European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1651

7.6.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1651

tat-30 ta’ Mejju 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat għall-Adeżjonijiet tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor li tirrigwarda l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tal-Istat tal-Kuwajt mal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel paragrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993.

(2)

Skont l-Artikolu 45(2) tal-Ftehim, il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor (l-“ISC”) jista’ jestendi l-Ftehim għal perjodi suċċessivi, li ma jaqbżux is-sentejn f’kull okkażjoni. Sa mill-konklużjoni tiegħu, il-Ftehim ġie estiż regolarment. Il-Ftehim ġie estiż l-aħħar fis-27 ta’ Novembru 2023 u jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(3)

L-Artikolu 41 tal-Ftehim jipprovdi li l-Ftehim hu miftuħ għall-adeżjoni mill-Gvernijiet tal-Istati kollha f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill- ISC. Fl-ewwel laqgħa tiegħu li saret fl-1993, l-ISC stabbilixxa Kumitat għall-Adeżjonijiet, li ngħata l-kompitu li jikkunsidra l-applikazzjonijiet għall-adeżjoni mal-Ftehim tal-Istati mhux elenkati fl-Anness tiegħu. L-Unjoni hija membru tal-Kumitat għall-Adeżjonijiet.

(4)

Il-Gvern tal-Istat tal-Kuwajt esprima formalment l-interess tiegħu li jaderixxi mal-Ftehim. Fid-dawl tal-fatt li l-Istat tal-Kuwajt mhuwiex elenkat fl-Anness tal-Ftehim, jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tiegħu. Għalhekk, il-Kumitat għall-Adeżjonijiet huwa mistieden jieħu deċiżjoni, permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, biex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tal-Istat tal-Kuwajt mal-Ftehim. Dawk il-kundizzjonijiet huma l-għadd ta’ voti, il-pagament ta’ kontribuzzjoni annwali, u l-obbligi rigward ir-rappurtar lill-ISC.

(5)

L-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tal-Istat tal-Kuwajt skont l-approċċ stabbilit mill-ISC hija fl-interess tal-Unjoni fid-dawl tal-pożizzjoni tal-Istat tal-Kuwajt bħala importatur reġjonali sinifikanti taz-zokkor u bħala destinazzjoni tal-esportazzjoni stabbilita taz-zokkor prodott fl-Unjoni.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 25(4) tal-Ftehim, meta stat jaderixxi mal-Ftehim wara d-dħul fis-seħħ tiegħu u ma jkunx elenkat fl-Anness tiegħu, l-ISC għandu jiddeċiedi l-għadd ta’ voti li għandhom jiġu allokati lil dak l-istat,. L-adeżjoni tal-Istat tal-Kuwajt mal-Ftehim għalhekk se taffettwa l-bilanċ tat-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan l-l-ISC.

(7)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat għall-Adeżjonijiet,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat għall-Adeżjonijiet tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor għandha tkun li jiġu approvati l-kundizzjonijiet għall-adeżjoni tal-Istat tal-Kuwajt mal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (il-“Ftehim”), u li jiġi żgurat li l-għadd ta’ voti li għandu jiġi allokat lill-Istat tal-Kuwajt jiġi kkalkulat f’konformità mal-Artikolu 25(4) tal-Ftehim.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha..

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE tat-13 ta’ Novembru 1992 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 379, 23.12.1992, p. 15).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1651/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)