European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1734

24.6.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1734

tal-21 ta’ Ġunju 2024

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 686/2012 fir-rigward tal-allokazzjoni lill-Istati Membri, għall-finijiet tal-proċedura ta' tiġdid, tal-evalwazzjoni tas-sustanza attiva deltametrina

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 686/2012 (2) jalloka l-evalwazzjoni tas-sustanzi attivi deltametrina, diflufenikan, epossikonażol, fluwossastrobin, protijokonażol u tebukonażol għall-finijiet tal-proċeduri ta’ tiġdid lill-Istati Membri rispettivi, u għal kull sustanza attiva jsemmi relatur u korelatur.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/150 (3) ibiddel l-allokazzjoni tal-evalwazzjoni ta’ dawk is-sustanzi attivi lil Stati Membri relaturi oħra rispettivament, wara n-notifika mressqa mir-Renju Unit bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(3)

L-allokazzjoni hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li l-evalwazzjoni tas-sustanzi attivi kkonċernati tinsab fi stadju avvanzat u l-ħidma li għandha titwettaq mistennija li tkun minuri. Għalhekk, l-ebda Stat Membru korelatur ma huwa allokat għal dik l-evalwazzjoni.

(4)

Madankollu, fit-28 ta’ Awwissu 2023, l-Awtorità talbet, skont l-Artikolu 13(3a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (4), informazzjoni addizzjonali għas-sustanza attiva deltametrina, għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kriterji għall-approvazzjoni stabbiliti fil-punti 3.6.5 u 3.8.2 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(5)

Billi l-Iżvezja hija l-awtorità kompetenti li tevalwa għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva deltametrina f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), huwa meqjus xieraq, bil-ħsieb li jiġu ffaċilitati l-koerenza u l-effiċjenza fl-evalwazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u r-Regolament (UE) Nru 528/2012, li l-Iżvezja tiġi allokata bħala Stat Membru korelatur għall-finijiet tat-tiġdid tal-approvazzjoni tad-deltametrina.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 686/2012 jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 686/2012, l-entrata għad-Deltametrina hija sostitwita b’dan li ġej:

Sustanza attiva

Stat Membru Relatur

Stat Membru Korelatur

“Deltametrina

AT

SE”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1107/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 686/2012 tas-26 ta’ Lulju 2012 li jalloka lill-Istati Membri, għall-finijiet tal-proċedura ta’ tiġdid, l-evalwazzjoni tas-sustanzi attivi (ĠU L 200, 27.7.2012, p. 5., ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/686/2023-10-08).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/150 tat-30 ta’ Jannar 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 686/2012 fir-rigward l-Istat Membru relatur għall-evalwazzjoni ta' dawn is-sustanzi attivi li jinsabu fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti: id-deltametrina, id-diflufenikan, l-epoksikonażol, il-fluwossastrob, il-protijokonażol u t-tebukonażol (ĠU L 27, 31.1.2019, p. 23, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/150/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26, ELI:http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/844/2020-02-13).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/2022-04-15).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1734/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)