European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1695

13.6.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1695

tat-12 ta’ Ġunju 2024

dwar ċerti miżuri ta’ emerġenza interim b’rabta mad-deni tal-ħnieżer Afrikan fil-Ġermanja

(notifikata bid-dokument C(2024) 4162)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 259(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-deni tal-ħnieżer Afrikan huwa marda virali infettiva li taffettwa lill-annimali porċini miżmuma u selvaġġi u jista’ jkollha impatt serju fuq il-popolazzjoni tal-annimali kkonċernati u fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tal-annimali, li jikkawża tfixkil fil-movimenti tal-konsenji ta’ dawk l-annimali u tal-prodotti tagħhom fl-Unjoni u fl-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi.

(2)

Fil-każ tat-tifqigħat tad-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-annimali porċini miżmuma, ikun hemm riskju serju li dik il-marda tinfirex f’azjendi oħrajn tal-annimali porċini miżmuma.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (2) jissupplimenta r-regoli għall-kontroll tal-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2016/429, u definit bħala mard tal-kategoriji A, B u C fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3). B’mod partikolari, l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jipprevedu l-istabbiliment ta’ żona ristretta f’każ ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A, inkluż id-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-annimali porċini miżmuma, u ċerti miżuri li għandhom jiġu applikati fiha. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat jipprevedi li ż-żona ristretta għandha tinkludi żona ta’ protezzjoni, żona ta’ sorveljanza, u jekk ikun meħtieġ, żoni ristretti ulterjuri madwar iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza jew maġenbhom.

(4)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/594 (4) jistabbilixxi l-miżuri ta’ kontroll speċjali tal-mard rigward id-deni tal-ħnieżer Afrikan. B’mod partikolari, l-Artikolu 3(a) ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jipprevedi l-istabbiliment ta’ żona ristretta fil-każ ta’ tifqigħa tad-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-annimali porċini miżmuma, f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687.

(5)

Jenħtieġ li d-durata tal-miżuri applikati f’żona ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, kif stabbilita f’konformità mal-Annessi X u XI tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 tkun ibbażata fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika tad-deni tal-ħnieżer Afrikan fiż-żoni affettwati minn dik il-marda u fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika kumplessiva tad-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-Istat Membru kkonċernat, fuq il-livell tar-riskju ta’ tixrid ulterjuri ta’ dik il-marda, kif ukoll fuq il-prinċipji u l-kriterji bbażati fuq ix-xjenza għad-definizzjoni tad-durata kif stabbilita fil-linji gwida tad-deni tal-ħnieżer Afrikan żviluppati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri (5). Jenħtieġ li d-durata tal-miżuri tqis ukoll l-istandards internazzjonali, tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri (6) tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH).

(6)

Il-Ġermanja għarrfet lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni attwali tad-deni tal-ħnieżer Afrikan fit-territorju tagħha, wara li ġiet ikkonfermata tifqigħa ta’ dik il-marda f’annimali porċini miżmuma fl-Istat ta’ Mecklenburg-Vorpommern fis-7 ta’ Ġunju 2024 u, f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/594, stabbiliet żona ristretta, li tinkludi żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza, li fiha jiġu applikati l-miżuri ġenerali għall-kontroll tal-mard stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687, sabiex jiġi evitat aktar tixrid ta’ dik il-marda.

(7)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn fil-kummerċ fl-Unjoni u sabiex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni tiġi identifikata ż-żona ristretta, li tinkludi żona ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza għad-deni tal-ħnieżer Afrikan fil-Ġermanja b’kollaborazzjoni ma’ dak l-Istat Membru.

(8)

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tat-tixrid tad-deni tal-ħnieżer Afrikan, huwa importanti li l-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni japplikaw malajr kemm jista’ jkun.

(9)

Għaldaqstant, sakemm il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf jagħti l-opinjoni tiegħu, jenħtieġ li ż-żona infettata fil-Ġermanja tiġi stabbilita minnufih u elenkata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni kif ukoll li tiġi stabbilita d-durata ta’ dak iż-żonar.

(10)

Din id-Deċiżjoni trid tiġi rieżaminata fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ġermanja għandha tiżgura li:

(a)

tiġi stabbilita minnufih żona ristretta li tinkludi żona ta’ protezzjoni u żona ta’ sorveljanza mill-Ġermanja f’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/687 u bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu;

(b)

iż-żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza msemmija fil-paragrafu (a) jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni;

(c)

il-miżuri ta’ kontroll tal-mard li għandhom jiġu applikati fiż-żoni ta’ protezzjoni u fiż-żoni ta’ sorveljanza msemmija fil-punt (a) ta’ dan l-Artikolu huma applikati sad-dati speċifikati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sas-7 ta’ Settembru 2024.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/687/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/1882/oj).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/594 tas-16 ta’ Marzu 2023 li jistabbilixxi miżuri speċjali ta’ kontroll tal-mard għad-deni tal-ħnieżer Afrikan u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/605 (ĠU L 79, 17.3.2023, p. 65, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/594/oj).

(5)  L-Avviż tal-Kummissjoni rigward il-linji gwida dwar il-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni tad-deni tal-ħnieżer Afrikan fl-Unjoni (“linji gwida tal-ASF”) C/2023/7855 (ĠU C, C/2023/1504, 18.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1504/oj).

(6)  WOAH terrestrial code 31st Edizzjoni, 2023. Il-Volumi I u II, ISBN 978-92-95121-74-4; https://www.woah.org/en/what-we-do/standards/codes-and-manuals/terrestrial-code-online-access/.


ANNESS

Żoni stabbiliti bħala ż-żona ristretta fil-Ġermanja kif imsemmi fl-Artikolu 1

Data sa meta l-miżuri għandhom jiġu applikati

Żona ta’ protezzjoni (Artikolu 39(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687):

3 km Radius um den Ausbruchsbetrieb mit den GPS-Koordinaten 14.018538 / 53.519260.

Betroffen sind die tangierten Orte sowie Ortsteile in Gänze:

 

Gemeinde Pasewalk Stadt mit Teilen der Ortsteile Gehege, Papenbeck, Pasewalk, Scheringer Siedlung, Steinbrink sowie den Ortsteilen Friedberg, Kreuzbäcksiedlung, Pasewalk Ost und Stiftshof

23.8.2024

Żona ta’ protezzjoni (Artikolu 39(3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687):

 

3 km Radius um den Ausbruchsbetrieb mit den GPS-Koordinaten 14.018538 / 53.519260.

Betroffen sind die tangierten Orte sowie Ortsteile in Gänze:

 

Gemeinde Pasewalk Stadt mit Teilen der Ortsteile Gehege, Papenbeck, Pasewalk, Scheringer Siedlung, Steinbrink sowie den Ortsteilen Friedberg, Kreuzbäcksiedlung, Pasewalk Ost und Stiftshof

7.9.2024

Żona ta’ sorveljanza:

10 km Radius um den Ausbruchsbetrieb mit den GPS Koordinaten 14.018538, 53.519260.

Betroffen sind die tangierten Orte sowie Ortsteile in Gänze:

Gemeinde Torgelow mit Teilen des Ortsteiles Drögeheide

Gemeinde Viereck mit den Ortsteilen Ausbau, Ernst-Thälmann-Siedlung, Kuhlmorgen, Neuenkrug, Riesenbrück, Rödershorst, Stallberg, Uhlenkrug, Viereck und Waldfrieden

Gemeinde Koblentz mit den Ortsteilen Breitenstein, Damm, Koblentz und Peterswalde

Gemeinde Rothenklempenow mit einem Teil des Ortsteils Dorotheenwalde

Gemeinde Rossow mit Teilen des Ortsteils Rossow und dem Ortsteil Wetzenow

Gemeinde Fahrenwalde mit Teilen der Ortsteile Försterei, Heidemühle und Herrmannshof sowie den Ortsteilen Bröllin, Fahrenwalde, Forsthaus und Friedrichshof

Gemeinde Rollwitz mit einem Teil des Ortsteils Damerow und den Ortsteilen Rollwitz, Schmarsow, Schmarsow Ausbau und Züsedom

Gemeinde Nieden teilweise (an der Gemeindegrenze Rollwitz)

Gemeinde Brietzig jeweils mit Teilen der Ortsteile Brietzig und Starkshof

Gemeinde Jatznick mit Teilen der Ortsteile Blumenhagen und Groß Spiegelberg sowie den Ortsteilen Albertshof, Am Berge, Ausbau, Belling, Jatznick, Mauseort, Sandförde, Waldeshöhe, Wärterhaus und Wilhelmsthal

Gemeinde Hammer a. d. Uecker mit Teilen der Ortsteile Försterei Ausbau und Hammer a. d. Uecker sowie den Ortsteilen Liepe und Morgenmoor

7.9.2024


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1695/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)