European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1739

24.6.2024

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2024/1739

tal-24 ta’ Ġunju 2024

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 (2) jagħti effett lill-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2014/145/PESK.

(2)

Fil-24 ta’ Ġunju 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1738 (3) li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK. Id-Deċiżjoni (PESK) 2024/1738 tintroduċi deroga li tippermetti r-rilaxx ta’ fondi li ġew ffriżati minħabba l-involviment ta’ bank intermedjarju elenkat fit-trasferiment tagħhom, bil-kundizzjonijiet li t-trasferiment ikun bejn żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi mhux elenkati u jitwettaq bl-użu ta’ kontijiet f’istituzzjonijiet ta’ kreditu mhux elenkati. Id-Deċiżjoni (PESK) 2024/1738 tintroduċi wkoll deroga li tippermetti r-rilaxx ta’ fondi li ġew iffriżati minħabba l-involviment ta’ bank emittenti elenkat fit-trasferiment tagħhom bil-kundizzjoni li t-trasferiment ikun bejn żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi mhux elenkati.

(3)

Huwa xieraq li jiġi ċċarat li l-protezzjoni kontra r-responsabbiltà li tingħata lill-operaturi jekk ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida biex jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-miżuri restrittivi tal-Unjoni ma tistax tiġi invokata meta l-operaturi tal-Unjoni jkunu naqsu milli jwettqu d-diliġenza dovuta xierqa. Huwa xieraq li l-informazzjoni disponibbli pubblikament jew faċilment disponibbli titqies b’mod dovut meta titwettaq tali diliġenza dovuta. Għalhekk, pereżempju, operatur tal-Unjoni ma jistax jinvoka b’suċċess tali protezzjoni meta jiġi akkużat li kiser il-miżuri restrittivi rilevanti minħabba li jkun naqas milli jwettaq sempliċi verifiki jew spezzjonijiet.

(4)

Sabiex jiġi żgurat allinjament mal-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-72/11, id-dispożizzjoni li tipprojbixxi ċ-ċirkomvenzjoni jenħtieġ li tiġi emendata biex jiġi ċċarat li r-rekwiżiti ta’ għarfien u ta’ rieda jiġu ssodisfati mhux biss meta persuna tfittex deliberatament l-għan jew l-effett li tevita l-miżuri restrittivi iżda wkoll meta persuna li tipparteċipa f’attività li jkollha l-għan jew l-effett li tevita l-miżuri restrittivi tkun konxja li tali parteċipazzjoni jista’ jkollha dak l-għan jew dak l-effett, u taċċetta dik il-possibbiltà.

(5)

Huwa xieraq li tiġi introdotta dispożizzjoni li tippermetti liċ-ċittadini u lill-kumpaniji tal-Istati Membri jiksbu kumpens minn individwi u entitajiet Russi li kkawżawlhom danni. Dan jinkludi danni kkawżati lil kumpaniji l huma għandhom is-sjieda tagħhom jew li jikkontrollaw, b’rabta ma’ kuntratt jew tranżazzjoni li t-twettiq tagħhom kien affettwat mill-miżuri imposti skont ir-Regolament (UE) Nru 269/2014, dment li ċ-ċittadin jew il-kumpanija tal-Istati Membri kkonċernati ma jkollhomx aċċess effettiv għal rimedji, pereżempju taħt it-trattat bilaterali ta’ investiment rilevanti. Tali kumpens jista’ jintalab quddiem il-qrati tal-Istati Membri f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u tal-Istati Membri dwar il-ġurisdizzjoni u l-proċeduri tal-qrati f’kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, inkluż dawk li jikkonċernaw proċeduri ta’ possibbli ta’ rimedju interim.

(6)

Bil-ħsieb li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-azzjoni ta’ infurzar, huwa xieraq li l-Istati Membri jirrapportaw dwar il-penali imposti għal ksur tal-miżuri restrittivi.

(7)

Fejn persuna fiżika jew ġuridika volontarjament, kompletament u fi żmien debitu tiżvela ksur tal-miżuri restrittivi, jenħtieġ li jkun possibbli li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jqisu dik l-awtodivulgazzjoni meta japplikaw il-penali, kif xieraq, f’konformità mal-liġi amministrattiva nazzjonali jew ma’ liġi jew regoli rilevanti nazzjonali oħrajn. Japplikaw il-miżuri meħuda mill-Istati Membri skont id-Direttiva (UE) 2024/1226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-rekwiżiti li jinsabu fiha fir-rigward taċ-ċirkostanzi ta’ mitigazzjoni.

(8)

Skont l-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni li tippreserva l-paċi, li ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali u li tippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, u b’mod aktar speċifiku l-objettivi segwiti bid-Deċiżjoni 2014/145/PESK, huwa xieraq li jiġi żgurat li d-dokumenti miżmuma mill-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) dwar l-infurzar tal-miżuri restrittivi stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 269/2014, jew dwar il-prevenzjoni tal-ksur jew iċ-ċirkomvenzjoni ta’ dawk il-miżuri, ikunu soġġetti għas-segretezza professjonali u jgawdu l-protezzjoni mogħtija mir-regoli applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, peress li l-informazzjoni li tinsab f’dak id-dokumenti tista’ tintuża biex tostakola l-infurzar ta’ dawk il-miżuri jew biex tiġi kompromessa l-effettività tagħhom, peress li l-persuni u l-entitajiet ikkonċernati jistgħu jaġixxu b’tali mod li jipprevjeni l-infurzar tagħhom.. Jenħtieġ li dik il-protezzjoni tiġi żgurata wkoll għall-proposti konġunti mir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni għall-emenda tar-Regolament (UE) Nru 269/2014 u kwalunkwe dokument preparatorju marbut miegħu, billi d-divulgazzjoni tagħhom tista’ taffettwa l-effettività tal-miżuri li jinsabu fid-Deċiżjoni 2014/145/PESK u f’dak ir-Regolament u t-tħejjija ta’ proposti futuri u n-negozjati abbażi tagħhom. Ċerti miżuri li huma inklużi f’dawn il-proposti konġunti, u li ma jistgħux jiġu adottati mill-Kunsill għal raġunijiet differenti, spiss jiġu inklużi mir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni fi proposti sussegwenti. Huwa importanti li s-setgħa ta’ inizjattiva tiġi protetta minn kull influwenza li ssir minn interessi pubbliċi jew privati li jippruvaw, lil hinn minn konsultazzjonijiet organizzati, iġiegħlu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-servizzi tal-Unjoni jipproponu, jadottaw, jemendaw jew jaqblu dwar emenda. Id-divulgazzjoni tagħhom tista’ tagħmel il-miżuri ġodda possibbli ta’ ffriżar tal-assi ineffettivi minħabba l-fatt li l-adozzjoni maħsuba tagħhom tkun diġà ġiet żvelata. B’hekk, għandu jiġi preżunt li d-divulgazzjoni ta’ dawk id-dokumenti tagħmel ħsara lis-sigurtà tal-Unjoni jew dik ta’ Stat Membru wieħed jew aktar tagħha jew kif imexxu r-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom.

(9)

Dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni.

(10)

Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 269/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 6b, jiddaħlu l-paragrafi li ġejjin:

“5h.   B’deroga mill-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, u sakemm il-fondi kkonċernati jkunu ġew iffriżati bħala riżultat tal-involviment ta’ persuna ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament li jaġixxu bħala bankintermedjarju matul trasferiment ta’ dawk il-fondi mill-Federazzjoni Russa għall-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu, skont dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi ffriżati, wara li jkunu ddeterminaw li t-trasferiment ta’ tali fondi:

(a)

ikun bejn żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li mhumiex elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(b)

isir bl-użu ta’ kontijiet f’istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra li mhumiex elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament; u

(c)

ma jkunx bi ksur tal-Artikolu 2(2) jew l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament.

Dan il-paragrafu ma għandux japplika fir-rigward ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati miżmuma minn Depożitorji ċentrali tat-titoli skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

5i.   B’deroga mill-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, u dment li l-ħlas ikkonċernat ġie ffriżat bħala riżultat ta’ trasferiment mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni mibdi permezz jew minn persuna ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kundizzjonijiet li jqisu bħala xierqa, ir-rilaxx ta’ dak il-ħlas iffriżat, wara li jkunu ddeterminaw li t-trasferiment ta’ dak il-ħlas:

(a)

ikun bejn żewġ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li mhumiex elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament; u

(b)

ma jiksirx l-Artikolu 2(2) jew l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament.

Dan il-paragrafu ma għandux japplika fir-rigward ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati miżmuma minn Depożitorji ċentrali tat-titoli skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.

Il-benefiċjarji ta’ trasferiment kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom ikunu biss ċittadini ta’ Stat Membru, ta’ pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jew tal-Iżvizzera, jew persuni fiżiċi li jkollhom permess ta’ residenza temporanja jew permanenti fi Stat Membru, f’pajjiż membru taż-Żona Ekonomika Ewropea jew fl-Iżvizzera.

Skont dan il-paragrafu, tista’ tingħata awtorizzazzjoni waħda għal kull applikant.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu fi żmien ġimgħa mill-awtorizzazzjoni.”

;

(2)

fl-Artikolu 9, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun iċ-ċirkomvenzjoni tal-projbizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, inkluż il-parteċipazzjoni f’tali attivitajiet mingħajr ma wieħed ifittex deliberatament dak l-għan jew l-effett iżda jkun konxju li lparteċipazzjoni jista’ jkollha dak l-għan jew effett u jaċċetta dik il-possibbiltà.”

;

(3)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

Artikolu 11a

Kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 17, il-punt (c) jew (d), għandha tkun intitolata li tirkupra, fi proċeduri ġudizzjarji quddiem il-qrati kompetenti tal-Istat Membru, kwalunkwe dannu, inklużi spejjeż legali, imġarrba minn dik il-persuna bħala konsegwenza ta’ talbiet imressqa quddiem qrati f’pajjiżi terzi minn persuni, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 11(1), il-punt (a) jew (b), b’rabta ma’ kwalunkwe kuntratt jew tranżazzjoni li l-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, kompletament jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, dment li l-persuna kkonċernata ma jkollhiex aċċess effettiv għar-rimedji taħt il-ġuriżdizzjoni rilevanti.”

;

(4)

fl-Artikolu 12(1), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

fir-rigward ta’ problemi ta’ ksur u infurzar, penali applikati għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.”

;

(5)

fl-Artikolu 15, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali, inkluż kif xieraq penali kriminali, applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, u jistgħu jqisu l-awtodivulgazzjoni volontarja tal-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament bħala fattur mitiganti, f’konformità mal-liġi nazzjonali rispettiva. L-Istati Membri għandhom jipprevedu wkoll miżuri xierqa ta’ konfiska tar-rikavat minn tali ksur.”

;

(6)

l-Artikolu 16a huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 16a

1.   Kwalunkwe informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni jew li hija tirċievi f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tintuża mill-Kummissjoni għall-għanijiet li għalihom tkun ingħatat jew ġiet riċevuta biss.

2.   Kull dokument miżmum mill-Kunsill, il-Kummissjoni jew ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (‘ir-Rappreżentant Għoli’) għall-fini li jiġi żgurat l-infurzar tal-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament, jew tal-prevenzjoni tal-ksur jew iċ-ċirkumvenzjoni tiegħu, għandu jkun soġġett għas-segretezza professjonali u għandu jgawdi mill-protezzjoni mogħtija mir-regoli applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dik il-protezzjoni għandha tapplika għall-proposti konġunti mir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni għall-emenda ta’ dan ir-Regolament u għal kull dokument ta’ tħejjija marbut magħhom.

Għandu jiġi preżunt li d-divulgazzjoni ta’ kwakunkwe dokument jew proposta msemmija fl-ewwel subparagrafu tagħmel ħsara lis-sigurtà tal-Unjoni jew dik ta’ Stat Membru wieħed jew aktar tagħha jew kif imexxu r-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-24 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1738 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L, 2024/1738, 24.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1738/oj).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2024/1226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u ta’ penali għall-ksur ta’ miżuri restrittivi tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva (UE) 2018/1673 (ĠU L, 2024/1226, 29.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1226/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1739/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)