European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1641

6.6.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1641

tal-24 ta’ Mejju 2024

li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżuri speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) l-ewwel subparagrafu, tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxi dritt li persuni taxxabbli jnaqqsu mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) dovuta jew imħallsa fl-Istat Membru rilevanti l-VAT imposta fuq il-provvisti ta’ merkanzija u ta’ servizzi lilhom li jintużaw għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom. Skont l-Artikolu 26(1), il-punt (a), ta’ dik id-Direttiva, l-użu ta’ merkanzija li tifforma parti mill-assi ta’ negozju għall-użu privat ta’ persuni taxxabbli jew tal-persunal tagħhom jew, b’mod iktar ġenerali, għal finijiet oħra minbarra dawk tan-negozju tagħhom, fejn il-VAT fuq tali merkanzija kienet deduċibbli għalkollox jew parzjalment, irid jiġi ttrattat bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas.

(2)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/232/UE (2) awtorizzat lir-Rumanija tillimita għal 50 % id-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri, l-akkwist intra-Komunitarju, l-importazzjoni, il-kiri jew il-lokazzjoni ta’ ċerti vetturi tat-triq bil-mutur kif ukoll tal-VAT imħallsa fuq in-nefqa relatata ma’ dawk il-vetturi, meta tali vetturi ma jintużawx b’mod esklużiv għal finijiet ta’ negozju, u teħles lill-persuni taxxabbli milli jkollhom jittrattaw l-użu ta’ tali vetturi għal finijiet oħra minbarra dawk tan-negozju tagħhom bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas skont l-Artikolu 26(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2006/112/KE (il-“miżuri speċjali”).

(3)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-14 ta’ Settembru 2023, ir-Rumanija talbet awtorizzazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 395(2), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, biex tkompli tapplika l-miżuri speċjali sabiex tirrestrinġi d-dritt ta’ tnaqqis fir-rigward tan-nefqa fuq ċerti vetturi tat-triq bil-mutur li ma jintużawx esklużivament għal finijiet ta’ negozju u biex teħles lill-persuni taxxabbli milli jkollhom jittrattaw l-użu ta’ tali vetturi għal finijiet oħra għajr dawk tan-negozju tagħhom bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas.

(4)

F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba mressqa mir-Rumanija lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittra datata d-9 ta’ Novembru 2023. B’ittra datata l-10 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(5)

Skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/232/UE, ir-Rumanija, flimkien mat-talba għal estensjoni, ippreżentat rapport lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. Fuq il-bażi tal-informazzjoni attwalment disponibbli, ir-Rumanija ssostni li l-limitu ta’ 50 % għadu ġustifikabbli u għadu xieraq.

(6)

Il-miżuri speċjali awtorizzati bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/232/UE skadew fil-31 ta’ Diċembru 2023. Minħabba l-impatt pożittiv kemm fuq in-negozji kif ukoll fuq l-amministrazzjoni, huwa xieraq li r-Rumanija tiġi awtorizzata tapplika l-miżuri speċjali.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi mfittxija bil-miżuri speċjali, inkluż l-applikazzjoni mingħajr interruzzjoni tal-miżuri speċjali, u li tingħata ċertezza legali fir-rigward tal-perjodu tat-taxxa, huwa xieraq li tingħata awtorizzazzjoni biex jiġu applikati l-miżuri speċjali b’effett mill-1 ta’ Jannar 2024. Peress li r-Rumanija talbet l-awtorizzazzjoni fl-14 ta’ Settembru 2023 biex tkompli tapplika l-miżuri speċjali u kompliet tapplika r-reġim legali stabbilit skont il-liġi nazzjonali tagħha abbażi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/232/UE mill-1 ta’ Jannar 2024, l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati huma rispettati kif xieraq.

(8)

Jenħtieġ li l-miżuri speċjali jkunu limitati għaż-żmien meħtieġ biex tiġi evalwata l-effettività ta’ dawk il-miżuri speċjali u l-adegwatezza tal-limitu tal-perċentwal. Għalhekk, jenħtieġ li r-Rumanija tkun awtorizzata tapplika l-miżuri speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2026.

(9)

Il-miżuri speċjali huma proporzjonati għall-objettivi segwiti, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-proċedura għall-ġbir tal-VAT u l-prevenzjoni ta’ ċerti forom ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa, peress li huma limitati fiż-żmien u fil-kamp ta’ applikazzjoni. Barra minn hekk, il-miżuri speċjali ma jagħtux lok għal riskju li l-frodi titmexxa lejn setturi oħra jew lejn Stati Membri oħra.

(10)

Fil-każ li r-Rumanija tikkunsidra li l-miżuri speċjali huma neċessarjilil hinn mill-2026, jenħtieġ li tippreżenta talba ta’ estensjoni lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2026, flimkien ma’ rapport li jinkludi rieżami tal-limitazzjoni tal-perċentwal applikat fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT.

(11)

Skont l-informazzjoni mogħtija mir-Rumanija, il-miżuri speċjali ser ikollhom biss effett negliġibbli fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa li r-Rumanija tiġbor fl-istadju tal-konsum finali u mhu ser ikollhom l-ebda effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni dovuti mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Rumanija hija awtorizzata biex tillimita sa 50 % d-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri, l-akkwist intra-Komunitarju, l-importazzjoni, il-kiri jew il-lokazzjoni ta’ vetturi tat-triq bil-magna kif ukoll tal-VAT imħallsa fuq in-nefqa marbuta ma’ dawk il-vetturi, meta l-vettura ma tintużax esklużivament għal finijiet kummerċjali.

Artikolu 2

1.   L-Artikolu 1 ma għandux japplika għal vetturi tat-triq bil-magna li jkollhom massa massima mgħobbija permissibbli ta’ iktar minn 3 500 kg jew li jkollhom iktar minn disa’ postijiet inkluż il-post tas-sewwieq.

2.   L-Artikolu 1 ma għandux japplika għall-kategoriji ta’ vettura tat-triq bil-magna li ġejjin:

(a)

vetturi użati esklużivament għal servizzi ta’ emerġenza;

(b)

vetturi użati esklużivament għas-sigurtà, għas-servizzi ta’ protezzjoni u ta’ kurrier;

(c)

vetturi użati mill-aġenti inkarigati mill-bejgħ jew mill-aġenti inkarigati mix-xiri;

(d)

vetturi użati għat-trasport ta’ passiġġieri bi ħlas, inkluż is-servizzi tat-taxi;

(e)

vetturi użati għall-provvista ta’ servizzi bi ħlas, inkluż il-kiri jew il-lezzjonijiet tas-sewqan mogħtija minn skejjel tas-sewqan;

(f)

vetturi użati għall-kiri jew il-lokazzjoni;

(g)

vetturi mixtrija għall-iskop ta’ bejgħ mill-ġdid.

Artikolu 3

B’deroga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Rumanija hija awtorizzata li ma tittrattax bħala għoti ta’ servizzi bi ħlas l-użu privat minn persuna taxxabbli jew mill-impjegati tagħha, jew b’mod iktar ġenerali, għal skopijiet li jmorru lil hinn minn dawk tan-negozju tagħha, ta’ vettura li għaliha tapplika r-restrizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Ir-Rumanija għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bil-miżuri nazzjonali li jimplimentaw il-miżuri speċjali għad-derogi msemmija fl-Artikoli 1 u 3.

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2026.

3.   Kwalunkwe talba għal estensjoni tal-miżuri speċjali stabbiliti fl-Artikoli 1 u 3 għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2026 u għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-limitazzjoni tal-perċentwal applikat fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT abbażi ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Mejju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BROUNS


(1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/112/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/232/UE tas-26 ta’ April 2012 li tawtorizza lir-Rumanija biex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 117, 1.5.2012, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/232/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1641/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)