettriku, bħal bl-użu ta’ PPAs finanzjarji. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jiffaċilitaw l-aggregazzjoni tad-domanda għall-PPAs minn klijenti li individwalment jiffaċċjaw ostakli għad-dħul fis-suq tal-PPAs, iżda jenħtieġ li, kollettivament, ikunu jistgħu jipprovdu offerta attraenti għall-PPAs lill-produtturi. Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jipprovdux appoġġ lill-PPAs għax-xiri ta’ elettriku ġġenerat mill-fjuwils fossili. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jillimitaw ruħhom biex jappoġġaw biss l-iskemi ta’ garanzija li jappoġġaw il-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli ġdida, f’konformità mal-politiki ta’ dekarbonizzazzjoni tagħhom, b’mod partikolari fejn is-suq għall-PPAs rinnovabbli ma jkunx żviluppat biżżejjed. Filwaqt li l-approċċ prestabbilit jenħtieġ li jkun in-nondiskriminazzjoni bejn il-konsumaturi, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jimmiraw dawk l-istrumenti għal kategoriji speċifiċi ta’ konsumaturi, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji. F’dak il-qafas, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw koordinazzjoni xierqa, inkluż mal-faċilitajiet ipprovduti fil-livell tal-Unjoni, pereżempju mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).

(30)

L-Istati Membri għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom diversi strumenti biex jappoġġaw l-iżvilupp tas-swieq tal-PPAs meta jfasslu u jallokaw l-appoġġ pubbliku. Il-permess lill-iżviluppaturi ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli sabiex jipparteċipaw f’sejħa għall-offerti ta’ appoġġ pubbliku biex iżommu sehem mill-ġenerazzjoni għall-bejgħ permezz ta’ PPA jikkontribwixxi għall-iżvilupp u t-tkabbir tas-swieq tal-PPAs. Barra minn hekk, bħala parti minn dik l-evalwazzjoni tas-sejħiet għall-offerti, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex japplikaw kriterji biex jinċentivaw l-aċċess għas-suq tal-PPAs għal atturi li jiffaċċjaw ostakli għad-dħul, bħal intrapriżi żgħar u intrapriżi ta’ daqs medju, filwaqt li jagħtu preferenza lill-offerenti li jippreżentaw PPA iffirmat jew impenn li jiffirmaw PPA għal parti mill-ġenerazzjoni tal-proġett minn xerrej potenzjali wieħed jew aktar li jiffaċċjaw diffikultajiet biex jaċċessaw is-suq tal-PPAs.

(31)

Sabiex tikkontribwixxi għat-trasparenza u l-iżvilupp tas-swieq tal-PPA fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-ACER tippubblika valutazzjoni annwali dwar dawk is-swieq, tivvaluta l-ħtieġa li tiżviluppa u toħroġ mudelli volontarji għall-PPAs u tiżviluppahom jekk il-valutazzjoni tikkonkludi li hemm tali ħtieġa.

(32)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-PPAs transfruntiera u jneħħu l-ostakli mhux ġustifikati li huma speċifikament relatati magħhom, li jippermetti lill-konsumaturi fl-Istati Membri b’kapaċità limitata jaċċessaw l-enerġija ġġenerata f’reġjuni oħra mingħajr diskriminazzjoni.

(33)

Fejn, abbażi tal-valutazzjoni rilevanti, l-Kummissjoni tikkonkludi li l-Istati Membri jeħtieġu appoġġ fit-tneħħija tal-ostakli fis-swieq tal-PPA, jenħtieġ li tkun tista’ tfassal gwida speċifika. Jenħtieġ li l-fokus ewlieni ta’ tali gwida jkun it-tneħħija tal-ostakli li jipprevjenu l-espansjoni tas-swieq tal-PPA, inkluż il-PPAs transfruntiera. Ostakli bħal dawn jistgħu jieħdu ħafna forom, minn ostakli regolatorji, b’mod partikolari proċeduri jew imposti sproporzjonati jew diskriminatorji, sar-rwol tal-garanziji tal-oriġini jew it-trattament tal-PPAs fl-aċċess ta’ dawk li potenzjalment iwettqu reat għal soluzzjonijiet ta’ finanzjament.

(34)

Ir-Regolament (UE) 2018/1999 jipprevedi l-użu tal-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni bħala għodda li tiffaċilita l-kisba tal-mira vinkolanti tal-Unjoni għall-enerġija rinnovabbli fl-2030. Skont id-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata bid-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), l-Istati Membri għandhom kollettivament jagħmlu ħilithom biex iżidu s-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija tal-Unjoni fl-2030 għal 45 % flimkien mal-mira vinkolanti tal-Unjoni ta’ 42,5 %. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk il-miżuri fil-livell tal-Unjoni jistgħux jikkontribwixxu għall-kisba tas-sehem addizzjonali ta’ 2,5 % ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija tal-Unjoni, filwaqt li tikkomplementa l-miżuri nazzjonali. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza l-possibbiltà li tuża l-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni biex torganizza rkantijiet tal-enerġija rinnovabbli fil-livell tal-Unjoni f’konformità mal-qafas regolatorju rilevanti.

(35)

Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jappoġġaw investiment iffinanzjat pubblikament permezz ta’ skemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet f’faċilitajiet ġodda għall-ġenerazzjoni tal-enerġija minn fjuwils mhux fossili b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dekarbonizzazzjoni tal-Unjoni, jenħtieġ li dawk l-iskemi jkunu strutturati bħala kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti sabiex jinkludu, minbarra garanzija tad-dħul, limitazzjoni ‘l fuq tad-dħul tas-suq tal-assi ta’ ġenerazzjoni kkonċernati. Filwaqt li jenħtieġ li l-obbligu skont dan ir-Regolament japplika biss għall-appoġġ għal investimenti f’faċilitajiet ġodda tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu li jagħtu skemi ta’ appoġġ fil-forma ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti anke għal investiment ġdid immirat lejn ir-repowering sostanzjali tal-faċilitajiet eżistenti tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, jew lejn iż-żieda sostanzjali tal-kapaċità jew l-estensjoni tal-ħajja ta’ tali faċilitajiet.

(36)

Sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà, jenħtieġ li l-obbligu li l-iskemi diretti ta’ appoġġ jiġu strutturati permezz ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti japplika biss għal kuntratti taħt skemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet għal investiment f’faċilitajiet ġodda tal-ġenerazzjoni tal-enerġija konklużi fi jew wara s-17 ta’ Lulju 2027. Dak il-perjodu tranżitorju jenħtieġ li jkun ħames snin għal assi ibridi lil hinn mill-kosta konnessi ma’ żewġ żoni tal-offerti jew aktar minħabba l-kumplessità ta’ tali proġetti.

(37)

Jenħtieġ li l-parteċipazzjoni ta’ parteċipanti fis-suq fi skemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet fil-forma ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti jkunu volontarji.

(38)

L-obbligu li jintużaw kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

(39)

Filwaqt li d-Direttiva (UE) 2024/1711 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21) temenda l-Artikolu 4(3), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva (UE) 2018/2001, id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva, li jistipulaw il-prinċipji tat-tfassil għall-iskemi ta’ appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli, jibqgħu applikabbli.

(40)

Kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti jiżguraw li d-dħul tal-produtturi li jirriżulta minn investiment ġdid fil-ġenerazzjoni tal-elettriku li jibbenefikaw mill-appoġġ pubbliku jsir aktar indipendenti mill-prezzijiet volatili tal-ġenerazzjoni bbażata fuq il-fjuwils fossili li tipikament tistabbilixxi l-prezz fis-suq ta’ jum bil-quddiem.

(41)

Jenħtieġ li l-prinċipji tat-tfassil kif stabbilit f’dan ir-Regolament japplikaw għall-iskemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet fil-forma ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti. Fil-valutazzjoni ta’ tali kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivverifika l-konformità ta’ dawk il-kuntratti jew skemi mal-liġi tal-Unjoni li hija intrinsikament marbuta mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, bħall-prinċipji tat-tfassil għal kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti kif stabbiliti f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li t-tfassil ta’ dawk il-kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti jżommu l-inċentivi biex il-faċilità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija topera u tipparteċipa b’mod effiċjenti fis-swieq tal-elettriku, b’mod partikolari biex ikunu riflessi ċ-ċirkostanzi tas-suq. Fil-valutazzjoni tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li t-tfassil ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti ma jwassalx għal distorsjonijiet mhux ġustifikati tal-kompetizzjoni u għall-kummerċ fis-suq intern. Jenħtieġ li, b’mod partikolari, l-Kummissjoni tiżgura li d-distribuzzjoni tad-dħul lill-impriżi ma tfixkilx il-kundizzjonijiet ekwivalenti fis-suq intern, notevolment fejn ma jkun jista’ jiġi applikat l-ebda proċess ta’ rkanti kompetittivi. Il-kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti jistgħu jvarjaw fid-durata tagħhom u, fost affarijiet oħra, jistgħu jinkludu kuntratti bbażati fuq injezzjoni għad-differenza bi prezz tal-eżerċitar wieħed jew aktar, prezz minimu, jew kuntratti ta’ kapaċità jew ta’ kejl għad-differenza. L-obbligu li jintużaw kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti ma japplikax għal skemi ta’ appoġġ li mhumiex marbuta direttament mal-ġenerazzjoni tal-elettriku, bħall-ħżin tal-enerġija, u li ma jużawx appoġġ dirett tal-prezzijiet, bħal għajnuna għall-investiment fil-forma ta’ għotjiet bil-quddiem, miżuri tat-taxxa jew ċertifikati ekoloġiċi. Sabiex jiġu jinċentivati l-kontropartijiet biex jissodisfaw l-obbligi kuntrattwali tagħhom, jenħtieġ li l-kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti jinkludu klawżoli ta’ penali applikabbli fil-każ ta’ terminazzjoni bikrija unilaterali bla bżonn tal-kuntratt.

(42)

Madankollu, sal-punt li l-limitazzjoni biex jiġu stipulati skemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet fil-forma ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti tnaqqas it-tipi ta’ skemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet li l-Istati Membri jistgħu jadottaw fir-rigward ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli, jenħtieġ li din tkun limitata għal teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u bi fjuwils mhux fossili, b’kostijiet operazzjonali baxxi u stabbli u għal teknoloġiji li tipikament ma jipprovdux flessibbiltà għas-sistema tal-elettriku, filwaqt li jiġi esklużi teknoloġiji li jinsabu fi stadji bikrija tal-użu tagħhom fis-suq. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li l-vijabbiltà ekonomika tat-teknoloġiji ta’ ġenerazzjoni b’kostijiet marġinali għoljin ma tiġix ipperikolata u biex jinżammu l-inċentivi tat-teknoloġiji li jistgħu joffru flessibbiltà lis-sistema tal-elettriku biex jagħmlu offerti fis-suq tal-elettriku abbażi tal-kostijiet tal-opportunità tagħhom. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-limitazzjoni biex jiġu stipulati skemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet fil-forma ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti ma tapplikax għal teknoloġiji emerġenti li għalihom tipi oħrajn ta’ skemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet jistgħu jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jinċentivaw l-adozzjoni tagħhom. Il-limitazzjoni jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-eżenzjoni possibbli għal installazzjonijiet rinnovabbli fuq skala żgħira u għal proġetti ta’ dimostrazzjoni skont id-Direttiva (UE) 2018/2001 u tqis l-ispeċifiċitajiet tal-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli f’konformità ma’ dik id-Direttiva.Fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi pprovduta ċertezza regolatorja għall-produtturi, l-obbligu għall-Istati Membri li japplikaw skemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet għall-produzzjoni tal-elettriku fil-forma ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti jenħtieġ li japplika biss għal investiment f’faċilitajiet ġodda tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mis-sorsi speċifikati f’din il-premessa.

(43)

Minħabba l-limitazzjoni ‘l fuq tad-dħul tas-suq, l-iskemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet fil-forma ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti jenħtieġ li jipprovdu sors addizzjonali ta’ dħul għall-Istati Membri f’perjodi ta’ prezzijiet għoljin tal-enerġija. Sabiex jittaffa ulterjorment l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-elettriku fuq il-kontijiet tal-enerġija tal-konsumaturi, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li kwalunkwe dħul miġbur mill-produtturi soġġetti għal skemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet fil-forma ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza, jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti, jew l-ekwivalenti tal-valur finanzjarju ta’ dak id-dħul, jiġi mgħoddi lill-klijenti finali, inkluż il-klijenti ta’ unitajiet domestiċi, l-intrapriżi żgħar u l-intrapriżi ta’ daqs medju u l-impriżi intensivi fl-enerġija. Meta jqassmu d-dħul lill-unitajiet domestiċi, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiffavorixxu b’mod partikolari lill-klijenti vulnerabbli u klijenti affettwati mill-faqar enerġetiku. Fid-dawl tal-benefiċċji usa’ għall-klijenti tal-elettriku li jirriżultaw minn investimenti fl-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-enerġija, u l-użu tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, jenħtieġ li jkun possibbli wkoll għall-Istati Membri li jużaw id-dħul minn kuntratt bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti, jew l-ekwivalenti fil-valur finanzjarju ta’ dak id-dħul, biex jiffinanzjaw investiment biex jitnaqqsu l-kostijiet tal-elettriku għall-klijenti finali u, inkluż fir-rigward ta’ attivitajiet ekonomiċi speċifiċi bħal investiment fl-iżvilupp ta’ grilja ta’ distribuzzjoni, sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u infrastruttura tal-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li l-Istati Membri jużaw it-tali dħul, jew l-ekwivalenti f’valur finanzjarju ta’ dak id-dħul, biex jiffinanzjaw il-kostijiet tal-iskemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet. Ir-ridistribuzzjoni tad-dħul jenħtieġ li ssir b’mod li jiżgura li l-klijenti jkunu għadhom sa ċertu punt esposti għas-sinjal tal-prezz, sabiex inaqqsu l-konsum tagħhom meta l-prezzijiet ikunu għoljin, jew iċaqilquh għal perjodi ta’ prezzijiet aktar baxxi, li huma tipikament perjodi b’sehem ogħla tal-produzzjoni ta’ elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkunsidraw il-konsum f’sigħat kwieti sabiex jippreservaw l-inċentivi għall-flessibbiltà. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-kundizzjonijiet ekwivalenti u l-kompetizzjoni bejn il-fornituri differenti ma jiġux affettwati mir-ridistribuzzjoni tad-dħul lill-konsumaturi finali tal-elettriku. Jenħtieġ li dawk il-prinċipji ma jkunux obbligatorji għad-dħul iġġenerat minn kuntratti taħt skemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet konklużi qabel id-data tal-applikazzjoni tal-obbligu li jintużaw kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti. Huwa possibbli li l-Istati Membri jiddistribwixxu d-dħul minn kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti mingħajr ma dik id-distribuzzjoni tkun tikkostitwixxi regolazzjoni tal-prezz għall-konsumatur skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

(44)

Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-iskemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti, irrispettivament mill-forma tagħhom, ma jfixklux il-funzjonament effiċjenti, kompetittiv u likwidu tas-swieq tal-elettriku, jippreservaw l-inċentivi tal-produtturi biex jirreaġixxu għas-sinjali tas-suq, inkluż li jieqfu jiġġeneraw meta l-prezzijiet tal-elettriku jkunu taħt il-kostijiet operazzjonali tagħhom, u tal-klijenti finali biex inaqqsu l-konsum meta l-prezzijiet tal-elettriku jkunu għoljin. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-iskemi ta’ appoġġ ma jikkostitwux ostaklu għall-iżvilupp ta’ kuntratti kummerċjali bħall-PPAs.

(45)

Għalhekk, il-kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti u l-PPAs għandhom rwoli komplementari fl-avvanz tat-tranżizzjoni tal-enerġija u fl-għoti tal-benefiċċji tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju lill-konsumaturi. Soġġett għar-rekwiżiti li ġew introdotti b’dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu liberi li jiddeċiedu liema strumenti jużaw biex jilħqu l-objettivi ta’ dekarbonizzazzjoni tagħhom. Permezz tal-PPAs, l-investituri privati jikkontribwixxu għal użu addizzjonali tal-enerġija rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju filwaqt li jżommu l-prezzijiet tal-elettriku baxxi u stabbli fuq terminu twil. Bl-istess mod, permezz ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti, l-istess objettiv jintlaħaq mill-entitajiet pubbliċi f’isem il-konsumaturi. Iż-żewġ strumenti huma meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tad-dekarbonizzazzjoni tal-Unjoni permezz tal-użu tal-enerġija rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li jiġu promossi l-benefiċċji tal-ġenerazzjoni tal-elettriku bi prezz baxx għall-konsumaturi.

(46)

L-użu aċċellerat ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli jeħtieġ disponibbiltà dejjem akbar ta’ soluzzjonijiet ta’ flessibbiltà biex tiġi żgurata l-integrazzjoni tagħhom fil-grilja u biex is-sistema tal-elettriku u l-grilja jkunu jistgħu jaġġustaw għall-varjabbiltà tal-ġenerazzjoni u tal-konsum tal-elettriku fuq perjodi ta’ żmien differenti. Sabiex titrawwem il-flessibbiltà mhux fossili, l-awtorità regolatorja jew awtorità jew entità oħra maħtura minn Stat Membru jenħtieġ li tivvaluta perjodikament il-ħtieġa għall-flessibbiltà fil-livell nazzjonali fis-sistema tal-elettriku abbażi tal-input tal-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u tal-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni u metodoloġija Ewropea komuni li hija soġġetta għal konsultazzjoni pubblika u approvazzjoni mill-ACER. Il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà tas-sistema tal-elettriku jenħtieġ li tqis l-investiment eżistenti u ppjanati kollha, inkluż l-assi eżistenti li għadhom ma humiex konnessi mal-grilja, fir-rigward ta’ sorsi ta’ flessibbiltà bħall-ġenerazzjoni flessibbli tal-elettriku, l-interkonnetturi, ir-rispons tad-domanda, il-ħżin tal-enerġija jew il-produzzjoni ta’ fjuwils rinnovabbli, minħabba l-ħtieġa li s-sistema tal-enerġija tiġi dekarbonizzata. Jenħtieġ li l-ACER tivvaluta perjodikament ir-rapporti nazzjonali u tfassal rapport fil-livell tal-Unjoni li jipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza transfruntiera. Abbażi tar-rapport tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà nazzjonali, l-Istati Membri jenħtieġ li jiddefinixxu objettiv nazzjonali indikattiv għall-flessibbiltà mhux fossili, inkluż il-kontributi speċifiċi rispettivi kemm tar-rispons min-naħa tad-domanda kif ukoll tal-ħżin tal-enerġija għal dak l-objettiv, li jenħtieġ li jiġi rifless ukoll fil-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom għall-enerġija u l-klima f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1999. Fid-dawl ta’ dawk il-pjanijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tfassal strateġija tal-Unjoni dwar il-flessibbiltà b’enfasi partikolari fuq ir-rispons tad-domanda u l-ħżin tal-enerġija, li hija konsistenti mal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-2050. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tagħmel proposta leġiżlattiva biex takkumpanja dik l-istrateġija tal-Unjoni.

(47)

Sabiex jintlaħaq l-objettiv nazzjonali indikattiv għall-flessibbiltà mhux fossili, inkluż il-kontributi speċifiċi rispettivi kemm tar-rispons min-naħa tad-domanda kif ukoll tal-ħżin tal-enerġija, u fejn il-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà mhumiex qed jiġu indirizzati bit-tneħħija tal-ostakli tas-suq u l-investimenti eżistenti, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw skemi ta’ appoġġ għall-flessibbiltà mhux fossili li jikkonsistu minn pagamenti għall-kapaċità disponibbli ta’ flessibbiltà mhux fossili. Barra minn hekk, l-Istati Membri li diġà japplikaw mekkaniżmu ta’ kapaċità jenħtieġ li jikkunsidraw li jippromwovu l-parteċipazzjoni ta’ flessibbiltà mhux fossili bħar-rispons tad-domanda u l-ħżin tal-enerġija billi jfasslu mill-ġdid kriterji jew karatteristiċi mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2019/943. L-Istati Membri li diġà japplikaw mekkaniżmu ta’ kapaċità jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw ukoll skemi ta’ appoġġ għall-flessibbiltà mhux fossili jekk dawk l-iskemi jkunu meħtieġa biex jintlaħaq l-objettiv nazzjonali indikattiv għall-flessibbiltà mhux fossili, b’mod partikolari filwaqt li jadattaw il-mekkaniżmi ta’ kapaċità tagħhom biex jippromwovu aktar il-parteċipazzjoni tal-flessibbiltà mhux fossili bħar-rispons tad-domanda u l-ħżin tal-enerġija. Dawk l-iskemi jenħtieġ li jkopru investiment ġdid fil-flessibbiltà mhux fossili, inkluż investiment f’assi eżistenti, inkluż dawk immirati lejn l-iżvilupp ulterjuri tal-flessibbiltà fir-rispons tad-domanda.

(48)

Sabiex jiġu appoġġati l-objettivi tal-protezzjoni ambjentali, il-limitu tal-emissjoni tas-CO2, stabbilit fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) 2019/943, jenħtieġ li jitqies bħala limitu massimu. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu standards tekniċi ta’ prestazzjoni u limiti tal-emissjoni tas-CO2 li jirrestrinġu l-parteċipazzjoni f’mekkaniżmi ta’ kapaċità għal teknoloġiji flessibbli u ħielsa mill-fossili f’konformità sħiħa mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Frar 2022 dwar il-“Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, il-protezzjoni ambjentali u l-enerġija” li jħeġġu lill-Istati Membri jintroduċu kriterji ekoloġiċi fil-mekkaniżmi ta’ kapaċità.

(49)

Peress li mekkaniżmi ta’ kapaċità mhux koordinati jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq is-suq intern tal-elettriku, il-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa introduċa qafas komprensiv biex tiġi vvalutata aħjar il-ħtieġa ta’ mekkaniżmi ta’ kapaċità u jittejjeb it-tfassil tagħhom. Minkejja l-ħtieġa li jiġu limitati d-distorsjonijiet għall-kompetizzjoni u s-suq intern, flimkien ma’ qafas regolatorju xieraq, il-mekkaniżmi ta’ kapaċità jistgħu jaqdu rwol importanti biex tiġi żgurata l-adegwatezza tar-riżorsi, b’mod partikolari matul it-tranżizzjoni lejn sistema mingħajr karbonju u għas-sistemi tal-enerġija li mhumiex interkonnessi b’mod suffiċjenti. Għalhekk, filwaqt li jenħtieġ li l-mekkaniżmi ta’ kapaċità ma jibqgħux jitqiesu li huma miżuri tal-aħħar istanza, jenħtieġ li l-ħtieġa u t-tfassil tagħhom jiġu vvalutati perjodikament fid-dawl tal-qafas regolatorju u ċ-ċirkostanzi tas-suq li qed jevolvu. Madankollu, irriżulta li l-proċedura għall-adozzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ kapaċità kienet kumplessa. Biex jiġu indirizzati l-possibbiltajiet potenzjali tar-razzjonalizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-proċess għall-applikazzjoni għal mekkaniżmu ta’ kapaċità, u biex jiġi żgurat li tħassib dwar l-adegwatezza jkun jista’ jiġi indirizzat mill-Istati Membri fil-ħin opportun filwaqt li jiġu pprovduti l-kontrolli meħtieġa biex ma ssirx ħsara lis-suq intern, jenħtieġ li l-Kummissjoni sas-17 ta’ Jannar 2025 tippreżenta rapport dettaljat li jivvaluta dawn il-possibbiltajiet. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-Kummissjoni titlob lill-ACER temenda l-metodoloġija għall-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi f’konformità mal-proċess applikabbli, kif xieraq. Wara li tikkonsulta mal-Istati Membri, il-Kummissjoni jenħtieġ tippreżenta proposti bil-ħsieb, kif xieraq, tas-simplifikazzjoni tal-proċess għall-valutazzjoni tal-mekkaniżmi tal-kapaċità sas-17 ta’ April 2025.

(50)

Il-konnessjoni mal-grilja ta’ installazzjonijiet ġodda ta’ ġenerazzjoni u domanda, partikolarment impjanti tal-enerġija rinnovabbli, spiss tiffaċċa dewmien fil-proċeduri tal-konnessjoni mal-grilja. Waħda mir-raġunijiet għal dan id-dewmien hija n-nuqqas ta’ kapaċità tal-grilja disponibbli fil-post magħżul mill-investitur, li jimplika l-ħtieġa għal estensjonijiet jew tisħiħ tal-grilja biex l-installazzjonijiet jiġu konnessi mas-sistema b’mod sikur. Rekwiżit ġdid għall-operaturi ta-sistema tal-elettriku, kemm fil-livell ta’ trażmissjoni kif ukoll f’dak ta’ distribuzzjoni, li jippubblikaw u jaġġornaw l-informazzjoni dwar il-kapaċità disponibbli għall-konnessjonijiet ġodda fiż-żoni tal-operat tagħhom jagħti lill-investituri aċċess aktar faċli għall-informazzjoni dwar id-disponibbiltà tal-kapaċità tal-grilja fis-sistema u b’hekk jaċċellera t-teħid tad-deċiżjonijiet li, min-naħa tiegħu, jaċċellera l-użu meħtieġ tal-enerġija rinnovabbli. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tiġi aġġornata fuq bażi regolari, mill-inqas kull xahar, mill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni. L-operaturi ta’ sistema ta’ tranżmissjoni jenħtieġ li jippubblikaw ukoll il-kriterji użati biex jiddeterminaw il-kapaċitajiet tal-grilja disponibbli, bħall-kapaċitajiet eżistenti tad-domanda u tal-ġenerazzjoni, is-suppożizzjonijiet magħmula għall-valutazzjoni tal-integrazzjoni ulterjuri possibbli tal-utenti addizzjonali tas-sistema, l-informazzjoni rilevanti dwar it-tnaqqis possibbli tal-enerġija, u l-aspettattiva tal-iżviluppi rilevanti futuri tan-network.

(51)

Barra minn hekk, sabiex tiġi indirizzata l-problema ta’ ħinijiet twal għal tweġiba dwar talbiet għall-konnessjoni mal-grilja, l-operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni ċara u trasparenti lill-utenti tas-sistema dwar l-istatus u t-trattament tat-talbiet ta’ konnessjoni tagħhom. L-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni jenħtieġ li jipprovdu din l-informazzjoni fi żmien tliet xhur mid-data tal-preżentazzjoni tat-talba u jenħtieġ li jaġġornawha fuq bażi regolari, mill-inqas kull tliet xhur.

(52)

Peress li l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja għadhom mhumiex sinkronizzati mas-sistema tal-elettriku tal-Unjoni, huma jiffaċċjaw sfidi speċifiċi ħafna meta jorganizzaw swieq tal-ibbilanċjar u l-akkwist ta’ servizzi anċillari bbażat fuq is-suq. Filwaqt li l-progress lejn is-sinkronizzazzjoni għadha għaddejja, wieħed mill-prerekwiżiti kritiċi għall-istabbiltà tat-tħaddim sinkroniku tas-sistema huwa d-disponibbiltà ta’ riżervi suffiċjenti tal-kapaċità tal-ibbilanċjar għar-regolamentazzjoni tal-frekwenza. Madankollu, peress li jiddependu fuq iż-żona sinkronika Russa għall-ġestjoni tal-frekwenza, l-Istati Baltiċi kienu għadhom mhumiex f’pożizzjoni li jiżviluppaw suq tal-ibbilanċjar tagħhom stess li jiffunzjona. Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna żiedet b’mod sostanzjali r-riskju għas-sigurtà tal-provvista li jirriżulta min-nuqqas ta’ swieq tal-ibbilanċjar proprji. Għalhekk, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(9), (10) u (11) tar-Regolament (UE) 2019/943 u tal-Artikolu 41(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2195 (22), li huma mfassla biex japplikaw għas-swieq tal-ibbilanċjar eżistenti, għadhom ma jirriflettux is-sitwazzjoni fl-Estonja, fil-Latvja u fil-Litwanja, b’mod partikolari peress li l-iżvilupp ta’ suq tal-ibbilanċjar jeħtieġ iż-żmien u investiment ġdid fil-kapaċità tal-ibbilanċjar. Għalhekk, jenħtieġ li l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja, b’deroga minn dawk ir-rekwiżiti, ikunu intitolati jikkonkludu kuntratti finanzjarji aktar fit-tul biex jakkwistaw kapaċità tal-ibbilanċjar għal perjodu tranżitorju.

(53)

Jenħtieġ li l-perjodi tranżitorji għall-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja jitneħħew gradwalment mill-aktar fis possibbli wara s-sinkronizzazzjoni, u jenħtieġ li jintużaw biex jiġu żviluppati l-istrumenti xierqa tas-suq li joffru riżervi tal-ibbilanċjar għal żmien qasir u servizzi anċillari indispensabbli oħra, u jenħtieġ li jkunu limitati għaż-żmien meħtieġ għal dak il-proċess.

(54)

Hemm il-ħsieb li l-Istati Baltiċi jkunu sinkronizzati maż-Żona Sinkronika Tal-Ewropa Kontinentali permezz ta’ linja b’ċirkwit doppju li tgħaqqad il-Polonja u l-Litwanja. Mas-sinkronizzazzjoni, il-kapaċità ta’ dik il-linja, fil-biċċa l-kbira tagħha, ser ikollha tkun riservata għal marġini ta’ affidabbiltà f’każ ta’ qtugħ mhux mistenni fis-Sistema Baltika u devjazzjonijiet mhux intenzjonati li jirriżultaw minn dan. Jenħtieġ li l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni jkomplu joffru kapaċità massima għall-kummerċ transfruntier, f’konformità mal-limiti tas-sigurtà operazzjonali u filwaqt li jikkunsidraw kontinġenzi possibbli fis-sistemi Pollakki u Litwani, inkluż dawk li jirriżultaw minn qtugħ ta’ linji ta’ kurrent dirett b’vultaġġ għoli jew skonnessjoni tal-Istati Baltiċi miż-Żona Sinkronika Tal-Ewropa Kontinentali. Is-sitwazzjoni speċifika ta’ dik l-interkonnessjoni jenħtieġ li titqies għall-kalkolu tal-kapaċità totali u tal-kontinġenzi skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) 2019/943.

(55)

Il-mekkaniżmi ta’ kapaċità jenħtieġ li jkunu miftuħa għall-parteċipazzjoni tar-riżorsi kollha li huma kapaċi jipprovdu l-prestazzjoni teknika meħtieġa, li jistgħu jinkludu impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-gass, dment li jissodisfaw il-limitu tal-emissjonijiet stabbilit fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) 2019/943 kif ukoll kwalunkwe livell limitu nazzjonali tal-emissjonijiet jew kriterji ambjentali oġġettivi oħra li l-Istati Membri jistgħu jkunu jixtiequ japplikaw biex iħaffu t-tranżizzjoni lil hinn mill-fjuwils fossili.

(56)

Biex jiġu appoġġati l-objettivi tal-protezzjoni ambjentali, l-Artikolu 22(4) tar-Regolament (UE) 2019/943 jistabbilixxi rekwiżiti dwar il-limiti tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-mekkaniżmi ta’ kapaċità. Madankollu, matul it-tranżizzjoni tagħhom lejn sistema mingħajr karbonju u wara l-kriżi tal-enerġija, l-Istati Membri li japplikaw mekkaniżmi ta’ kapaċità li ġew approvati qabel l-4 ta’ Lulju 2019, jenħtieġ li jkunu jistgħu, fuq bażi eċċezzjonali, u bħala mekkaniżmu tal-aħħar istanza li jidderogaw minn dak il-limitu tal-emissjonijiet tas-CO2 għal perjodu ta’ żmien limitat. Madankollu, jenħtieġ li tali deroga tkun limitata għall-kapaċità ta’ ġenerazzjoni eżistenti li l-produzzjoni kummerċjali tagħha tkun bdiet qabel l-4 ta’ Lulju 2019, jiġifieri qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2019/943. It-talba għal deroga jenħtieġ li tkun akkumpanjata minn rapport mill-Istat Membru kkonċernat, li jivvaluta l-impatt tad-deroga fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u fuq it-tranżizzjoni tal-enerġija. Tali rapport jenħtieġ li jkun fih ukoll pjan bi stadji importanti għat-tranżizzjoni lil hinn mill-parteċipazzjoni tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni li ma tissodisfax il-limiti tal-emissjonijiet tas-CO2 fil-mekkaniżmi ta’ kapaċità. Mal-għoti ta’ deroga, l-Istati Membri jenħtieġ jitħallew jorganizzaw proċessi ta’ akkwist li xorta jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2019/943, ħlief għal dawk li jirrigwardaw il-limiti tal-emissjonijiet tas-CO2. Il-kapaċità ta’ ġenerazzjoni li ma tissodisfax il-limiti tal-emissjonijiet tas-CO2 jenħtieġ li ma tiġix akkwistata għal perjodu itwal minn sena waħda u għal perjodu ta’ konsenja li ma jaqbiżx id-durata tad-deroga. Il-proċess ta’ akkwist addizzjonali miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni li ma tissodisfax il-limiti tal-emissjonijiet tas-CO2 jenħtieġ li jkun preċedut minn proċess ta’ akkwist li jkollu l-għan li jimmassimizza l-parteċipazzjoni tal-kapaċità li tissodisfa l-limiti tal-emissjonijiet tas-CO2, inkluż billi l-prezzijiet tal-kapaċità jitħallew jogħlew biżżejjed biex jinċentivaw l-investiment f’tali kapaċità.

(57)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrieżamina dan ir-Regolament sabiex tiżgura r-reżiljenza tat-tfassil tas-suq tal-elettriku fi żminijiet ta’ kriżi u l-kapaċità tiegħu li jappoġġa l-objettivi ta’ dekarbonizzazzjoni tal-Unjoni, ikompli jsaħħaħ l-integrazzjoni tas-suq u jippromwovi l-investiment infrastrutturali meħtieġ kif ukoll l-iżvilupp ta’ suq tal-PPA. Abbażi ta’ rieżami bħal din, il-Kummissjoni jenħtieġ tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi, fejn xieraq. F’dak ir-rapport, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta, b’mod partikolari, l-effettività tal-istruttura attwali u l-funzjonament tas-swieq tal-elettriku fuq terminu qasir, kif ukoll l-ineffiċjenzi potenzjali tagħhom u r-rimedji u l-għodod possibbli li għandhom jiġu applikati f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi jew ta’ emerġenza u l-adegwatezza tal-qafas legali u finanzjarju tal-Unjoni dwar il-grilji ta’ distribuzzjoni. Dak ir-rapport jenħtieġ li jkopri wkoll il-kapaċità li jintlaħqu l-objettivi tas-suq tal-enerġija rinnovabbli u intern tal-Unjoni u l-potenzjal u l-vijabbiltà tal-istabbiliment ta’ pjattaforma tas-suq tal-Unjoni waħda jew aktar għall-PPA.

(58)

Sa fejn kwalunkwe waħda mill-miżuri previsti f’dan ir-Regolament tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, id-dispożizzjonijiet dwar dawn il-miżuri huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE. Il-Kummissjoni hija kompetenti biex tivvaluta l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern.

(59)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) 2016/1011 (23) u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24) u tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25).

(60)

Ir-Regolamenti (UE) 2019/942 u (UE) 2019/943 għalhekk jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

(61)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jtejjeb it-tfassil tas-suq integrat tal-elettriku, b’mod partikolari biex jiġu evitati prezzijiet għoljin mhux ġustifikati tal-elettriku, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2019/942

Ir-Regolament (UE) 2019/942 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(aa)

toħroġ opinjonijiet u tagħti rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni stabbilita f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1719 (*1);

(*1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1719 tas-26 ta’ Settembru 2016 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità (ĠU L 259, 27.9.2016, p. 42).”;"

(b)

il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

toħroġ deċiżjonijiet individwali dwar l-għoti ta’ informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 3(2), l-Artikolu 7(2), il-punt (b), u l-Artikolu 8, il-punt (c); dwar l-approvazzjoni tal-metodoloġiji, it-termini u l-kundizzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 4(4), l-Artikolu 5(2), (3) u (4); dwar ir-rieżamijiet taż-żoni tal-offerti kif imsemmi fl-Artikolu 5(7); dwar kwistjonijiet tekniċi kif imsemmi fl-Artikolu 6(1); dwar l-arbitraġġ bejn ir-regolaturi f’konformità mal-Artikolu 6(10); relatati maċ-ċentri ta’ koordinazzjoni reġjonali kif imsemmi fl-Artikolu 7(2), il-punt (a); dwar l-approvazzjoni u l-emendar ta’ metodoloġiji u kalkoli u speċifikazzjonijiet tekniċi kif imsemmi fl-Artikolu 9(1); dwar l-approvazzjoni u l-emendar ta’ metodoloġiji kif imsemmi fl-Artikolu 9(3); dwar l-eżenzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 10; dwar l-infrastruttura kif imsemmi fl-Artikolu 11, il-punt (d); dwar kwistjonijiet relatati mal-integrità u t-trasparenza tas-suq bl-ingrossa skont l-Artikolu 12; u dwar l-approvazzjoni u l-emendar tal-proposta konġunta mill-ENTSO għall-Elettriku u mill-entità tal-UE għad-DSO rigward it-tip ta’ data u l-format u l-metodoloġija relatata mal-analiżi li għandha tiġi pprovduta fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà skont l-Artikolu 5(9).”

;

(2)

fl-Artikolu 3(2), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll għall-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1719.”

;

(3)

fl-Artikolu 4, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“9.   Il-paragrafi 6, 7 u 8 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw ukoll għall-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1719.”

;

(4)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 8, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ACER għandha timmonitorja l-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1719.”

;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“9.   L-ACER għandha tapprova u, fejn meħtieġ, temenda l-proposta konġunta mill-ENTSO għall-Elettriku u mill-entità tal-UE għad-DSO rigward it-tip ta’ data u l-format u l-metodoloġija relatata mal-analiżi li għandhom jiġu pprovduti fir-rigward tal-flessibbiltà meħtieġa skont l-Artikolu 19e(6) tar-Regolament (UE) 2019/943.”

;

(5)

fl-Artikolu 6, il-paragrafu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“9.   L-ACER għandha tippreżenta opinjonijiet lill-awtorità regolatorja kkonċernata u lill-Kummissjoni skont l-Artikoli 8(1b) u l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) 2019/943.”

;

(6)

l-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 4, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ACER għandha toħroġ rapport dwar l-impatt tal-użu ta’ prodotti għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda fuq is-suq tal-elettriku tal-Unjoni matul kriżi wara valutazzjoni skont l-Artikolu 7a(7) tar-Regolament (UE) 2019/943 u rapport dwar l-impatt tal-iżvilupp ta’ prodotti għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda fuq is-suq tal-elettriku tal-Unjoni f’ċirkostanzi normali tas-suq wara valutazzjoni skont l-Artikolu 7a(8) ta’ dak ir-Regolament.”

;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   L-ACER għandha toħroġ rapport skont l-Artikolu 19e(7) tar-Regolament (UE) 2019/943 li janalizza r-rapporti nazzjonali tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà stmati u li jipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza transfruntiera rigward is-sejbiet tal-awtorità regolatorja jew awtorità jew entità oħra maħtura mill-Istati Membri.”.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) 2019/943

Ir-Regolament (UE) 2019/943 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

jistabbilixxi l-bażi għall-kisba effiċjenti tal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija u l-objettiv li tinkiseb in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050, b’mod partikolari l-qafas għall-klima u l-enerġija għall-2030, billi jinkisbu, permezz tas-sinjali tas-suq, żieda fl-effiċjenza, sehem akbar ta’ enerġija rinnovabbli, sigurtà tal-provvista, flessibbiltà, integrazzjoni tas-sistema permezz ta’ diversi vetturi tal-enerġija, sostenibbiltà, dekarbonizzazzjoni u innovazzjoni;

(b)

jistabbilixxi prinċipji fundamentali għal swieq tal-elettriku integrati u li jiffunzjonaw tajjeb, li jippermettu lill-fornituri kollha tar-riżorsi u lill-klijenti tal-elettriku aċċess mhux diskriminatorju għas-suq, jippermettu l-iżvilupp ta’ swieq tal-elettriku forward biex jippermettu lill-fornituri u lill-konsumaturi jiħħeġġjaw jew jipproteġu lilhom infushom kontra r-riskju ta’ volatilità futura fil-prezzijiet tal-elettriku, jagħtu s-setgħa u jipproteġu lill-konsumaturi, jiżguraw il-kompetittività fis-suq globali, itejbu s-sigurtà tal-provvista u l-flessibbiltà permezz tar-rispons tad-domanda, il-ħżin tal-enerġija u soluzzjonijiet oħrajn ta’ flessibbiltà mhux fossili, jiżguraw l-effiċjenza fl-enerġija, jiffaċilitaw l-aggregazzjoni tad-domanda u tal-provvista distribwiti, u jippermettu l-integrazzjoni settorjali u tas-suq u r-remunerazzjoni abbażi tas-suq għal elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli tal-enerġija;”

;

(b)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(e)

jappoġġa investiment fuq terminu twil fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, fil-flessibbiltà u fil-grilji biex jippermetti lill-konsumaturi jagħmlu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom affordabbli u anqas dipendenti mill-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet tas-suq tal-elettriku fuq terminu qasir, partikolarment l-prezzijiet tal-fjuwils fossili fuq terminu medju sa twil;

(f)

jistabbilixxi qafas għall-adozzjoni ta’ miżuri biex jindirizzaw il-kriżijiet tal-prezzijiet tal-elettriku.”

;

(2)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (22) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(22)

‘mekkaniżmu ta’ kapaċità’ tfisser miżura li tiżgura l-kisba tal-livell meħtieġ ta’ adegwatezza tar-riżorsi billi jiġu remunerati riżorsi għad-disponibbiltà tagħhom, bl-esklużjoni ta’ miżuri relatati ma’ servizzi anċillari jew mal-ġestjoni tal-konġestjoni;”

;

(b)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(72)

‘siegħa l-aktar intensiva’ tfisser siegħa fejn, abbażi tat-tbassir tal-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u, fejn applikabbli, tan-NEMOs, il-konsum gross tal-elettriku jew il-konsum gross tal-elettriku ġġenerat minn sorsi għajr minn sorsi rinnovabbli jew il-prezz bl-ingrossa tal-elettriku ta’ ġurnata bil-quddiem huwa mistenni li jkun l-ogħla, filwaqt li jitqiesu l-iskambji transżonali;

(73)

‘trażżin tal-quċċata tad-domanda’ tfisser il-kapaċità tal-parteċipanti fis-suq li jnaqqsu l-konsum tal-elettriku mill-grilja fis-sigħat l-aktar intensivi fuq talba tal-operatur ta’ sistema;

(74)

‘prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda’ tfisser prodott ibbażat fuq is-suq li permezz tiegħu l-parteċipanti fis-suq jistgħu jipprovdu trażżin tal-quċċata tad-domanda lill-operaturi ta’ sistemi;

(75)

‘ċentru virtwali reġjonali’ tfisser reġjun mhux fiżiku li jkopri aktar minn żona tal-offerti waħda li għaliha jiġi stabbilit prezz ta’ referenza fl-applikazzjoni ta’ metodoloġija;

(76)

‘kuntratt bidirezzjonali għad-differenza’ tfisser kuntratt bejn operatur ta’ faċilità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u kontroparti, normalment entità pubblika, li jipprovdi kemm protezzjoni minima tar-remunerazzjoni kif ukoll limitu għar-remunerazzjoni eċċessiva;

(77)

‘ftehim dwar ix-xiri tal-enerġija’ jew ‘PPA’ tfisser kuntratt li taħtu persuna fiżika jew ġuridika taqbel li tixtri l-elettriku mingħand produttur tal-elettriku fuq bażi tas-suq;

(78)

‘strument tal-kejl dedikat’ tfisser apparat marbut ma’ jew inkorporat f’assi li jipprovdi servizzi ta’ rispons tad-domanda jew ta’ flessibbiltà għad-domanda fis-suq tal-elettriku jew lill-operaturi ta’ sistema;

(79)

‘flessibbiltà’ tfisser l-abbiltà ta’ sistema tal-elettriku li taġġusta għall-varjabbiltà tax-xejriet tal-ġenerazzjoni u tal-konsum u għad-disponibbiltà tal-grilja, matul il-perjodi ta’ żmien rilevanti tas-suq.”

;

(3)

l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u n-NEMOs għandhom jorganizzaw b’mod konġunt il-ġestjoni tas-swieq integrati ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata skont r-Regolament (UE) 2015/1222. L-operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni u n-NEMOs għandhom jikkooperaw fil-livell tal-Unjoni jew, fejn ikun aktar xieraq, f’livell reġjonali sabiex jimmassimizzaw l-effiċjenza u l-effettività tan-negozjar ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata tal-elettriku tal-Unjoni. L-obbligu ta’ kooperazzjoni għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni. Fil-funzjonijiet tagħhom relatati man-negozjar tal-elettriku, l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u n-NEMOs għandhom ikunu soġġetti għal sorveljanza regolatorja mill-awtoritajiet regolatorji skont l-Artikolu 59 tad-Direttiva (UE) 2019/944 u mill-ACER skont l-Artikoli 4 u 8 tar-Regolament (UE) 2019/942 u għandhom jiġu soġġetti għal obbligi ta’ trasparenza u s-sorveljanza effettiva kontra l-manipulazzjoni tas-suq kif stabbilit fid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011.

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘(c)

jimmassimizzaw l-opportunitajiet għall-parteċipanti kollha fis-suq biex jipparteċipaw f’kummerċ transżonali u intrażonali b’mod nondiskriminatorju u qrib kemm jista’ jkun il-ħin reali fiż-żoni tal-offerti kollha;

(ca)

jiġu organizzati b’tali mod li tiġi żgurata l-kondiviżjoni tal-likwidità bejn in-NEMOs kollha, fil-ħinijiet kollha, kemm għall-kummerċ transżonali kif ukoll għall-kummerċ intrażonali. Għas-suq ta’ ġurnata bil-quddiem, minn siegħa qabel il-ħin tal-għeluq tan-negozju sal-aħħar punt fiż-żmien meta jkun permess il-kummerċ ta’ ġurnata bil-quddiem, in-NEMOs għandhom jissottomettu l-ordnijiet kollha għal prodotti ta’ ġurnata bil-quddiem u prodotti bl-istess karatteristiċi lill-akkoppjament singolu ta’ ġurnata bil-quddiem fuq naħa waħda u ma għandhomx jorganizzaw negozjar bi prodotti ta’ ġurnata bil-quddiem jew prodotti bl-istess karatteristiċi barra mill-akkoppjament singolu ta’ ġurnata bil-quddiem fuq in-naħa l-oħra. Għas-suq tal-istess ġurnata, mill-ħin tal-ftuħ tan-negozju tal-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata sal-aħħar punt fiż-żmien meta n-negozjar tal-istess ġurnata jkun permess f’żona tal-offerti partikolari, in-NEMOs jissottomettu l-ordnijiet kollha għall-prodotti tal-istess ġurnata u prodotti bl-istess karatteristiċi lill-akkoppjament singolu tal-istess ġurnata fuq naħa u ma għandhomx jorganizzaw negozjar ma’ prodotti tal-istess ġurnata jew prodotti bl-istess karatteristiċi barra mill-akkoppjament tal-istess ġurnata fuq in-naħa l-oħra. Dawk l-obbligi għandhom japplikaw għan-NEMOs, għall-impriżi li direttament jew indirettament jeżerċitaw kontroll fuq xi NEMO, u għal impriżi li direttament jew indirettament huma kkontrollati minn NEMO;”

;

(ii)

il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

ikunu trasparenti u, fejn applikabbli, jipprovdu informazzjoni li tkun ġejja mill-unitajiet ta’ ġenerazzjoni filwaqt li fl-istess ħin jipproteġu l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva u jiżguraw li l-kummerċ isir b’mod anonimu;”

;

(4)

jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

Artikolu 7a

Prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda

1.   Fejn tiġi ddikjarata kriżi fil-prezzijiet tal-elettriku fil-livell reġjonali jew fl-Unjoni kollha f’konformità mal-Artikolu 66a tad-Direttiva (UE) 2019/944, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu operaturi ta’ sistemi biex jipproponu l-akkwist ta’ prodotti għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda sabiex jinkiseb tnaqqis fid-domanda għall-elettriku matul is-sigħat l-aktar intensivi. Tali akkwist għandu jkun limitat għat-tul ta’ żmien stipulat fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni adottata skont l-Artikolu 66a(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944.

2.   Meta ssir talba skont il-paragrafu 1, l-operaturi ta’ sistema għandhom, wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, jippreżentaw proposta li tistabbilixxi d-dimensjonar u l-kundizzjonijiet għall-akkwist u l-attivazzjoni tal-prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda lill-awtorità regolatorja tal-Istat Membru kkonċernat għall-approvazzjoni tagħha.

3.   L-awtorità regolatorja kkonċernata għandha tivvaluta l-proposta għal prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda msemmi fil-paragrafu 2 fir-rigward tal-kisba ta’ tnaqqis fid-domanda għall-elettriku u l-impatt fuq il-prezz tal-elettriku bl-ingrossa matul is-sigħat l-aktar intensivi. Dik il-valutazzjoni għandha tqis il-ħtieġa li l-prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda ma jfixklux indebitament il-funzjonament tas-swieq tal-elettriku u ma jikkawżawx ir-riorjentament tas-servizzi tar-rispons tad-domanda lejn il-prodotti għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda. Abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, l-awtorità regolatorja tista’ titlob lill-operatur ta’ sistema biex jemenda l-proposta tiegħu.

4.   Il-proposta għal prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda msemmi fil-paragrafu 2 għandha tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

id-dimensjonar tal-prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda għandu:

(i)

ikun ibbażat fuq analiżi tal-ħtieġa ta’ servizz addizzjonali biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista, mingħajr ma’ jipperikola l-istabbiltà tal-grilja, tal-impatt tiegħu fuq is-suq u tal-kostijiet u l-benefiċċji mistennija tiegħu;

(ii)

iqis il-previżjoni tad-domanda, il-previżjoni tal-elettriku ġġenerat minn enerġija rinnovabbli, il-previżjoni ta’ sorsi oħrajn ta’ flessibbiltà fis-sistema, bħall-ħżin tal-enerġija, u l-impatt tal-prezz bl-ingrossa tad-dispaċċ evitat; u

(iii)

ikun limitat sabiex jiġi żgurat li l-kostijiet previsti ma jaqbżux il-benefiċċji mistennija tal-prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda;

(b)

l-akkwist ta’ prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, ibbażati fuq is-suq u nondiskriminatorji għandu jkun limitat għar-rispons tad-domanda u ma għandux jeskludi assi parteċipanti milli jaċċessaw swieq oħra;

(c)

l-akkwist tal-prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda għandu jsir permezz ta’ rkanti kompetittivi, li jistgħu jkunu kontinwi, b’għażla bbażata fuq l-anqas kost biex jiġu ssodisfati l-kriterji tekniċi u ambjentali predefiniti u għandhom jippermettu l-parteċipazzjoni effettiva tal-konsumaturi, direttament jew permezz ta’ aggregazzjoni;

(d)

id-daqs minimu tal-offerta m’għandux ikun ogħla minn 100 kW, inkluż permezz tal-aggregazzjoni;

(e)

il-kuntratti għal prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda ma għandhomx jiġu konklużi aktar minn ġimgħa qabel l-attivazzjoni tiegħu;

(f)

l-attivazzjoni tal-prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda ma għandhiex tnaqqas il-kapaċità transżonali;

(g)

l-attivazzjoni tal-prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda għandha ssir qabel jew dakinhar tas-suq ta’ ġurnata bil-quddiem u tista’ ssir abbażi ta’ prezz tal-elettriku predefinit;

(h)

l-attivazzjoni tal-prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda ma għandhiex timplika l-bidu ta’ ġenerazzjoni bbażata fuq il-fjuwils fossili li tinsab wara l-punt tal-kejl, sabiex tiġi evitata żieda fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

5.   It-tnaqqis reali tal-konsum li jirriżulta mill-attivazzjoni ta’ prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda għandu jitkejjel skont linja bażi, li tirrifletti l-konsum mistenni tal-elettriku mingħajr l-attivazzjoni tal-prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda. Meta operatur ta’ sistema jakkwista prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda, dak l-operatur għandu jiżviluppa metodoloġija ta’ referenza wara konsultazzjoni mal-parteċipanti fis-suq, għandu, fejn rilevanti, iqis l-atti ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 59(1), il-punt (e), u għandu jippreżentah lill-awtorità regolatorja kkonċernata tiegħu għall-approvazzjoni tagħha.

6.   L-awtorità regolatorja kkonċernata għandha tapprova l-proposta tal-operaturi ta’ sistemi li jkunu qed ifittxu li jakkwistaw prodott għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda u l-metodoloġija bażi ppreżentata f’konformità mal-paragrafi 2 u 5 jew għandhom jitolbu lill-operaturi ta’ sistemi biex jemendaw il-proposta jew il-metodoloġija bażi meta dik il-proposta jew dik il-metodoloġija ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 2, 4 u 5.

7.   Sa sitt xhur wara t-tmiem ta’ kriżi fil-prezzijiet tal-elettriku fil-livell reġjonali jew fl-Unjoni kollha kif imsemmija fil-paragrafu 1, l-ACER għandha, wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, tivvaluta l-impatt tal-użu ta’ prodotti għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda fuq is-suq tal-elettriku tal-Unjoni. Dik il-valutazzjoni għandha tqis il-ħtieġa li l-prodotti għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda ma jfixklux indebitament il-funzjonament tas-swieq tal-elettriku u ma jikkawżawx ir-riorjentament tas-servizzi tar-rispons tad-domanda lejn il-prodotti għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda. L-ACER tista’ toħroġ rakkomandazzjonijiet li l-awtoritajiet regolatorji għandhom iqisu fil-valutazzjoni tagħhom skont il-paragrafu 3.

8.   Sat-30 ta’ Ġunju 2025, l-ACER għandha, wara li tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati, tivvaluta l-impatt tal-iżvilupp ta’ prodotti għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda fuq is-suq tal-elettriku tal-Unjoni f’ċirkostanzi normali tas-suq. Dik il-valutazzjoni għandha tqis il-ħtieġa li l-prodotti għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda ma jfixklux indebitament il-funzjonament tas-swieq tal-elettriku u ma jikkawżawx ir-riorjentament tas-servizzi tar-rispons tad-domanda lejn il-prodotti għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda. Abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta leġiżlattiva biex temenda dan ir-Regolament sabiex tintroduċi prodotti għat-trażżin tal-quċċata tad-domanda barra mis-sitwazzjonijiet ta’ kriżi fil-prezzijiet tal-elettriku reġjonali jew fl-Unjoni kollha.

Artikolu 7b

Strument tal-kejl dedikat

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 19 tad-Direttiva (UE) 2019/944, l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni, l-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni u l-parteċipanti rilevanti fis-suq, inkluż aggregaturi indipendenti, jistgħu jużaw, bil-kunsens tal-klijent finali, data minn strumenti tal-kejl dedikati għall-osservabbiltà u s-saldu tar-rispons tad-domanda u servizzi ta’ flessibbiltà, inkluż mill-faċilitajiet tal-ħżin tal-enerġija.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-użu ta’ data minn strumenti tal-kejl dedikati għandu jikkonforma mal-Artikoli 23 u 24 tad-Direttiva (UE) 2019/944 u liġijiet rilevanti oħra tal-Unjoni, inkluż il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2). Meta tali data tintuża għal skopijiet ta’ riċerka, l-informazzjoni għandha tiġi aggregata u anonimizzata.

2.   Meta klijent finali ma jkollux arloġġ intelliġenti installat jew meta l-arloġġ intelliġenti ta’ klijent finali ma jagħtix id-data meħtieġa biex jiġu pprovduti servizzi ta’ rispons tad-domanda jew ta’ flessibbiltà, inkluż permezz ta’ aggregatur indipendenti, l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u l-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni għandhom jaċċettaw id-data minn strument tal-kejl dedikat, fejn disponibbli, għar-regolazzjoni tas-servizzi ta’ rispons tad-domanda u ta’ flessibbiltà, inkluż il-ħżin tal-enerġija, u ma għandhomx jiddiskriminaw kontra dak il-klijent finali fl-akkwist tagħhom ta’ servizzi ta’ flessibbiltà. Dak l-obbligu għandu japplika soġġett għall-konformità mar-regoli u r-rekwiżiti stabbilit mill-Istati Membri skont il-paragrafu 3.

3.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli u r-rekwiżiti għal proċess dedikat ta’ validazzjoni tad-data tal-istrument tal-kejl biex jivverifikaw u jiżguraw il-kwalità u l-konsistenza tad-data rilevanti, u l-interoperabbiltà, f’konformità mal-Artikoli 23 u 24 tad-Direttiva (UE) 2019/944 u liġijiet rilevanti oħra tal-Unjoni.

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).”;"

(5)

l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   In-NEMOs għandhom iħallu lill-parteċipanti fis-suq jikkummerċjalizzaw l-enerġija kemm jista’ jkun qrib tal-ħin reali, u mill-inqas sal-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata. Mill-1 ta’ Jannar 2026, il-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata għandu jkun mhux aktar minn 30 minuta qabel il-ħin reali.

1a.   L-awtorità regolatorja kkonċernata tista’, fuq talba tal-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni kkonċernat, tagħti deroga mir-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1 sal-1 ta’ Jannar 2029. L-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni għandu jippreżenta t-talba lill-awtorità regolatorja kkonċernata. Dik it-talba għandha tinkludi:

(a)

valutazzjoni tal-impatt, li tqis ir-rispons min-NEMOs u l-parteċipanti fis-suq ikkonċernati, li turi l-impatt negattiv ta’ tali miżura fuq is-sigurtà tal-provvista fis-sistema nazzjonali tal-elettriku, il-kosteffiċjenza, inkluż fir-rigward tal-pjattaformi tal-ibbilanċjar eżistenti f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/2195, fuq l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet serra; u

(b)

pjan ta’ azzjoni bil-għan li l-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata jitqassar għal 30 minuta ‘l quddiem mill-ħin reali sal-1 ta’ Jannar 2029.

1b.   L-awtorità regolatorja tista’, fuq talba tal-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni kkonċernat, tagħti deroga oħra mir-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1 sa massimu ta’ sentejn u nofs mid-data tal-iskadenza tal-perjodu msemmi fil-paragrafu 1a. L-operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni kkonċernat għandu jippreżenta t-talba lill-awtorità regolatorja kkonċernata, lill-ENTSO għall-Elettriku u lill-ACER sat-30 ta’ Ġunju 2028. Dik it-talba għandha tinkludi:

(a)

valutazzjoni tal-impatt ġdida, li tqis il-feedback mill-parteċipanti fis-suq u NEMOs, li tiġġustifika l-ħtieġa għal deroga ulterjuri, ibbażata fuq ir-riskji għas-sigurtà tas-sistema nazzjonali tal-elettriku, il-kosteffiċjenza, l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra; u

(b)

pjan ta’ azzjoni rivedut biex jitqassar il-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali tal-istess ġurnata għal 30 minuta ‘l quddiem mill-ħin reali sad-data li għaliha tintalab estensjoni u mhux aktar tard mid-data mitluba għad-deroga.

L-ACER għandha toħroġ opinjoni dwar l-impatt transfruntier ta’ deroga oħra fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi talba għal tali deroga. L-awtorità regolatorja kkonċernata għandha tqis dik l-opinjoni qabel ma tiddeċiedi fuq talba għal deroga ulterjuri.

1c.   Sal-1 ta’ Diċembru 2027, il-Kummissjoni għandha, wara konsultazzjoni man-NEMOs, mal-ENTSO għall-Elettriku, mal-ACER u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-impatt tal-implimentazzjoni tat-tnaqqis fil-ħin tal-għeluq tan-negozju tal-kapaċità transżonali stabbilit skont dan l-Artikolu, il-kostijiet u l-benefiċċji, il-fattibbiltà u s-soluzzjonijiet prattiċi lejn it-tnaqqis ulterjuri tiegħu sabiex il-parteċipanti fis-suq ikunu jistgħu jinnegozjaw l-enerġija kemm jista’ jkun qrib il-ħin reali. Ir-rapport għandu jqis l-impatt fuq is-sigurtà tas-sistema tal-elettriku, il-kosteffiċjenza, il-benefiċċji għall-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra.”

;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   In-NEMOs għandhom jipprovdu prodotti għan-negozjar fi swieq ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata li huma żgħar biżżejjed fid-daqs, b’daqsijiet minimi ta’ offerti ta’ 100 kW jew inqas, biex jippermettu l-parteċipazzjoni effettiva tar-rispons tad-domanda, tal-ħżin tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira inkluż il-parteċipazzjoni diretta mill-klijenti, kif ukoll permezz tal-aggregazzjoni.”

;

(6)

l-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 9

Swieq forward

1.   F’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1719, l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni għandhom joħorġu drittijiet ta’ trażmissjoni għal żmien twil jew ikollhom stabbiliti miżuri ekwivalenti li jippermettu lill-parteċipanti fis-suq, inkluż sidien ta’ faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, jużaw l-enerġija rinnovabbli, jiħħeġġjaw ir-riskji tal-prezzijiet, sakemm valutazzjoni tas-suq forward fuq il-konfini taż-żona tal-offerti mwettqa mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti ma turix li jkun hemm biżżejjed opportunitajiet ta’ ħħeġġjar fiż-żoni tal-offerti kkonċernati.

2.   Id-drittijiet ta’ trażmissjoni għal żmien twil għandhom jiġu allokati, fuq bażi regolari, b’mod trasparenti, ibbażat fuq is-suq u nondiskriminatorju permezz ta’ pjattaforma unika ta’ allokazzjoni. Il-frekwenza tal-allokazzjoni u l-maturitajiet tal-kapaċità transżonali għal żmien twil għandhom jappoġġaw il-funzjonament effiċjenti tas-swieq forward tal-Unjoni.

3.   It-tfassil tas-suq forward tal-Unjoni għandu jinkludi l-għodod meħtieġa biex tittejjeb il-kapaċità tal-parteċipanti fis-suq li jiħħeġġjaw ir-riskji tal-prezzijiet fis-suq intern tal-elettriku.

4.   Sas-17 ta’ Jannar 2026, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, għandha twettaq valutazzjoni tal-impatt ta’ miżuri possibbli biex jintlaħaq l-objettiv imsemmi fil-paragrafu 3. Dik il-valutazzjoni tal-impatt għandha tkopri, fost oħrajn:

(a)

bidliet possibbli fil-frekwenza tal-allokazzjoni għad-drittijiet ta’ trażmissjoni għal żmien twil;

(b)

bidliet possibbli fil-maturitajiet tad-drittijiet ta’ trażmissjoni għal żmien twil, b’mod partikolari maturitajiet estiżi sa mill-inqas tliet snin;

(c)

bidliet possibbli fin-natura tad-drittijiet ta’ trażmissjoni għal żmien twil;

(d)

modi kif jista’ jissaħħaħ is-suq sekondarju; u

(e)

l-introduzzjoni possibbli ta’ ċentri virtwali reġjonali għas-suq forward.

5.   Fir-rigward taċ-ċentri virtwali reġjonali għas-swieq forward, il-valutazzjoni tal-impatt imwettqa skont il-paragrafu 4 għandha tkopri dan li ġej:

(a)

l-ambitu ġeografiku adegwat taċ-ċentri virtwali reġjonali, inkluż iż-żoni tal-offerti li jikkostitwixxu dawk iċ-ċentri u sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ żoni tal-offerti li jkunu jappartjenu għal żewġ ċentri virtwali jew aktar, bl-għan li tiġi massimizzata l-korrelazzjoni tal-prezzijiet bejn il-prezzijiet ta’ referenza u l-prezzijiet taż-żoni tal-offerti li jikkostitwixxu ċentri virtwali reġjonali;

(b)

il-livell ta’ interkonnettività tal-elettriku tal-Istati Membri, b’mod partikolari ta’ dawk l-Istati Membri taħt il-miri ta’ interkonnessjoni tal-elettriku għall-2020 u l-2030 stabbiliti fl-Artikolu 4, il-punt (d)(1), tar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3);

(c)

il-metodoloġija għall-kalkolu tal-prezzijiet ta’ referenza għaċ-ċentri virtwali reġjonali għas-swieq forward, bl-għan li jiġu mmassimizzati l-korrelazzjoni tal-prezz bejn il-prezz ta’ referenza u l-prezzijiet taż-żoni tal-offerti li jikkostitwixxu ċentru virtwali reġjonali;

(d)

il-possibbiltà li ż-żoni tal-offerti jagħmlu parti minn aktar minn ċentru virtwali reġjonali wieħed;

(e)

il-modi kif jiġu mmassimizzati l-opportunitajiet ta’ negozjar għall-prodotti ta’ ħħeġġjar li jirreferenzjaw iċ-ċentri virtwali reġjonali għas-swieq forward kif ukoll għad-drittijiet ta’ trażmissjoni għal żmien twil miż-żoni tal-offerti għaċ-ċentri virtwalireġjonali;

(f)

il-modi kif jiġi żgurat li l-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 toffri l-allokazzjoni u tiffaċilita n-negozjar tad-drittijiet ta’ trażmissjoni għal żmien twil;

(g)

l-implikazzjonijiet tal-ftehimiet intergovernattivi preeżistenti u d-drittijiet tagħhom.

6.   Abbażi tal-eżitu tal-valutazzjoni tal-impatt imsemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, sas-17 ta’ Lulju 2026, tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika aktar il-miżuri u l-għodod biex jintlaħqu l-objettivi msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u l-karatteristiċi preċiżi ta’ dawk il-miżuri u l-għodod. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 67(2).

7.   Il-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni stabbilita f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1719 għandha taġixxi bħala entità li toffri allokazzjoni u li tiffaċilita n-negozjar tad-drittijiet ta’ trażmissjoni għal żmien twil f’isem l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni. Għandu jkollha forma ġuridika kif imsemmi fl-Anness II tad-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4).

8.   Meta awtorità regolatorja kompetenti tqis li ma jkunx hemm biżżejjed opportunitajiet ta’ ħħeġġjar disponibbli għall-parteċipanti fis-suq, tista’, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5) meta s-swieq forward jikkonċernaw strumenti finanzjarji kif iddefiniti fl-Artikolu 4(1), il-punt (15), ta’ dik id-Direttiva, tista’ tirrikjedi skambji tal-enerġija jew li l-operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni jimplimentaw miżuri addizzjonali, bħal attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq, biex tittejjeb il-likwidità tas-suq forward.

9.   Soġġett għall-konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u mar-Regolamenti (UE) Nru 648/2012 (*6) u (UE) Nru 600/2014 (*7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mad-Direttiva 2014/65/UE, l-operaturi tas-suq jistgħu jiżviluppaw prodotti ta’ ħħeġġjar forward, inkluż prodotti ta’ ħħeġġjar forward għal żmien twil, biex jipprovdu lill-parteċipanti fis-suq, inkluż is-sidien ta’ faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw sorsi tal-enerġija rinnovabbli, b’possibbiltajiet xierqa għall-iħħeġġjar tar-riskji finanzjarji kontra l-fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet. L-Istati Membri m’għandhomx jirrikjedu li din l-attività ta’ ħħeġġjar tista’ tkun limitata għal negozjar fi Stat Membru jew żona tal-offerti.

(*3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1)."

(*4)  Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46)."

(*5)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349)."

(*6)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1)."

(*7)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).”;"

(7)

l-Artikolu 18 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Il-metodoloġiji tat-tariffi għandhom:

(a)

jirriflettu l-kostijiet fissi tal-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u ta’ operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni u għandhom iqisu kemm in-nefqa kapitali kif ukoll dik operazzjonali biex jipprovdu inċentivi xierqa lill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u lill-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni kemm għal żmien qasir kif ukoll għal żmien twil, inkluż investimenti antiċipatorji, sabiex jiżdiedu l-effiċjenzi, inkluż l-effiċjenza fl-enerġija;

(b)

irawmu l-integrazzjoni tas-suq, l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u s-sigurtà tal-provvista;

(c)

jappoġġaw l-użu ta’ servizzi ta’ flessibbiltà u jippermettu l-użu ta’ konnessjonijiet flessibbli;

(d)

jippromwovu investiment effiċjenti u f’waqthom, inkluż soluzzjonijiet biex tiġi ottimizzata l-grilja eżistenti;

(e)

jiffaċilitaw il-ħżin tal-enerġija, ir-rispons tad-domanda u l-attivitajiet ta’ riċerka relatati;

(f)

jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi stabbiliti fil-pjanijiet nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima, inaqqsu l-impatt ambjentali u jippromwovu l-aċċettazzjoni pubblika; u

(g)

jiffaċilitaw l-innovazzjoni fl-interess tal-konsumaturi f’oqsma bħad-diġitalizzazzjoni, is-servizzi ta’ flessibbiltà u l-interkonnessjoni, b’mod partikolari biex tiġi żviluppata l-infrastruttura meħtieġa biex tintlaħaq il-mira minima ta’ interkonnessjoni tal-elettriku għall-2030 stabbilita fl-Artikolu 4, il-punt (d)(1), tar-Regolament (UE) 2018/1999;

3.   Meta jkun xieraq, il-livell tat-tariffi applikati għall-produtturi jew il-klijenti finali, jew it-tnejn li huma, għandu jipprovdi sinjali ta’ investiment lokazzjonali fil-livell tal-Unjoni, bħal inċentivi permezz ta’ struttura tariffarja biex jitnaqqsu l-kostijiet tad-dispaċċ mill-ġdid u tar-rinforz tal-grilja tal-elettriku, u jqisu l-ammont ta’ telf u ta’ konġestjoni tan-network ikkawżat, u l-kostijiet tal-investiment għall-infrastruttura.”

;

(b)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Il-metodoloġiji tat-tariffi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni għandhom jipprovdu inċentivi lill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u lill-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni għall-aktar operazzjoni kosteffiċjenti u għall-iżvilupp tan-networks tagħhom, inkluż permezz tal-akkwist ta’ servizzi. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet regolatorji għandhom jirrikonoxxu l-kostijiet rilevanti bħala eliġibbli, inkluż il-kostijiet relatati ma’ investiment antiċipatorju, għandhom jinkludu dawk il-kostijiet fit-tariffi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni, u għandhom, fejn ikun xieraq, jintroduċu miri ta’ prestazzjoni sabiex jipprovdu inċentivi lill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u lill-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni biex iżidu l-effiċjenza ġenerali tas-sistemi fin-networks tagħhom, inkluż permezz tal-effiċjenza fl-enerġija, l-użu ta’ servizzi ta’ flessibbiltà u l-iżvilupp ta’ grilji intelliġenti u sistemi ta’ kejl intelliġenti”

;

(c)

il-paragrafu 9 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

metodi, li għandhom jiġu ddeterminati wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, biex tiġi żgurata t-trasparenza fl-istabbiliment u l-istruttura tat-tariffi, inkluż investiment antiċipatorju, li jkunu f’konformità mal-objettivi rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali dwar l-enerġija u filwaqt li jitqiesu ż-żoni ta’ aċċellerazzjoni kif stabbiliti f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/2001;”

;

(ii)

jiżdied il-punt li ġej:

“(i)

inċentivi għal investiment effiċjenti fin-networks, inkluż riżorsi li jipprovdu flessibbiltà u ftehimiet ta’ konnessjoni flessibbli.”

;

(8)

fl-Artikolu 19, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-objettivi li ġejjin għandu jkollhom prijorità fir-rigward tal-allokazzjoni ta’ kwalunkwe dħul li jirriżulta mill-allokazzjoni ta’ kapaċità transżonali:

(a)

il-garanzija tad-disponibbiltà reali tal-kapaċità allokata inkluż il-kumpens għaċ-ċertezza;

(b)

iż-żamma jew iż-żieda tal-kapaċitajiet transżonali permezz tal-ottimizzazzjoni tal-użu tal-interkonnetturi eżistenti permezz ta’ azzjonijiet ta’ rimedju kkoordinati, fejn applikabbli, jew il-kopertura tal-kostijiet li jirriżultaw mill-investiment fin-network li huwa rilevanti biex titnaqqas il-konġestjoni tal-interkonnetturi; jew

(c)

l-għoti ta’ kumpens lill-operaturi ta’ impjanti ta’ ġenerazzjoni ta’ elettriku rinnovabbli lil hinn mill-kosta f’żona tal-offerti lil hinn mill-kosta direttament konnessi ma’ żewġ żoni tal-offerti jew aktar meta l-aċċess għal swieq interkonnessi jkun tnaqqas b’mod li jirriżulta li l-operatur tal-impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku lil hinn mill-kosta ma jkunx jista’ jesporta l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku tiegħu lejn is-suq u, fejn rilevanti, jirriżulta fi tnaqqis korrispondenti fil-prezz fiż-żona tal-offerti lil hinn mill-kosta meta mqabbel ma’ tnaqqis mingħajr kapaċità.

Il-kumpens imsemmi fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu għandu japplika meta, fir-riżultati vvalidati tal-kalkolu tal-kapaċità, operatur wieħed jew aktar ta’ sistema ta’ trażmissjoni ma jkunux għamlu disponibbli l-kapaċità miftiehma fil-ftehimiet ta’ konnessjoni dwar l-interkonnettur jew ma jkunux għamlu disponibbli l-kapaċità fuq l-elementi kritiċi tan-network skont ir-regoli tal-kalkolu tal-kapaċità stabbiliti fl-Artikolu 16(8), jew it-tnejn li huma. L-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni li jkunu responsabbli għat-tnaqqis tal-aċċess għal swieq interkonnessi għandhom ikunu responsabbli għall-kumpens lill-operaturi ta’ impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli lil hinn mill-kosta. Fuq bażi annwali, dak il-kumpens m’għandux jaqbeż l-introjtu totali mill-konġestjoni ġġenerat fuq interkonnetturi bejn iż-żoni tal-offerti kkonċernati.”

;

(9)

jiddaħħal il-kapitolu li ġej:

Kapitolu IIIa

INĊENTIVI SPEĊIFIĊI TA’ INVESTIMENT BIEX JINTLAĦQU L-OBJETTIVI TA’ DEKARBONIZZAZZJONI TAL-UNJONI

Artikolu 19a

Ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija

1.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2018/2001, dwar il-promozzjoni ta’ sorsi rinnovabbli, l-Istati Membri għandhom jippromwovu l-użu ta’ PPAs, inkluż billi jneħħu ostakli mhux ġustifikati u proċeduri jew imposti sproporzjonati jew diskriminatorji, bil-ħsieb li jipprovdu prevedibbiltà tal-prezz u li jintlaħqu l-objettivi stipulati fil-pjan nazzjonali integrat tagħhom dwar l-enerġija u l-klima fir-rigward tad-dimensjoni ta’ dekarbonizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 4, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2018/1999, inkluż fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jippreservaw swieq tal-elettriku kompetittivi u likwidi u kummerċ transfruntier.

2.   Meta twettaq ir-rieżami ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 69(2), il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, għandha tivvaluta l-potenzjal u l-vijabbiltà ta’ pjattaforma tas-suq tal-Unjoni waħda jew aktar għall-PPAs, li għandhom jintużaw fuq bażi volontarja, inkluż l-interazzjoni ta’ dawk il-pjattaformi potenzjali ma’ pjattaformi eżistenti oħra tas-suq tal-elettriku u l-ġbir flimkien tad-domanda għall-PPAs permezz tal-aggregazzjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw, b’mod ikkoordinat, li strumenti bħal skemi ta’ garanzija bil-prezzijiet tas-suq biex inaqqsu r-riskji finanzjarji assoċjati ma’ inadempjenza fil-ħlas tal-akkwirent fil-qafas tal-PPAs ikunu fis-seħħ u aċċessibbli għall-klijenti li jiffaċċjaw ostakli għad-dħul fis-suq tal-PPAs u li ma jkunux f’diffikultà finanzjarja. Tali strumenti jistgħu jinkludu, fost oħrajn, skemi ta’ garanzija sostnuti mill-Istat bi prezzijiet tas-suq, garanziji privati, jew faċilitajiet li jiġbru flimkien id-domanda għall-PPAs, f’konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw koordinazzjoni xierqa, inkluż ma’ faċilitajiet rilevanti fil-livell tal-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw il-kategoriji ta’ klijenti li jkunu fil-mira ta’ dawk l-istrumenti, billi japplikaw kriterji nondiskriminatorji bejn u fil-kategoriji tal-konsumaturi.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 TFUE, jekk skema ta’ garanzija għall-PPAs tkun appoġġata mill-Istat Membru, din għandha tinkludi dispożizzjonijiet biex jiġi evitat it-tnaqqis tal-likwidità fis-swieq tal-elettriku u m’għandhiex tipprovdi appoġġ għax-xiri ta’ ġenerazzjoni mill-fjuwils fossili. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jillimitaw dawk l-iskemi ta’ garanzija għall-appoġġ esklużiv tax-xiri ta’ elettriku minn ġenerazzjoni ġdida ta’ enerġija rinnovabbli f’konformità mal-politiki ta’ dekarbonizzazzjoni tal-Istat Membru, inkluż b’mod partikolari fejn is-suq għall-PPAs rinnovabbli kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (17), tad-Direttiva (UE) 2018/2001 ma jkunx żviluppat biżżejjed.

5.   L-iskemi ta’ appoġġ għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli għandhom jippermettu l-parteċipazzjoni ta’ proġetti li jirriżervaw parti mill-elettriku għall-bejgħ permezz ta’ PPA rinnovabbli jew arranġamenti oħra bbażati fuq is-suq, dment li tali parteċipazzjoni ma taffettwax b’mod negattiv il-kompetizzjoni fis-suq, b’mod partikolari meta ż-żewġ partijiet involuti f’dak il-PPA jkunu kkontrollati mill-istess entità.

6.   Fit-tfassil tal-iskemi ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafu 5, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jagħmlu użu minn kriterji ta’ evalwazzjoni biex jinċentivaw lill-offerenti jiffaċilitaw l-aċċess tal-klijenti li jiffaċċjaw ostakli għad-dħul fis-suq tal-PPAs, dment li dak ma jaffettwax b’mod negattiv il-kompetizzjoni fis-suq.

7.   Il-PPAs għandhom jispeċifikaw iż-żona tal-offerti tal-konsenja u r-responsabbiltà għall-iżgurar tad-drittijiet ta’ trażmissjoni transżonali f’każ ta’ bidla fiż-żona tal-offerti f’konformità mal-Artikolu 14.

8.   Il-PPAs għandhom jispeċifikaw it-termini u l-kundizzjonijiet li skonthom il-klijenti u l-produtturi jistgħu joħorġu mill-PPAs, bħal kwalunkwe tariffa ta’ ħruġ applikabbli u perjodi ta’ avviż, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni.

9.   L-Istati Membri, meta jfasslu miżuri li jaffettwaw direttament il-PPAs, għandhom jirrispettaw l-aspettattivi leġittimi possibbli u għandhom iqisu l-effett ta’ dawk il-miżuri fuq il-PPAs eżistenti u futuri.

10.   Sal-31 ta’ Jannar 2026 u kull sentejn wara dan, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk jippersistux l-ostakli u jekk hemmx biżżejjed trasparenza fis-swieq tal-PPAs. Il-Kummissjoni tista’ tfassal gwida speċifika dwar it-tneħħija tal-ostakli fis-swieq tal-PPAs, inkluż proċeduri jew imposti sproporzjonati jew diskriminatorji.

Artikolu 19b

Mudelli volontarji għall-PPAs u monitoraġġ tal-PPAs

1.   L-ACER għandha tippubblika valutazzjoni annwali dwar is-suq tal-PPAs fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri bħala parti mir-rapport annwali tagħha ppubblikat skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2019/942.

2.   Sas-17 ta’ Ottubru 2024, l-ACER għandha tivvaluta, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, il-ħtieġa li tiżviluppa u toħroġ mudelli volontarji għall-PPAs, adattati għall-ħtiġijiet tal-kategoriji differenti tal-kontropartijiet.

Meta l-valutazzjoni tikkonkludi li jkun hemm bżonn jiġu żviluppati u maħruġa tali mudelli volontarji għall-PPAs, l-ACER, flimkien man-NEMOs, u wara konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, għandha tiżviluppa tali mudelli, filwaqt li tqis dan li ġej:

(a)

l-użu ta’ dawk il-kuntratti mudell għandu jkun volontarju għall-partijiet kontraenti;

(b)

il-kuntratti mudell għandhom, fost oħrajn:

(i)

joffru varjetà ta’ durati tal-kuntratt;

(ii)

jipprovdu varjetà ta’ formuli tal-prezzijiet;

(iii)

iqisu l-profil tat-tagħbija tal-akkwirent u l-profil tal-ġenerazzjoni tal-ġeneratur.

Artikolu 19c

Miżuri fil-livell tal-Unjoni biex jikkontribwixxu għall-kisba tas-sehem addizzjonali tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-miżuri fil-livell tal-Unjoni jistgħux jikkontribwixxu għall-kisba tal-isforz kollettiv tal-Istati Membri ta’ sehem addizzjonali ta’ 2,5 % ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija tal-Unjoni fl-2030, skont id-Direttiva (UE) 2018/2001, filwaqt li jikkomplementaw il-miżuri nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tanalizza l-possibbiltà li tuża l-mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-enerġija rinnovabbli tal-Unjoni stabbilit skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2018/1999 biex torganizza rkantijiet tal-enerġija rinnovabbli fil-livell tal-Unjoni f’konformità mal-qafas regolatorju rilevanti.

Artikolu 19d

Skemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet fil-forma ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza għall-investiment

1.   Skemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet għal investiment f’faċilitajiet ġodda tal-ġenerazzjoni tal-enerġija għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mis-sorsi elenkati fil-paragrafu 4 għandhom jieħdu l-forma ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika għal kuntratti taħt skemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet għal investiment f’ġenerazzjoni ġdida konklużi fis-17 ta’ Lulju 2027 jew wara, jew fil-każ ta’ proġetti ta’ assi ibridi lil hinn mill-kosta konnessi ma’ żewġ żoni tal-offerti jew aktar, is-17 ta’ Lulju 2029.

Il-parteċipazzjoni ta’ parteċipanti fis-suq fi skemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet fil-forma ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza u fi skemi ekwivalenti bl-istess effetti għandha tkun volontarja.

2.   L-iskemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet kollha fil-forma ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza u skemi ekwivalenti bl-istess effetti għandhom ikunu mfassla biex:

(a)

iżommu l-inċentivi biex il-faċilità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija topera u tipparteċipa b’mod effiċjenti fis-swieq tal-elettriku, b’mod partikolari biex ikunu riflessi ċ-ċirkostanzi tas-suq;

(b)

jipprevjenu kwalunkwe effett distorsiv tal-iskema ta’ appoġġ fuq id-deċiżjonijiet dwar it-tħaddim, id-dispaċċ u l-manutenzjoni tal-faċilità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija jew fuq l-imġiba meta jsiru l-offerti fis-swieq ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata, tas-servizzi anċillari u tal-ibbilanċjar;

(c)

jiżguraw li l-livell tal-protezzjoni minima tar-remunerazzjoni u tal-limitazzjoni ‘l fuq għar-remunerazzjoni eċċessiva jkunu allinjati mal-kost tal-investiment il-ġdid u d-dħul tas-suq, biex jiggarantixxu l-vijabbiltà ekonomika għal żmien twil tal-faċilità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija filwaqt li jiġi evitat kumpens eċċessiv;

(d)

jevitaw distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq intern, b’mod partikolari billi jiddeterminaw l-ammonti tar-remunerazzjoni permezz ta’ proċess kompetittiv ta’ offerti li jkun miftuħ, ċar, trasparenti u mhux diskriminatorju; fejn ma jkunx jista’ jitwettaq tali proċess kompetittiv ta’ offerti, il-kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew skemi ekwivalenti bl-istess effetti, u l-prezzijiet tal-eżerċitar applikabbli, għandhom jitfasslu biex jiżguraw li d-distribuzzjoni tad-dħul lill-impriżi ma toħloqx distorsjonijiet bla bżonn għall-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq intern;

(e)

jevitaw distorsjonijiet għall-kompetizzjoni u l-kummerċ fis-suq intern li jirriżultaw mid-distribuzzjoni tad-dħul lill-impriżi;

(f)

jinkludu klawżoli ta’ penali applikabbli f’każ ta’ terminazzjoni bikrija unilaterali tal-kuntratt li ma tkunx iġġustifikata.

3.   Fil-valutazzjoni tal-kuntratti bidirezzjonali għad-differenza jew l-iskemi ekwivalenti bl-istess effetti skont l-Artikoli 107 u 108 TFUE, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-konformità mal-prinċipji tat-tfassil skont il-paragrafu 2.

4.   Il-paragrafu 1 għandu japplika għal investiment f’ġenerazzjoni ġdida tal-elettriku mis-sorsi li ġejjin:

(a)

l-enerġija eolika;

(b)

l-enerġija solari;

(c)

l-enerġija ġeotermali;

(d)

l-idroelettriku mingħajr riżerva;

(e)

l-enerġija nukleari.

5.   Kwalunkwe dħul, jew l-ekwivalenti fil-valur finanzjarju ta’ dak id-dħul, li jirriżulta minn skemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet fil-forma ta’ kuntratti bidirezzjonali għad-differenza u skemi ekwivalenti bl-istess effetti msemmija fil-paragrafu 1 għandu jitqassam lill-klijenti finali.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, id-dħul, jew l-ekwivalenti fil-valur finanzjarju ta’ dak id-dħul, jista’ jintuża wkoll biex jiffinanzja l-kostijiet tal-iskemi ta’ appoġġ dirett tal-prezzijiet jew l-investiment biex jitnaqqsu l-kostijiet tal-elettriku għall-klijenti finali.

Id-distribuzzjoni tad-dħul lill-klijenti finali għandha tkun imfassla b’tali mod li jinżammu l-inċentivi biex inaqqsu l-konsum tagħhom jew iċaqilquh għal perjodi meta l-prezzijiet tal-elettriku jkunu baxxi u ma jfixklux il-kompetizzjoni bejn il-fornituri tal-elettriku.

6.   F’konformità mal-Artikolu 4(3), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva (UE) 2018/2001, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira u proġetti ta’ dimostrazzjoni mill-obbligu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 19e

Valutazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà

1.   Mhux aktar tard minn sena wara l-approvazzjoni mill-ACER tal-metodoloġija skont il-paragrafu 6, u kull sentejn wara, l-awtorità regolatorja jew awtorità jew entità oħra maħtura minn Stat Membru, għandha tadotta rapport dwar il-ħtiġijiet stmati ta’ flessibbiltà għal perjodu ta’ mill-inqas il-5 sa 10 snin li jkunu ġejjin fil-livell nazzjonali, fid-dawl tal-ħtieġa li b’mod kosteffettiv jinkisbu s-sigurtà u l-affidabbiltà tal-provvista u tiġi dekarbonizzata s-sistema tal-elettriku, filwaqt li jitqiesu l-integrazzjoni ta’ sorsi varjabbli ta’ enerġija rinnovabbli u s-setturi differenti, kif ukoll in-natura interkonnessa tas-suq tal-elettriku, inkluż il-miri ta’ interkonnessjoni u d-disponibbiltà potenzjali ta’ flessibbiltà transfruntiera.

Ir-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu:

(a)

jkun konsistenti mal-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi u mal-valutazzjonijiet nazzjonali tal-adegwatezza tar-riżorsi mwettqa skont l-Artikoli 23 u 24;

(b)

ikun ibbażat fuq id-data u l-analiżijiet provduti mill-operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni u l-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni ta’ kull Stat Membru skont il-paragrafu 3 u bl-użu tal-metodoloġija komuniskont il-paragrafu 4 u, fejn debitament ġustifikat, data u analiżi addizzjonali.

Fejn l-Istat Membru jkun ħatar operatur ta’ sistema ta’ trażmissjoni jew entità oħra għall-fini tal-adozzjoni tar-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-awtorità regolatorja għandha tapprova jew temenda r-rapport.

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu tal-inqas:

(a)

jevalwa t-tipi differenti ta’ ħtiġijiet ta’ flessibbiltà, tal-inqas fuq bażi staġjonali, ta’ kuljum u fis-siegħa, biex l-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli jiġi integrat fis-sistema tal-elettriku, fost oħrajn, abbażi ta’ suppożizzjonijiet differenti fir-rigward tal-prezzijiet tas-suq tal-elettriku, il-ġenerazzjoni u d-domanda;

(b)

jikkunsidra l-potenzjal ta’ riżorsi ta’ flessibbiltà mhux fossili bħar-rispons tad-domanda u l-ħżin tal-enerġija, inkluż l-aggregazzjoni u l-interkonnessjoni, biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà, kemm fil-livell tat-trażmissjoni kif ukoll f’dak tad-distribuzzjoni;

(c)

jevalwa l-ostakli għall-flessibbiltà fis-suq u jipproponi miżuri u inċentivi ta’ mitigazzjoni rilevanti, inkluż it-tneħħija ta’ ostakli regolatorji u titjib possibbli għas-swieq u s-servizzi jew il-prodotti tat-tħaddim tas-sistema;

(d)

jevalwa l-kontribut tad-diġitalizzazzjoni tan-networks tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni tal-elettriku; u

(e)

iqis sorsi ta’ flessibbiltà li huma mistennija li jkunu disponibbli fi Stati Membri oħra.

3.   L-operaturi ta’ sistemi ta’ trażmissjoni u l-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni ta’ kull Stat Membru għandhom jipprovdu id-data u l-analiżijiet li huma meħtieġa għat-tħejjija tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 lill-awtorità regolatorja jew lil awtorità jew entità oħra maħtura skont il-paragrafu 1. Fejn ikun debitament ġustifikat, l-awtorità regolatorja jew awtorità jew entità oħra maħtura skont il-paragrafu 1 tista’ titlob lill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u lill-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni kkonċernati biex jipprovdu informazzjoni addizzjonali għar-rapport, minbarra r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 4. L-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku jew l-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni tal-elettriku kkonċernati għandhom, flimkien mal-operaturi ta’ sistemi tal-gass naturali u ta’ sistemi tal-idroġenu jikkoordinaw il-ġbir tal-informazzjoni rilevanti fejn ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu.

4.   L-ENTSO għall-Elettriku u l-entità tal-UE għad-DSO għandhom jikkoordinaw il-ħidma tal-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u l-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni fir-rigward tad-data u l-analiżijiet li għandhom jiġu pprovduti f’konformità mal-paragrafu 3. B’mod partikolari, huma għandhom:

(a)

jiddefinixxu t-tip u l-format tad-data li l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u l-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet regolatorji jew awtorità oħra jew entità maħtura skont il-paragrafu 1;

(b)

jiżviluppaw metodoloġija għall-analiżi mill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u mill-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà, filwaqt li jqisu tal-inqas:

(i)

is-sorsi kollha disponibbli ta’ flessibbiltà b’mod kosteffiċjenti fil-perjodi ta’ żmien differenti, inkluż fi Stati Membri oħra;

(ii)

investimenti ppjanati fl-interkonnessjoni u l-flessibbiltà fil-livell ta’ trażmissjoni u fil-livell ta’ distribuzzjoni; u

(iii)

il-ħtieġa li s-sistema tal-elettriku tiġi dekarbonizzata sabiex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030, kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (11), tar-Regolament (UE) 2018/1999 u l-objettiv tagħha tan-newtralità klimatika sal-2050 stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/1119, f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (*8).

Il-metodoloġija msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandu jkun fiha kriterji ta’ gwida dwar kif tiġi vvalutata l-kapaċità tas-sorsi differenti ta’ flessibbiltà biex jiġu koperti l-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà.

5.   L-ENTSO għall-Elettriku u l-entità tal-UE għad-DSO għandhom jikkooperaw mill-qrib fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u l-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni fir-rigward tal-forniment tad-data u l-analiżijiet skont il-paragrafu 4.

6.   Sas-17 ta’ April 2025, l-ENTSO għall-Elettriku u l-entità tal-UE għad-DSO għandhom jippreżentaw konġuntement lill-ACER proposta dwar it-tip ta’ data u format li għandhom jiġu sottomessi lill-awtorità regolatorja jew lil awtorità jew entità oħra maħtura skont il-paragrafu 1, u l-metodoloġija għall-analiżi tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà msemmija fil-paragrafu 4. Fi żmien tliet xhur mill-wasla tal-proposta, l-ACER għandha tapprova l-proposta jew temendaha. Fil-każ tal-aħħar, l-ACER għandha tikkonsulta lill-Grupp għall-Koordinazzjoni tal-Elettriku, lill-ENTSO għall-Elettriku u lill-entità tal-UE għad-DSO qabel ma tadotta l-emendi. Il-proposta adottata għandha tiġi ppubblikata fis-sit web tal-ACER.

7.   L-awtorità regolatorja jew awtorità jew entità oħra maħtura skont il-paragrafu 1, għandha tippreżenta r-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni u lill-ACER u għandha tippubblikahom. Fi żmien 12-il xahar minn meta tirċievi r-rapporti, l-ACER għandha toħroġ rapport fejn tanalizzahom u tipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza transfruntiera rigward is-sejbiet tal-awtorità regolatorja jew ta’ awtorità jew entità oħra maħtura skont il-paragrafu 1, inkluż rakkomandazzjonijiet dwar it-tneħħija ta’ ostakli għad-dħul ta’ riżorsi ta’ flessibbiltà mhux fossili.

Fost il-kwistjonijiet ta’ rilevanza transfruntiera, l-ACER għandha tivvaluta:

(a)

kif tiġi integrata aħjar l-analiżi tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu mal-metodoloġija għall-valutazzjoni Ewropea dwar l-adegwatezza tar-riżorsi f’konformità mal-Artikolu 23 u l-metodoloġija għall-pjan ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-network għall-Unjoni kollha, filwaqt li tiġi żgurata konsistenza bejniethom;

(b)

il-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà stmati fis-sistema tal-elettriku fil-livell tal-Unjoni u l-potenzjal ekonomikament disponibbli previst tagħha għal perjodu tal-5 sa 10 snin li jmiss filwaqt li jitqiesu r-rapporti nazzjonali;

(c)

l-introduzzjoni potenzjali ta’ aktar miżuri biex jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ flessibbiltà fis-swieq tal-elettriku u t-tħaddim tas-sistema.

Ir-riżultati tal-analiżi msemmija fit-tieni subparagrafu, il-punt (a) jistgħu jitqiesu f’reviżjonijiet ulterjuri tal-metodoloġiji msemmija f’dak il-punt f’konformità mal-atti legali rilevanti tal-Unjoni.

Il-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima jista’, fuq inizjattiva tiegħu stess, jipprovdi input lill-ACER dwar kif tiġi żgurata konformità mal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u mal-objettiv tan-newtralità klimatika tagħha sal-2050.

8.   L-ENTSO għall-Elettriku għandu jaġġorna l-pjan ta’ żvilupp tan-network għall-Unjoni kollha biex jinkludi r-riżultati tar-rapporti nazzjonali tal-ħtiġijiet ta’ flessibbiltà msemmija fil-paragrafu 1. Dawk ir-rapporti għandhom jitqiesu mill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni u mill-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni fil-pjanijiet tagħhom għall-iżvilupp tan-network.

Artikolu 19f

Objettiv nazzjonali indikattiv għall-flessibbiltà mhux fossili

Mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-preżentazzjoni tar-rapport skont l-Artikolu 19e(1) ta’ dan ir-Regolament, kull Stat Membru għandu jiddefinixxi, abbażi ta’ dak ir-rapport, objettiv nazzjonali indikattiv għall-flessibbiltà mhux fossili, inkluż il-kontributi speċifiċi kemm tar-rispons tad-domanda kif ukoll tal-ħżin tal-enerġija għal dak l-objettiv. L-Istati Membri jistgħu jilħqu dak l-objettiv billi jirrealizzaw il-potenzjal identifikat ta’ flessibbiltà mhux fossili, permezz tat-tneħħija ta’ ostakli tas-suq identifikati jew permezz tal-iskemi ta’ appoġġ għall-flessibbiltà mhux fossili msemmija fl-Artikolu 19g ta’ dan ir-Regolament. Dak l-objettiv nazzjonali indikattiv, inkluż il-kontributi speċifiċi rispettivi tar-rispons tad-domanda u tal-ħżin tal-enerġija għal dak l-objettiv, kif ukoll il-miżuri biex dan jinkiseb, għandhom jiġu riflessi wkoll fil-pjanijiet nazzjonali integrati tal-Istati Membri dwar l-enerġija u l-klima fir-rigward tad-dimensjoni ‘Suq Intern tal-Enerġija’ f’konformità mal-Artikoli 3, 4 u 7 tar-Regolament (UE) 2018/1999 u fir-rapporti ta’ progress nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima f’konformità mal-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament. L-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu objettivi nazzjonali indikattivi proviżorji sakemm jiġi adottat ir-rapport skont l-Artikolu 19e(1) ta’ dan ir-Regolament.

Wara l-valutazzjoni mwettqa f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2018/1999, il-Kummissjoni, wara li tirċievi l-objettiv nazzjonali indikattiv definit u kkomunikat mill-Istati Membri f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta r-rapporti nazzjonali.

Abbażi tal-konklużjonijiet tar-rapport elaborat bl-ewwel informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ tfassal strateġija tal-Unjoni dwar il-flessibbiltà, b’enfasi partikolari fuq ir-rispons tad-domanda u l-ħżin tal-enerġija, biex jiġi ffaċilitat l-użu tagħhom, li huwa konsistenti mal-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni għall-2030 u l-objettiv tan-newtralità klimatika tal-2050. Dik l-istrateġija tal-Unjoni dwar il-flessibbiltà tista’ tkun akkumpanjata, fejn xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

Artikolu 19g

Skemi ta’ appoġġ għall-flessibbiltà mhux fossili

1.   Fejn l-investiment fil-flessibbiltà mhux fossili ma jkunx biżżejjed biex jinkiseb l-objettiv nazzjonali indikattiv jew, fejn rilevanti, l-objettivi nazzjonali indikattivi proviżorji, definiti skont l-Artikolu 19f, l-Istati Membri jistgħu japplikaw skemi ta’ appoġġ għall-flessibbiltà mhux fossili li jikkonsistu f’pagamenti għall-kapaċità disponibbli ta’ flessibbiltà mhux fossili mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 12 u 13. L-Istati Membri li japplikaw mekkaniżmu ta’ kapaċità għandhom jikkunsidraw li jagħmlu l-adattamenti meħtieġa fit-tfassil tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità biex jippromwovu l-parteċipazzjoni ta’ flessibbiltà mhux fossili bħar-rispons min-naħa tad-domanda u l-ħżin tal-enerġija, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li dawk l-Istati Membri jużaw l-iskemi ta’ appoġġ għall-flessibbiltà mhux fossili msemmija f’dan il-paragrafu.

2.   Il-possibbiltà li l-Istati Membri japplikaw miżuri ta’ appoġġ għall-flessibbiltà mhux fossili skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jindirizzaw l-objettivi nazzjonali indikattivi tagħhom definiti skont l-Artikolu 19f b’mezzi oħra.

Artikolu 19h

Prinċipji ta’ tfassil għall-iskemi ta’ appoġġ għall-flessibbiltà mhux fossili

L-iskemi ta’ appoġġ għall-flessibbiltà mhux fossili applikati mill-Istati membri f’konformità mal-Artikolu 19g(1) għandhom:

(a)

ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv nazzjonali indikattiv, jew fejn rilevanti l-objettiv nazzjonali indikattiv proviżorju, definit skont l-Artikolu 19f b’mod kosteffettiv;

(b)

ikunu limitati għal investiment ġdid f’riżorsi ta’ flessibbiltà mhux fossili bħar-rispons min-naħa tad-domanda u l-ħżin tal-enerġija;

(c)

iqisu kriterji lokazzjonali biex jiġi żgurat li l-investimenti f’kapaċità ġdida jseħħu fl-aħjar postijiet;

(d)

ma jimplikawx ġenerazzjoni inizjali bbażata fuq il-fjuwils fossili li tinsab wara l-punt ta’ kejl;

(e)

jagħżlu l-fornituri tal-kapaċità permezz ta’ proċess miftuħ, trasparenti, kompetittiv, volontarju, nondiskriminatorju u kosteffettiv;

(f)

jipprevjenu distorsjonijiet bla bżonn għall-funzjonament effiċjenti tas-swieq tal-elettriku inkluż il-preservazzjoni ta’ inċentivi għal tħaddim effiċjenti u sinjali tal-prezzijiet u l-iskopertura għall-varjazzjoni fil-prezzijiet u għar-riskju tas-suq;

(g)

jipprovdu inċentivi għall-integrazzjoni fis-swieq tal-elettriku b’mod ibbażat fuq is-suq u b’mod li jirrispondi għas-suq, filwaqt li jiġu evitati distorsjonijiet bla bżonn tas-swieq tal-elettriku kif ukoll jitqiesu l-kostijiet possibbli tal-integrazzjoni tas-sistema u l-konġestjoni u l-istabbiltà tal-grilja;

(h)

jistabbilixxu livell minimu ta’ parteċipazzjoni fis-swieq tal-elettriku f’termini ta’ enerġija attivata, li jqis l-ispeċifiċitajiet tekniċi tal-assi li jwassal il-flessibbiltà;

(i)

japplikaw penali xierqa għall-fornituri tal-kapaċità li ma jirrispettawx il-livell minimu ta’ parteċipazzjoni fis-swieq tal-elettriku msemmi fil-punt (h), jew li ma jsegwux l-inċentivi għal tħaddim effiċjenti u s-sinjali tal-prezzijiet imsemmija fil-punt (f);

(j)

jippromwovu l-ftuħ tal-parteċipazzjoni transfruntiera ta’ dawk ir-riżorsi li huma kapaċi jipprovdu l-prestazzjoni teknika meħtieġa, fejn l-analiżi kost-benefiċċji tkun pożittiva.

(*8)   ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.”;"

(10)

l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri, meta jimplimentaw il-miżuri msemmija fl-Artikolu 20(3) ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikoli 107, 108 u 109 TFUE, jistgħu jintroduċu mekkaniżmi ta’ kapaċità.”

;

(b)

il-paragrafu 7 jitħassar;

(c)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Il-mekkaniżmi ta’ kapaċità għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni għal mhux aktar minn 10 snin. L-ammont tal-kapaċitajiet impenjati għandu jitnaqqas abbażi tal-pjanijiet ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 20(3). L-Istati Membri għandhom ikomplu japplikaw il-pjan ta’ implimentazzjoni wara l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kapaċità.”

;

(11)

fl-Artikolu 22(1), il-punt (a) jitħassar;

(12)

fl-Artikolu 37(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

it-twettiq tal-kalkolu tal-kapaċità koordinata f’konformità mal-metodoloġiji żviluppati skont il-linja gwida għall-allokazzjoni tal-kapaċità bil-quddiem, stabbilita bir-Regolament (UE) 2016/1719, il-linja gwida għall-allokazzjoni tal-kapaċità u għall-ġestjoni tal-konġestjoni stabbilita bir-Regolament (UE) 2015/1222 u l-linja gwida għall-ibbilanċjar tal-elettriku stabbilita bir-Regolament (UE) 2017/2195;”

;

(13)

fl-Artikolu 50, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.   L-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw b’mod trasparenti informazzjoni ċara dwar il-kapaċità disponibbli għal konnessjonijiet ġodda fiż-żoni ta’ tħaddim tagħhom bi granularità spazjali għolja, filwaqt li jirrispettaw is-sigurtà pubblika u l-kunfidenzjalità tad-data, inkluż il-kapaċità taħt talba għal konnessjoni u l-possibbiltà ta’ konnessjoni flessibbli f’żoni konġestjonati. Il-pubblikazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar il-kriterji għall-kalkolu tal-kapaċità disponibbli għal konnessjonijiet ġodda. L-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni għandhom jaġġornaw dik l-informazzjoni fuq bażi regolari, tal-inqas kull xahar.

L-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni għandhom jipprovdu b’mod trasparenti informazzjoni ċara lill-utenti tas-sistema dwar l-istatus u t-trattament tat-talbiet tagħhom għal konnessjoni inkluż, fejn rilevanti, informazzjoni relatata ma’ ftehimiet ta’ konnessjoni flessibbli. Huma għandhom jipprovdu din l-informazzjoni fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni tat-talba. Fejn il-konnessjoni mitluba la tiġi mogħtija u lanqas ma tkun rifjutata b’mod permanenti, l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni għandhom jaġġornaw dik l-informazzjoni fuq bażi regolari, tal-inqas kull tliet xhur.”

;

(14)

fl-Artikolu 57, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   L-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni u l-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni għandhom jikkooperaw ma’ xulxin biex jippubblikaw, b’mod konsistenti, informazzjoni konsistenti dwar il-kapaċità disponibbli għal konnessjonijiet ġodda fiż-żoni ta’ tħaddim rispettivi tagħhom, li tipprovdi viżibbiltà granulari suffiċjenti lill-iżviluppaturi ta’ proġetti ġodda tal-enerġija u lil utenti potenzjali oħra tan-network.”

;

(15)

l-Artikolu 59 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

regoli dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità u l-ġestjoni tal-konġestjoni skont l-Artikoli 7 sa 10, 13 sa 17, 19 u 35 sa 37 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2019/944, inkluż regoli dwar il-metodoloġiji u l-proċessi tal-kalkolu tal-kapaċità ta’ ġurnata bil-quddiem, tal-istess ġurnata u bil-quddiem, il-mudelli tal-grilja, il-konfigurazzjoni taż-żona tal-offerti, ir-ridispaċċ u t-tpartit, l-algoritmi ta’ negozjar, l-akkoppjament singolu ta’ ġurnata bil-quddiem u tal-istess ġurnata, l-għażliet ta’ governanza differenti, is-sodezza tal-kapaċità transżonali allokata, id-distribuzzjoni tal-introjtu mill-konġestjoni, id-dettalji u l-karatteristiċi speċifiċi tal-għodod imsemmija fl-Artikolu 9(3) ta’ dan ir-Regolament b’referenza għall-elementi speċifikati fil-paragrafi (4) u (5) tiegħu, l-allokazzjoni u l-faċilitazzjoni tan-negozjar tad-drittijiet finanzjarji ta’ trażmissjoni għal żmien twil mill-pjattaforma unika ta’ allokazzjoni kif ukoll il-frekwenza, il-maturità u n-natura speċifika ta’ tali drittijiet ta’ trażmissjoni għal żmien twil, l-iħħeġġjar tar-riskju tat-trażmissjoni transżonali, il-proċeduri ta’ nomina, u l-irkupru tal-kostijiet għall-allokazzjoni tal-kapaċità għall-ġestjoni tal-konġestjoni, u l-metodoloġija għall-kumpens tal-operaturi tal-impjanti tal-elettriku rinnovabbli lil hinn mill-kosta għat-tnaqqis tal-kapaċità;”

;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

regoli dwar il-konnessjoni man-network inkluż regoli dwar il-konnessjoni ta’ faċilitajiet tad-domanda konnessi għat-trażmissjoni, ta’ faċilitajiet tad-distribuzzjoni konnessi għat-trażmissjoni u tas-sistemi ta’ distribuzzjoni, il-konnessjoni ta’ unitajiet tad-domanda użati biex jipprovdu rispons tad-domanda, ir-rekwiżiti għall-konnessjoni tal-ġeneraturi mal-grilja u utenti oħra tas-sistema, ir-rekwiżiti għal konnessjoni mal-grilja b’kurrent dirett b’vultaġġ għoli, ir-rekwiżiti għal moduli ta’ parks tal-enerġija konnessi b’kurrent dirett ta’ konverżjoni u l-istazzjonijiet ta’ konverżjoni ta’ kurrent dirett ta’ vultaġġ għoli mbiegħda, u l-proċeduri ta’ notifika operazzjonali għal konnessjoni mal-grilja;”

;

(16)

fl-Artikolu 64, jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“2a.   B’deroga mill-Artikolu 6(9), (10) u (11), l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja, jistgħu jikkonkludu kuntratti finanzjarji għall-kapaċità tal-ibbilanċjar sa ħames snin qabel il-bidu tal-forniment tal-kapaċità tal-ibbilanċjar. It-tul ta’ żmien ta’ tali kuntratti ma għandux jestendi lil hinn minn tmien snin wara li l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja jkunu ssieħbu fiż-Żona Sinkronika tal-Ewropa Kontinentali.

L-awtoritajiet nazzjonali tal-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja jistgħu jippermettu lill-operaturi ta’ sistema ta’ trażmissjoni tagħhom jallokaw kapaċità transżonali fuq proċess ibbażat fuq is-suq kif stabbilit fl-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) 2017/2195, mingħajr limitazzjonijiet fil-volum sa sitt xhur wara l-jum li fih il-proċess koottimizzat tal-allokazzjoni jkun implimentat u operazzjonali b’mod sħiħ skont l-Artikolu 38(3) ta’ dak ir-Regolament.;

2b.   B’deroga mill-Artikolu 22(4), il-punt (b), l-Istati Membri jistgħu jitolbu biex kapaċità ta’ ġenerazzjoni li bdiet il-produzzjoni kummerċjali qabel l-4 ta’ Lulju 2019 u li tarmi aktar minn 550 g ta’ CO2 li joriġina mill-fjuwils fossili għal kull kWh ta’ elettriku u aktar minn 350 kg CO2 li joriġina mill-fjuwils fossili bħala medja fis-sena għal kull kWe installat, tkun soġġetta għal konformità mal-Artikoli 107 u 108 TFUE, tkun eċċezzjonalment impenjata jew tirċievi pagamenti jew impenji għal pagamenti futuri wara l-1 ta’ Lulju 2025 taħt mekkaniżmu ta’ kapaċità approvat mill-Kummissjoni qabel l-4 ta’ Lulju 2019.

2c.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-impatt tat-talba msemmija fil-paragrafu 2b f’termini ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Il-Kummissjoni tista’ tagħti d-deroga wara li tivvaluta r-rapport imsemmi fil-paragrafu 2d, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru jkun wettaq, fl-4 ta’ Lulju 2019 jew wara, proċess kompetittiv ta’ offerti skont l-Artikolu 22 u għal perjodu ta’ konsenja wara l-1 ta’ Lulju 2025, li għandu l-għan li jimmassimizza l-parteċipazzjoni tal-fornituri tal-kapaċità li jissodisfaw ir-rekwiżiti fl-Artikolu 22(4);

(b)

l-ammont ta’ kapaċità offrut fil-proċess kompetittiv ta’ offerti msemmi fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu ma jkunx biżżejjed biex jindirizza t-tħassib dwar l-adegwatezza kif identifikat skont l-Artikolu 20(1) għall-perjodu ta’ konsenja kopert minn dak il-proċess ta’ offerti;

(c)

il-kapaċità ta’ ġenerazzjoni li tarmi aktar minn 550 g ta’ CO2 li joriġina mill-fjuwils fossili għal kull kWh ta’ elettriku tkun impenjata jew tirċievi pagamenti jew impenji għal pagamenti futuri għal perjodu li ma jaqbiżx sena, u għal perjodu ta’ konsenja li ma jaqbiżx it-tul tad-deroga, u tkun akkwistata permezz ta’ proċess ta’ akkwist addizzjonali li jikkonforma mar-rekwiżiti kollha fl-Artikolu 22, għajr dawk stabbiliti fil-paragrafu 4, il-punt (b) ta’ dak l-Artikolu u esklużivament għall-ammont ta’ kapaċità li huwa meħtieġ biex jissolva t-tħassib dwar l-adegwatezza msemmi fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu.

Id-deroga skont dan il-paragrafu tista’ tiġi applikata sal-31 ta’ Diċembru 2028, dment li jkun hemm konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fih għat-tul kollu tad-deroga.

2d.   It-talba għad-deroga msemmija fil-paragrafu 2b għandha tkun akkumpanjata minn rapport tal-Istat Membru li għandu jinkludi:

(a)

valutazzjoni tal-impatt tad-deroga f’termini ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u fuq it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, iż-żieda fil-flessibbiltà, il-ħżin tal-enerġija, l-elettromobbiltà u r-rispons tad-domanda;

(b)

pjan bi stadji importanti għat-tranżizzjoni lil hinn mill-parteċipazzjoni tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni msemmija fil-paragrafu 2b fil-mekkaniżmi ta’ kapaċità sad-data tal-iskadenza tad-deroga, inkluż pjan għall-akkwist tal-kapaċità ta’ sostituzzjoni meħtieġa f’konformità mat-trajettorja nazzjonali indikattiva għas-sehem ġenerali ta’ enerġija rinnovabbli u valutazzjoni tal-ostakli għall-investiment li jikkawżaw in-nuqqas ta’ offerti suffiċjenti fil-proċedura kompetittiva ta’ offerti msemmija fil-paragrafu 2c, il-punt (a).”

;

(17)

l-Artikolu 69 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Sat-30 ta’ Ġunju 2026, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina dan ir-Regolament u għandha tippreżenta rapport komprensiv lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill abbażi ta’ dak ir-rieżami, akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva fejn xieraq.

Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jivvaluta, fost oħrajn:

(a)

l-effettività tal-istruttura u l-funzjonament attwali tas-swieq tal-elettriku għal żmien qasir, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi jew ta’ emerġenza, u, b’mod ġenerali, l-ineffiċjenzi potenzjali li jikkonċernaw is-suq intern tal-elettriku u l-għażliet differenti għall-introduzzjoni ta’ rimedji u għodod possibbli li għandhom jiġu applikati f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi jew ta’ emerġenza fid-dawl tal-esperjenza fil-livell internazzjonali u tal-evoluzzjoni u l-iżviluppi ġodda fis-suq intern tal-elettriku;

(b)

l-adegwatezza tal-qafas legali u ta’ finanzjament attwali tal-Unjoni dwar il-grilji ta’ distribuzzjoni biex jintlaħqu l-objettivi tas-suq tal-enerġija rinnovabbli u tas-suq intern tal-enerġija tal-Unjoni.

(c)

f’konformità mal-Artikolu 19a, il-potenzjal u l-vijabbiltà tal-istabbiliment ta’ pjattaforma tas-suq tal-Unjoni waħda jew aktar għall-PPAs, li għandhom jintużaw fuq bażi volontarja, inkluż l-interazzjoni ta’ dawk il-pjattaformi potenzjali ma’ pjattaformi oħra tas-suq tal-elettriku eżistenti u l-ġbir flimkien tad-domanda għall-PPAs permezz tal-aggregazzjoni.”

;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Sas-17 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dettaljat li jivvaluta l-possibbiltajiet ta’ razzjonalizzazzjoni u simplifikazzjoni tal-proċess biex jiġi applikat mekkaniżmu ta’ kapaċità skont il-Kapitolu IV, sabiex jiġi żgurat li t-tħassib dwar l-adegwatezza jkun jista’ jiġi indirizzat mill-Istati Membri fil-ħin opportun. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni għandha titlob li l-ACER temenda l-metodoloġija għall-valutazzjoni Ewropea tal-adegwatezza tar-riżorsi msemmija fl-Artikolu 23 f’konformità mal-Artikoli 23 u 27, kif xieraq.

Sas-17 ta’ April 2025, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-Istati Membri, tippreżenta proposti bil-ħsieb li jiġi razzjonalizzat u ssimplifikat il-proċess tal-valutazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità, kif xieraq.”

;

(18)

jiżdied l-artikolu li ġej:

Artikolu 69a

Interazzjoni mal-atti legali finanzjarji tal-Unjoni

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 648/2012 u (UE) Nru 600/2014 u tad-Direttiva (UE) 2014/65/UE fir-rigward tal-attivitajiet tal-parteċipanti fis-suq jew tal-operaturi tas-suq li jinvolvu strumenti finanzjarji kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (15), tad-Direttiva 2014/65/UE.”

;

(19)

fl-Anness I, il-punt 1.2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.2.

Il-kalkolu tal-kapaċità koordinata għandu jsir għall-perjodi ta’ żmien kollha tal-allokazzjoni.”.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU C 293, 18.8.2023, p. 112.

(2)   ĠU C, C/2023/253, 26.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/253/oj.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2024.

(4)   ĠU L 198, 22.7.2006, p. 18.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2022/1032 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009 fir-rigward tal-ħżin tal-gass (ĠU L 173, 30.6.2022, p. 17).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 tal-5 ta’ Awwissu 2022 dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass (ĠU L 206, 8.8.2022, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas-6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija (ĠU L 261 I, 7.10.2022, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2577 tat-22 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi qafas biex jitħaffef il-varar tal-enerġija rinnovabbli (ĠU L 335, 29.12.2022, p. 36).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 22).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54).

(12)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

(13)  Id-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210).

(14)  Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).

(15)  Ir-Regolament (UE) 2022/869 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2022 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2009, (UE) 2019/942 u (UE) 2019/943 u d-Direttivi 2009/73/KE u (UE) 2019/944, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 (ĠU L 152, 3.6.2022, p. 45).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(17)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(18)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1719 tas-26 ta’ Settembru 2016 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-allokazzjoni bil-quddiem tal-kapaċità (ĠU L 259, 27.9.2016, p. 42).

(19)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU L 197, 25.7.2015, p. 24).

(20)  Id-Direttiva (UE) 2023/2413 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ottubru 2023 li temenda d-Direttiva (UE) 2018/2001, ir-Regolament (UE) 2018/1999 u d-Direttiva 98/70/KE fir-rigward tal-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652 (ĠU L, 2023/2413, 31.10.2023, ELI: http://eur-lex.europa.eu/eli/dir/2023/2413/oj).

(21)  Id-Direttiva (UE) 2024/.. tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li temenda d-Direttivi (UE) 2018/2001 u (UE) 2019/944 fir-rigward tat-titjib tat-tfassil tas-suq tal-elettriku tal-Unjoni (ĠU L, 2024/1711, 26.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1711/oj).

(22)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2195 tat-23 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku (ĠU L 312, 28.11.2017, p. 6).

(23)  Ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1).

(24)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(25)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1747/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)