|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1682 |
13.6.2024 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1682
tal-4 ta’ Marzu 2024
li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward taż-żieda ta’ demel ipproċessat bħala materjal komponent fil-prodotti fertilizzanti tal-UE
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE. Il-prodotti fertilizzanti tal-UE jista’ jkun fihom prodotti derivati skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). F’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, il-punt aħħari fil-katina tal-manifattura għad-demel ipproċessat ġie ddeterminat fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1605 (3). |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 42(5), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2019/1009, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni (JRC) ivvaluta d-demel ipproċessat fir-rigward tal-aspetti rilevanti li ma tqisux għall-fini tad-determinazzjoni ta’ punt finali fil-katina tal-manifattura (4). |
|
(3) |
Id-demel ipproċessat għandu l-potenzjal li jkun soġġett għal kummerċ sinifikanti fis-suq intern peress li huwa prodott derivat użat b’mod komuni fil-fertilizzanti organiċi u fit-tejjieba tal-ħamrija. L-istabbiliment tar-rekwiżiti għall-markatura CE tal-prodotti fertilizzanti tal-UE li jkun fihom demel ipproċessat jiffaċilita l-kummerċ ta’ prodotti bħal dawn fis-suq intern. Il-JRC ikkonkluda li l-introduzzjoni ta’ demel ipproċessat fil-Kategorija tal-Materjal Komponenti 10 fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1009 tiffaċilita wkoll l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE (5) billi tippromwovi t-trasferiment ta’ demel ipproċessat minn reġjuni b’densità għolja ta’ nutrijenti għal dawk b’densità baxxa. |
|
(4) |
Id-demel ipproċessat fih materja u nutrijenti organiċi, b’mod partikolari, in-nitroġenu u l-fosforu, tnejn mit-tliet makronutrijenti primarji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1009. Wera l-valur agronomiku tiegħu matul storja twila ta’ użu. |
|
(5) |
Sabiex jiġi żgurat li prodott fertilizzanti tal-UE li jkun fih demel ipproċessat iżomm il-kontenut tan-nutrijenti tiegħu maż-żmien, li l-kontenut tiegħu ta’ żrieragħ tal-ħaxix selvaġġ jew propaguli tal-pjanti vijabbli jkun limitat u li jitnaqqsu l-emissjonijiet tan-nutrijenti fl-ambjent matul il-ħżin, huwa neċessarju li jkun rikjest ipproċessar flimkien ma’ dak meħtieġ biex jintlaħaq il-punt ta’ tmiem fil-katina tal-manifattura. Għalhekk, id-demel ipproċessat jenħtieġ li jkompli jiġi pproċessat biex jgħaddi minn għarbiel b’toqob iżgħar mid-dimensjonijiet magħrufa taż-żrieragħ tal-ħaxix selvaġġ, jew jiġi granulat jew ippelletizzat f’ċerti kundizzjonijiet li jiżguraw li ż-żrieragħ tal-ħaxix selvaġġ ma jibqgħux vijabbli. Kwalunkwe pproċessar ieħor jista’ jintuża wkoll sakemm jiżgura li l-kontenut ta’ żrieragħ tal-ħaxix selvaġġ vijabbli jkun limitat. Bħala alternattiva, id-demel ipproċessat jista’ wkoll ikompli jiġi pproċessat biex jikkonforma ma’ wieħed mill-kriterji ta’ stabbiltà stipulati għall-kompost tal-Kategorija tal-Materjal Komponenti 3. Dan jiżgura li l-materjal li jirriżulta jkun stabbli, li d-dekompożizzjoni ma tkomplix wara li l-prodott jitqiegħed fis-suq u li ż-żrieragħ tal-ħaxix selvaġġ ma jibqgħux vijabbli wara l-proċess ta’ kompostjar. |
|
(6) |
Jenħtieġ li jiġi stabbilit kriterju ta’ sikurezza addizzjonali biex jiġi limitat il-kontenut tas-16-il idrokarbur aromatiku poliċikliku (PAH 16) (6) li jista’ jiġi ġenerat matul il-proċessar tad-demel. Ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jistipula rekwiżiti għat-tnaqqis fl-emissjonijiet għall-PAH 16 bħala sustanzi prodotti b’mod mhux intenzjonat matul il-proċessi tal-manifattura, iżda ma jintroduċix valur ta’ limitu f’tali każijiet. Minħabba r-riskji għoljin iġġenerati mill-preżenza ta’ tali sustanzi niġġiesa fil-prodotti fertilizzanti, huwa xieraq li jiġu introdotti rekwiżiti aktar stretti minn dawk stipulati fir-Regolament (UE) 2019/1021. Tali valur ta’ limitu jenħtieġ li jiġi stabbilit fil-livell ta’ materjal komponenti, biex tiġi żgurata l-koerenza mar-Regolament (UE) 2019/1021 u jenħtieġ li japplika flimkien mal-kriterji tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009 għall-kategorija funzjonali tal-prodott korrispondenti. Sabiex tiġi ffaċilitata l-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità u jiġu evitati kostijiet mhux meħtieġa, jenħtieġ li tiġi introdotta l-possibbiltà li wieħed jassumi konformità ma’ dan ir-rekwiżit mingħajr ittestjar, meta jkun ċar mill-proċess tal-manifattura li dan il-valur ta’ limitu jiġi ssodisfat. |
|
(7) |
Id-demel ipproċessat jista’ jgħaddi minn ipproċessar addizzjonali biex ikompli jittejjeb il-valur agronomiku tiegħu jew is-sikurezza tiegħu. Il-metodi tal-ipproċessar li bħalissa jintużaw ħafna, bħas-separazzjoni solidu-likwidu, it-tnixxif, il-pelitizzazzjoni, u l-irkupru tan-nutrijenti, jenħtieġ li jiġu inklużi fil-Kategorija tal-Materjal Komponenti 10 fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1009. Madankollu, il-passi tal-ipproċessar tad-demel jenħtieġ li ma jinkludux proċessi ta’ konverżjoni termokimiċi f’temperaturi jew pressjonijiet għoljin, bħal-likwefazzjoni, il-karbonizzazzjoni idrotermali, il-piroliżi, il-gassifikazzjoni jew il-kombustjoni, peress li tali proċessi huma koperti skont kategoriji ta’ materjali komponenti oħra minħabba n-natura speċifika tal-proċess ta’ trasformazzjoni tal-materjal. |
|
(8) |
Bħala miżura ta’ sikurezza addizzjonali, l-addittivi meħtieġa fl-ipproċessar tad-demel jenħtieġ li jiġu rreġistrati abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), fil-kundizzjonijiet estensivi diġà stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1009 għal addittivi f’kategoriji oħrajn ta’ materjali komponenti. Dan jiżgura li l-manifatturi jqisu l-użu tal-addittivi fi prodott fertilizzanti huma u jwettqu l-valutazzjoni tar-riskju skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u li r-reġistrazzjoni ssir ukoll għall-materjali b’tunnellaġġ baxx. |
|
(9) |
Barra minn hekk, id-demel ipproċessat jista’ jkun disponibbli fis-swieq lokali fi kwantitajiet li jaqbżu d-domanda. Sabiex jiġi żgurat li l-ħżin fit-tul tiegħu f’kundizzjonijiet subottimali ma jwassalx għal impatti ambjentali negattivi, huwa xieraq li jiġi limitat iż-żmien li matulu jkun jista’ jintuża bħala materjal komponent għall-prodotti fertilizzanti tal-UE. |
|
(10) |
Jenħtieġ li jiġi introdott rekwiżit ta’ tikkettar ġenerali għall-prodotti fertilizzanti tal-UE li jkun fihom demel ipproċessat biex tingħata informazzjoni lill-utenti finali dwar l-impatti potenzjali tar-rilaxx tal-ammonijaka mill-użu tad-demel ipproċessat fuq il-kwalità tal-arja u biex jistedinhom japplikaw miżuri xierqa biex inaqqsu dawn l-impatti. |
|
(11) |
Id-demel ipproċessat jista’ jkun fih amminopiralid jew kloripalid, sustanzi li għalihom il-livelli massimi ta’ residwi għall-ikel u l-għalf huma stabbiliti f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Għalhekk, l-utenti tal-prodotti fertilizzanti tal-UE li jkun fihom tali demel ipproċessat jenħtieġ li jiġu infurmati bis-sħiħ fir-rigward tal-preżenza ta’ dawk is-sustanzi, sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-għalla li tirriżulta tikkonforma mal-livelli massimi ta’ residwi. |
|
(12) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1009 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (UE) 2019/1009 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
l-Anness II huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament; |
|
(2) |
L-Anness III huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Marzu 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1009/oj.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1069/oj).
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1605 tat-22 ta’ Mejju 2023 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ punti ta’ tmiem fil-katina tal-manifattura ta’ ċerti fertilizzanti organiċi u materjali li jtejbu l-ħamrija (ĠU L 198, 8.8.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/1605/oj).
(4) Huygens, D., Technical proposals for processed manure as a component material for EU Fertilising Products.
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1991/676/oj).
(6) Is-somma ta’ naftalen, aċenaftilen, aċenaften, fluworen, fenantren, antraċen, fluworanten, piren, benżo[a]antraċen, krisen, benżo[b]fluworanten, benżo[k]fluworanten, benżo[a]piren, indeno[1,2,3-cd]piren, dibenżo[a,h]antraċen u benżo[ghi]perilen.
(7) Ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1021/oj).
(8) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1907/oj).
(9) Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/396/oj).
ANNESS I
Fil-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1009, is-CMC 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“ CMC 10: PRODOTTI DERIVATI FIS-SENS TAR-REGOLAMENT (KE) NRU 1069/2009
|
1. |
Prodott fertilizzanti tal-UE jista’ jkun fih prodotti derivati fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 meta jilħaq il-punt aħħari fil-katina tal-manifattura kif iddeterminat skont dak ir-Regolament, u li huma elenkati fit-tabella li ġejja u kif speċifikat fiha:
|
|
2. |
Fejn il-konformità mar-rekwiżit stipulat fil-punt 1.4 issegwi b’mod ċert u inkontestabbli min-natura jew l-ipproċessar tal-materjal komponenti jew il-proċess ta’ manifattura tal-prodott fertilizzanti tal-UE, tali konformità tista’ tiġi preżunta fil-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità mingħajr verifika (bħall-ittestjar), taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur.”. |
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1605 tat-22 ta’ Mejju 2023 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ punti ta’ tmiem fil-katina tal-manifattura ta’ ċerti fertilizzanti organiċi u materjali li jtejbu l-ħamrija (ĠU L 198, 8.8.2023, p. 1).
(2) Is-somma ta’ naftalen, aċenaftilen, aċenaften, fluworen, fenantren, antraċen, fluworanten, piren, benżo[a]antraċen, krisen, benżo[b]fluworanten, benżo[k]fluworanten, benżo[a]piren, indeno[1,2,3-cd]piren, dibenżo[a,h]antraċen u benżo[ghi]perilen.
ANNESS II
Fil-Parti I tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/1009, jiddaħħlu l-punti 7c u 7d li ġejjin:
|
“7c. |
Meta prodott fertilizzanti tal-UE jkun fih demel ipproċessat kif imsemmi fil-Parti II, CMC 10, tal-Anness II, fuq it-tikketta għandha tiġi inkluża l-informazzjoni dwar l-impatti possibbli fuq il-kwalità tal-arja tar-rilaxx tal-ammonijaka mill-użu tal-prodott u stedina lill-utenti biex japplikaw miżuri xierqa ta’ rimedju. Meta prodott fertilizzanti tal-UE jkun fih demel ipproċessat kif imsemmi fil-Parti II, CMC 10, tal-Anness II, fuq it-tikketta għandha tiġi inkluża t-twissija li ġejja ‘Dan il-prodott jista’ jkun fih amminopiralid jew klopiralid u ma jridx jintuża għall-produzzjoni ta’ pjanti suxxettibbli għal dawn is-sustanzi, bħal fażola, silla, għads, piżelli, salat, ġirasol u tadam. Dan il-prodott għandu jintuża b’tali mod li jevita li jwassal għall-qbiż tal-livelli massimi ta’ residwu għall-ikel jew l-għalf stabbiliti skont ir-Regolament (KE) Nru 396/2005’, jew twissija simili. Twissija bħal din mhijiex meħtieġa għall-prodotti fertilizzanti tal-UE li jkun fihom demel ipproċessat b’mhux aktar minn 50 μg amminopiralid jew klopiralid/kg ta’ materja niexfa. |
|
7d. |
Meta prodott fertilizzanti tal-UE jkun fih materjal komponenti mid-demel, għandu jiġi indikat il-kontenut totali tan-nitroġenu li joriġina mid-demel.”. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1682/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)