Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
2024/1700 |
18.6.2024 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1700
tal-5 ta’ Marzu 2024
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni relatata mal-impatti avversi prinċipali tal-assi ffinanzjati mill-iskoperturi sottostanti fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà ta’ titolizzazzjoni tradizzjonali sempliċi, trasparenti u standardizzata mhux ABCP, u ta’ titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata fil-karta tal-bilanċ
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(6), u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 26d(6) tiegħu,
Billi:
(1) |
Sabiex jiġi żgurat li l-investituri jkollhom l-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-impatti fuq is-sostenibbiltà tal-investimenti tagħhom, id-divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà jenħtieġ li jkunu ċari, konċiżi u prominenti biżżejjed. |
(2) |
Sabiex tittejjeb il-komparabbiltà tal-impatti avversi prinċipali tal-assi ffinanzjati mill-iskoperturi sottostanti fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà, huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn, fuq naħa waħda, indikaturi tal-impatti negattivi li, abbażi tal-materjalità tal-iskoperturi tagħhom, dejjem iwasslu għal impatti avversi prinċipali, u, fuq in-naħa l-oħra, indikaturi addizzjonali ta’ impatti negattivi li l-oriġinaturi jqisuhom bħala partikolarment rilevanti. |
(3) |
Peress li l-informazzjoni mhux dejjem tista’ tkun faċilment disponibbli għall-indikaturi tas-sostenibbiltà kollha, jenħtieġ li l-oriġinaturi jkunu obbligati jirrapportaw biss dwar mill-anqas indikatur addizzjonali wieħed tal-impatti avversi prinċipali relatati mal-klima jew fatturi oħra ta’ sostenibbiltà relatati mal-ambjent, u dwar mill-anqas indikatur addizzjonali wieħed tal-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà relatati mal-governanza jew is-soċjetà. |
(4) |
F’dak li jikkonċerna l-indikaturi kollha, meta jitqies li l-informazzjoni dwar l-impatti negattivi prinċipali tista’ ma tkunx disponibbli faċilment, l-oriġinaturi jenħtieġ li jitħallew jużaw id-data li jkunu kisbu direttament mingħand id-debituri jew mingħand esperti esterni, jew li jużaw suppożizzjonijiet li jqisuhom raġonevoli. Madankollu, jenħtieġ li l-oriġinaturi jipprovdu spjegazzjoni dettaljata ta’ kif użaw l-aħjar sforzi tagħhom biex jiksbu informazzjoni dwar l-impatti avversi prinċipali minn tali debituri, esperti esterni, jew billi jagħmlu suppożizzjoni raġonevoli. |
(5) |
Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2017/2402 flimkien mal-punt (a) tal-Artikolu 7(1) ta’ dak ir-Regolament, l-informazzjoni relatata mat-titolizzazzjonijiet fejn għandu jitfassal prospett għandha ssir disponibbli permezz ta’ repożitorju tat-titolizzazzjoni rreġistrat mal-ESMA. Sabiex jiġi ffaċilitat it-traċċar tal-informazzjoni dwar l-impatti avversi prinċipali magħmula disponibbli permezz ta’ dak ir-repożitorju tat-titolizzazzjoni, jenħtieġ li l-oriġinaturi jużaw kodiċi tal-entrata li jkun konsistenti mal-kodiċijiet stabbiliti fit-Tabella 3 tal-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1224. (2) |
(6) |
Kemm it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 22(4) kif ukoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 26d(4) tar-Regolament (UE) 2017/2402 jirreferu għall-informazzjoni disponibbli dwar l-impatti avversi prinċipali tal-assi ffinanzjati mill-iskoperturi sottostanti fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà. Sabiex l-oriġinaturi jifhmu b’mod komprensiv l-obbligi li jiddivulgaw tali informazzjoni u biex jiżguraw il-koerenza bejn ir-regoli u l-mudelli standardizzati għad-divulgazzjonijiet ta’ tali impatti avversi prinċipali fuq fatturi ta’ sostenibbiltà li jikkonċernaw, fuq naħa waħda, titolizzazzjonijiet STS tradizzjonali mhux ABCP u, fuq in-naħa l-oħra, titolizzazzjonijiet STS fil-karta tal-bilanċ, huwa xieraq li l-istandards tekniċi regolatorji, li jenħtieġ li jidħlu fis-seħħ fl-istess waqt, jiġu inklużi f’Regolament wieħed. |
(7) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati ppreżentati mill-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni. |
(8) |
Il-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej imsemmi fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) għamel konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizza l-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talab il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Oqsma tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, u tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Prinċipji ġenerali għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni
1. L-oriġinaturi għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba minn dan ir-Regolament billi jużaw il-mudelli, id-definizzjonijiet u l-formuli stabbiliti fl-Anness u b’mod li jkun prominenti, sempliċi, konċiż, komprensibbli, ġust, ċar, u li ma jiżgwidax.
2. L-oriġinaturi għandhom jagħmlu l-informazzjoni mitluba minn dan ir-Regolament disponibbli f’format elettroniku bil-possibbiltà li jsir tiftix.
3. L-oriġinaturi għandhom jagħmlu l-informazzjoni mitluba minn dan ir-Regolament disponibbli f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2017/2402.
4. L-oriġinaturi li jagħżlu li jiddivulgaw l-informazzjoni relatata mal-impatti avversi prinċipali tal-assi ffinanzjati mill-iskoperturi sottostanti fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà, minflok l-informazzjoni disponibbli relatata mal-prestazzjoni ambjentali tal-assi ffinanzjati minn self residenzjali jew self għal karozzi jew lokazzjonijiet, għandhom jużaw l-“Opzjonijiet Ebda Data” (“ND” - “No Data”) fl-oqsma RREC10 u RREC11 fl-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1224 u fl-oqsma AUTL57 u AUTL58 fl-Anness V ta’ dak ir-Regolament.
Artikolu 2
Dikjarazzjoni dwar l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà tal-assi ffinanzjati mill-iskoperturi sottostanti tat-titolizzazzjoni
1. L-oriġinaturi għandhom jippubblikaw id-dikjarazzjoni dwar l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà fil-format stabbilit fit-Tabelli 1, 2 u 3 tal-Anness.
2. Fit-taqsima fil-qosor f’Tabella 1 tal-Anness, il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għandhom jinkludu dan kollu li ġej:
(a) |
l-identifikatur uniku tat-titolizzazzjoni; |
(b) |
fejn disponibbli, in-numri internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (kodiċijiet ISIN) ta’ kull segment jew bonds fit-titolizzazzjoni; |
(c) |
il-fatt li jitqiesu l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà; |
(d) |
il-perjodu ta’ referenza tad-dikjarazzjoni dwar l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà; |
(e) |
għal kull tip ta’ assi fl-aggregazzjoni tat-titolizzazzjoni, il-bilanċ tal-kapital kurrenti totali tal-iskoperturi sottostanti; |
(f) |
sommarju l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà tal-assi ffinanzjati mill-iskoperturi sottostanti. |
It-taqsima fil-qosor ma għandhiex tkun twila aktar minn żewġ naħat ta’ karta ta’ daqs A4 meta tiġi stampata.
3. Fit-Taqsima “Spjegazzjoni ta’ kif l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà tal-assi ffinanzjati mill-iskoperturi sottostanti tat-titolizzazzjoni jitqiesu fl-għażla tal-iskoperturi sottostanti li għandhom jiżdiedu mal-aggregazzjoni meta ssir l-offerta jew matul il-ħajja tat-titolizzazzjoni” fit-Tabella 1 tal-Anness, l-oriġinaturi għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha li ġejja:
(a) |
deskrizzjoni ta’ kwalunkwe kriterju jew limitu numeriku applikabbli għall-kompożizzjoni tal-aggregazzjoni ta’ skoperturi sottostanti fit-titolizzazzjoni relatata mal-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà tal-assi ffinanzjati mill-iskoperturi sottostanti fl-aggregazzjoni; |
(b) |
deskrizzjoni ta’ kwalunkwe test, avveniment u skattar relatat ma’ dawk l-impatti avversi prinċipali; |
(c) |
referenzi ċari għall-paġni u t-taqsimiet rilevanti fid-dokument tal-offerta finali jew, fejn rilevanti, il-prospett, u d-dokumenti tal-għeluq tat-tranżazzjoni fejn jiġu deskritti dawk il-limiti, it-testijiet, l-avvenimenti, jew l-iskattaturi; |
(d) |
spjegazzjoni qasira dwar jekk u, jekk iva, kif, l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà jitqiesu fil-kriterji tal-għoti tal-kreditu tal-oriġinatur; |
(e) |
referenzi ċari u iperlinks għal kwalunkwe divulgazzjoni pubblika disponibbli li fih jiġu deskritti l-kriterji msemmija fil-punt (a). |
Meta l-informazzjoni relatata ma’ kwalunkwe wieħed mill-indikaturi tal-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà kif stabbilit fl-Anness ma tkunx faċilment disponibbli, f’dik it-taqsima l-oriġinaturi għandhom jinkludu dettalji tal-aħjar sforzi li saru biex tinkiseb dik l-informazzjoni mingħand l-obbliganti, l-esperti esterni, jew billi jagħmlu suppożizzjonijiet raġonevoli.
4. Għall-finijiet tal-ispjegazzjoni qasira msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 3, l-oriġinaturi jistgħu jipprovdu wkoll referenzi għall-kodiċijiet rilevanti tal-kondotta fin-negozju u għall-istandards rikonoxxuti internazzjonalment għad-diliġenza dovuta u għar-rapportar li aderixxew magħhom.
5. Fit-Taqsima “Deskrizzjoni tal-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà tal-assi ffinanzjati mill-iskoperturi sottostanti tat-titolizzazzjoni” fit-Tabella 1 tal-Anness, l-oriġinaturi għandhom jiddeskrivu l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà tal-assi ffinanzjati mill-iskoperturi sottostanti tat-titolizzazzjoni, u jipprovdu l-informazzjoni kollha li ġejja:
(a) |
informazzjoni disponibbli dwar l-indikaturi relatati mal-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà kif stabbilit fit-Tabella 1 tal-Anness; |
(b) |
informazzjoni dwar indikatur addizzjonali wieħed jew aktar relatati mal-klima u ma’ indikaturi oħrajn relatati mal-ambjent, kif stabbilit fit-Tabella 2 tal-Anness; |
(c) |
informazzjoni dwar indikatur addizzjonali wieħed jew aktar għal kwistjonijiet soċjali u tal-impjegati, għar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, għall-kwistjonijiet ta’ ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra t-tixħim, kif stabbilit fit-Tabella 3 tal-Anness; |
(d) |
informazzjoni disponibbli dwar kwalunkwe indikatur ieħor li jintuża għall-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà kif stabbilit fit-Tabella 1 tal-Anness. |
Meta l-oriġinatur ikun ipprovda mill-inqas dikjarazzjoni preċedenti waħda dwar l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà f’konformità ma’ dan l-Artikolu, l-oriġinatur għandu jipprovdi tqabbil storiku bejn il-perjodu kurrenti rrapportat dwaru u kull perjodu preċedenti rrapportat sal-aħħar erba’ perjodi preċedenti.
6. Meta d-dikjarazzjoni dwar l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà ssir disponibbli permezz ta’ repożitorju tat-titolizzazzjoni, għandu jintuża l-kodiċi tal-entrata 1 tat-Tabella 3 tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1224.
7. Oriġinatur li jidentifika żbalji fattwali fi kwalunkwe informazzjoni li jkun għamel disponibbli skont il-paragrafi 1 sa 6 għandu jikkoreġi dawk l-iżbalji u jippubblika dikjarazzjoni kkoreġuta dwar l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà mingħajr dewmien żejjed.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Marzu 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/2402/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1224 tas-16 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni u d-dettalji biex titolizzazzjoni ssir disponibbli mill-oriġinatur, sponsor u SSPE (ĠU L 289, 3.9.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/1224/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1093/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1094/oj).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84), ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1095/oj).
ANNESS
MUDELL TA’ DIKJARAZZJONI DWAR L-IMPATTI NEGATTIVI PRINĊIPALI FUQ IS-SOSTENIBBILTÀ
Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1. |
“identifikatur uniku tat-titolizzazzjoni” tfisser identifikatur uniku kif imsemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/1224; |
2. |
“emissjonijiet speċifiċi tas-CO2” tfisser “emissjonijiet speċifiċi tas-CO2” kif definiti fl-Artikolu 3(1)(h) tar-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1); |
3. |
“Mira għall-flotta kollha tal-UE” tfisser “mira għall-flotta kollha tal-UE” kif definita fl-Artikolu 3(1)(k) tar-Regolament (UE) 2019/631; |
4. |
“użu mill-ġdid” tfisser “użu mill-ġdid” kif definit fl-Artikolu 4(13) tad-Direttiva 2005/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2); |
5. |
“possibbiltà ta’ riċiklaġġ” tfisser “possibbiltà ta’ riċiklaġġ” kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (14) tad-Direttiva 2005/64/KE; |
6. |
“possibbiltà ta’ rkupru” tfisser “possibbiltà ta’ rkupru” kif definita fl-Artikolu 4, il-punt (15) tad-Direttiva 2005/64/KE; |
7. |
“effiċjenza tar-riċiklaġġ” ta’ proċess tar-riċiklaġġ tal-batteriji tfisser il-proporzjon miksub billi l-massa tal-frazzjonijiet tal-output li jikkostitwixxi r-riċiklaġġ tiġi diviża bil-massa tal-frazzjonijiet tal-input tal-iskart ta’ batteriji, espressa bħala perċentwal; |
8. |
“vettura b’emissjonijiet żero jew baxxi” tfisser “vettura b’emissjonijiet żero jew baxxi” kif definita fl-Artikolu 3(1), il-punt (m), tar-Regolament (UE) 2019/631; |
9. |
“vetturi fil-kategoriji M1 jew N1” tfisser vetturi fil-kategorija M1 kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)(a)(i) tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jew fil-kategorija N1 kif imsemmija fl-Artikolu 4(1)(b)(i) ta’ dak ir-Regolament. |
Għall-finijiet tal-indikaturi fit-Tabella 1, fit-taqsima dwar “Indikaturi applikabbli għall-assi ffinanzjati minn self residenzjali” f’dan l-Anness, għandhom japplikaw il-formuli rilevanti stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1288 (4).
Tabella 1
Dikjarazzjoni dwar l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà tal-assi ffinanzjati mill-iskoperturi sottostanti tat-titolizzazzjoni
Oriġinaturi tat-Titolizzazzjoni [Isem u LEI] |
Sommarju [Isem u LEI] iqis l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà tal-assi ffinanzjati mill-iskoperturi sottostanti tat-titolizzazzjoni [identifikatur uniku tat-titolizzazzjoni], li huma deskritti f’din id-dikjarazzjoni. Il-kodiċijiet ISIN ta’ kull waħda mis-segmenti u/jew bonds fit-titolizzazzjoni huma dawn li ġejjin [daħħal il-kodiċijiet ISIN]. Din id-dikjarazzjoni tkopri l-perjodu ta’ referenza minn [data] sa [data]. Għal kull tip ta’ assi fl-aggregazzjoni[self għal karozzi; lokazzjonijiet; self residenzjali], il-bilanċ tal-kapital kurrenti totali tal-iskoperturi sottostanti huwa kif ġej [informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(2), il-punt (e)]. [Is-sommarju msemmi fl-Artikolu 2(2)(f)]. |
Spjegazzjoni ta’ kif l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà tal-assi ffinanzjati mill-iskoperturi sottostanti tat-titolizzazzjoni jitqiesu fl-għażla tal-iskoperturi sottostanti li għandhom jiżdiedu mal-aggregazzjoni meta ssir l-offerta jew matul il-ħajja tat-titolizzazzjoni [L-Informazzjoni li tissemma fl-Artikolu 2(3)]. |
Dikjarazzjoni dwar l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà tal-assi ffinanzjati mill-iskoperturi sottostanti tat-titolizzazzjoni [Informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(5) fil-format stabbilit hawn taħt]. |
|||||||||||
INDIKATURI TAL-KLIMA U OĦRAJN RELATATI MAL-AMBJENT |
|||||||||||
|
Indikatur negattiv għas-sostenibbiltà |
Metrija |
Impatt [perjodu ta’ referenza n] |
Impatt [perjodu ta’ referenza n-1] |
Spjegazzjoni |
||||||
Indikaturi applikabbli għall-assi ffinanzjati minn self residenzjali |
|||||||||||
Fjuwils fossili |
|
Is-sehem tal-iskoperturi sottostanti ggarantiti minn assi ta’ proprjetà immobbli li jużaw il-fjuwils fossili għall-ġenerazzjoni tat-tisħin u għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. |
|
|
|
||||||
Enerġija effiċjenza |
|
Is-sehem tal-iskoperturi sottostanti ggarantiti minn assi ta’ proprjetà immobbli ineffiċjenti fl-użu tal-enerġija. |
|
|
|
||||||
Indikaturi applikabbli għall-assi ffinanzjati minn self għal karozzi u lokazzjonijiet |
|||||||||||
Emissjonijiet |
|
Sehem mill-iskoperturi sottostanti garantiti minn vetturi li jaqgħu fil-kategorija M1 jew N1 b’emissjonijiet CO2 li huma: (i) sal-31 ta’ Diċembru 2025, ugwali għal jew ogħla minn 50 g CO2/km (vetturi b’emissjonijiet żero u baxxi), u (ii) mill-1 ta’ Jannar 2026, ogħla minn żero. |
|
|
|
||||||
Tniġġis |
|
Is-sehem tal-iskoperturi sottostanti ggarantiti minn vetturi li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-istadju applikabbli l-aktar reċenti tal-limiti tal-emissjonijiet Euro 6 stabbiliti f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u mal-limiti tal-emissjonijiet għal vetturi ħfief nodfa stabbiliti fit-Tabella 2 tal-Anness tad-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). |
|
|
|
||||||
Possibbiltà baxxa ta’ riċiklaġġ |
|
Sehem mill-iskoperturi sottostanti garantiti minn vetturi li jaqgħu fil-kategorija M1 jew N1 li huma:
|
|
|
|
||||||
Deskrizzjoni tal-impatti negattivi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà |
|||||||||||
[Informazzjoni dwar l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà msemmija fl-Artikolu 2(5)(b) fil-format fit-Tabella 2] |
|||||||||||
[Informazzjoni dwar l-impatti avversi prinċipali fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà msemmija fl-Artikolu 2(5)(c) fil-format fit-Tabella 3] |
|||||||||||
[Informazzjoni dwar kwalunkwe indikatur ieħor inkluż fit-Tabella 1 “Dikjarazzjoni dwar l-impatti avversi prinċipali tad-deċiżjonijiet ta’ investiment fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà” tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1288 fil-format stabbilit f’dik it-Tabella jew kwalunkwe indikatur ieħor użat biex jiġu identifikati u vvalutati l-impatti avversi prinċipali addizzjonali fuq fattur ta’ sostenibbiltà msemmi fl-Artikolu 2(5), il-punt (d) ta’ dan ir-Regolament. Għall-finijiet ta’ din ir-ringiela, meta jintuża kwalunkwe indikatur ieħor tat-Tabella 1 tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1288, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet u l-formuli rilevanti inklużi f’dak l-Anness. Madankollu, kwalunkwe indikatur magħżul għandu jkun maħsub kif applikabbli għal assi ffinanzjati minn skoperturi sottostanti ta’ self residenzjali jew għal assi ffinanzjati mis-self u l-lokazzjonijiet tal-karozzi.] |
|||||||||||
Tqabbil storiku [L-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5)] |
Tabella 2
Indikaturi tal-klima u oħrajn relatati mal-ambjent
Avversa impatt tas-sostenibbiltà |
Impatt avvers fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà (Kwalitattiva jew Kwantitattiva) |
Metrija |
||
Indikaturi applikabbli għall-assi ffinanzjati minn self residenzjali |
||||
[Informazzjoni dwar wieħed jew aktar mill-indikaturi inklużi fit-Tabella 2 “Indikaturi addizzjonali relatati mal-klima u ma’ oħrajn relatati mal-ambjent” tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1288 fil-format stabbilit f’dik it-Tabella. Għall-finijiet ta’ din ir-ringiela, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet u l-formuli rilevanti inklużi f’dak l-Anness. Madankollu, kwalunkwe indikatur magħżul għandu jkun maħsub kif applikabbli għal assi ffinanzjati minn skoperturi sottostanti.] |
||||
Indikaturi applikabbli għall-assi ffinanzjati minn self għal karozzi u lokazzjonijiet |
||||
L-ilma, l-iskart u emissjonijiet ta’ materjal |
|
Is-sehem tal-iskoperturi sottostanti ggarantiti minn vetturi elettriċi li l-batteriji tal-joni tal-litju tagħhom huma b’rata ta’ riċiklaġġ aktar baxxa minn: (i) 65 % sal-31 ta’ Diċembru 2025 u (ii) 70 % sal-31 ta’ Diċembru 2030 jew Is-sehem tal-iskoperturi sottostanti ggarantiti minn vetturi elettriċi li l-batterija taċ-ċomb u tal-aċidu tagħhom huma b’rata ta’ riċiklaġġ aktar baxxa minn: (i) 75 % sal-31 ta’ Diċembru 2025 u (ii) 80 % sal-31 ta’ Diċembru 2030 |
||
Emissjonijiet |
|
Sehem mill-iskoperturi sottostanti garantiti minn vetturi li jaqgħu fil-kategoriji M1 jew N1, b’emissjonijiet CO2 speċifiċi ogħla mill-miri tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-flotta kollha tal-UE. |
Tabella 3
Indikaturi addizzjonali ta’ materji soċjali u li jolqtu l-impjegati, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kwistjonijiet kontra t-tixħim
Avversa impatt tas-sostenibbiltà |
Impatt avvers fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà (Kwalitattiva jew Kwantitattiva) |
Metrija |
Indikaturi applikabbli għall-assi ffinanzjati minn self residenzjali, self għal karozzi u lokazzjonijiet |
||
Fejn disponibbli, informazzjoni dwar wieħed jew aktar mill-indikaturi inklużi fit-Tabella 3, dwar “Indikaturi addizzjonali għal kwistjonijiet soċjali u tal-impjegati, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra t-tixħim” tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1288 fil-format f’dik it-Tabella. Għall-finijiet ta’ din it-tabella, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet u l-formuli rilevanti inklużi f’dak l-Anness. Madankollu, kwalunkwe indikatur magħżul għandu jkun maħsub kif japplika għall-kumpaniji li mmanifatturaw il-vetturi li jiggarantixxu l-iskoperturi sottostanti fl-aggregazzjoni. |
(1) Ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 443/2009 u (UE) Nru 510/2011 (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/631/oj).
(2) Id-Direttiva 2005/64/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-possibbiltajiet tal-użu mill-ġdid, tar-riċiklaġġ u tal-irkupru tagħhom, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE (ĠU L 310, 25.11.2005, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/64/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/858/oj).
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1288 tas-6 ta’ April 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tal-kontenut u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni b’rabta mal-prinċipju ta’ la tagħmilx ħsara sinifikanti, li jispeċifikaw il-kontenut, il-metodoloġiji u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni b’rabta mal-indikaturi tas-sostenibbiltà u l-impatti avversi fuq is-sostenibbiltà, u l-kontenut u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni b’rabta mal-promozzjoni tal-karatteristiċi ambjentali jew soċjali u l-objettivi ta’ investiment sostenibbli f’dokumenti prekuntrattwali, fuq siti web u f’rapporti perjodiċi (ĠU L 196, 25.7.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/1288/oj).
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/715/oj).
(6) Id-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni ta’ vetturi ta’ trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija (ĠU L 120, 15.5.2009, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/33/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1700/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)