European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1638

5.6.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1638

tat-30 ta’ Mejju 2024

dwar l-irtirar tal-Unjoni mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2) u 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

It-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (“l-ECT”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom (2) u daħal fis-seħħ fis-16 ta’ April 1998.

(2)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe aġġornament sostanzjali tal-ECTmis-snin 90, l-ECT sar dejjem iktar antikwat.

(3)

Fl-2019, il-Partijiet Kontraenti għall-ECT (il-“Partijiet Kontraenti”) daħlu f’negozjati bl-għan li jimmodernizzaw l-ECTbiex jallinjawh mal-prinċipji tal-Ftehim ta’ Pariġi (3), mar-rekwiżiti tal-iżvilupp sostenibbli u mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, kif ukoll ma’ standards moderni tal-protezzjoni tal-investiment.

(4)

Matul Konferenza ad hoc fl-24 ta’ Ġunju 2022, il-Partijiet Kontraenti laħqu ftehim fil-prinċipju dwar it-test modernizzat, u b’hekk ikkonkludew in-negozjati, mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni finali mill-Partijiet Kontraenti. L-eżitu nnegozjat kellu jiġi adottat fit-33 laqgħa tal-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija (il-“Konferenza”) fit-22 ta’ Novembru 2022.

(5)

Qabel il-laqgħa tal-Konferenza, l-Unjoni ma adottatx pożizzjoni komuni dwar il-modernizzazzjoni tal-ECT.

(6)

Fin-nuqqas ta’ pożizzjoni tal-Unjoni, l-Unjoni ma tistax tivvota dwar l-adozzjoni tal-ECTmodernizzat fil-Konferenza.

(7)

B’konsiderazzjoni ta’ dan ta’ hawn fuq, jenħtieġ li l-Unjoni tirtira mill-ECT.

(8)

Diversi Stati Membri esprimew l-appoġġ tagħhom għall-emendi proposti għall-ECT u indikaw l-intenzjoni tagħhom li jibqgħu Partijiet Kontraenti, soġġett għall-modernizzazzjoni tiegħu. Jenħtieġ li dawk l-Istati Membri għalhekk jitħallew, permezz ta’ deċiżjoni separata tal-Kunsill, japprovaw jew ma jopponux il-modernizzazzjoni tal-ECT fil-Konferenza li ser tadotta dik il-modernizzazzjoni.

(9)

Skont l-Artikolu 47(1) tal-ECT, Parti Kontraenti tista’ tagħti notifika bil-miktub tal-irtirar tagħha mill-ECT lid-Depożitarju tal-ECT, jiġifieri r-Repubblika Portugiża. Skont l-Artikolu 47(2) tal-ECT, dan l-irtirar jidħol fis-seħħ mal-iskadenza ta’ perjodu ta’ sena mid-data li fiha d-Depożitarju jirċievi n-notifika.

(10)

Jenħtieġ li l-Unjoni tirtira mill-ECT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Unjoni għandha tirtira mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (“l-ECT”).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti notifika bil-miktub f’konformità mal-Artikolu 47(1) tal-ECT, dwar l-irtirar tal-Unjoni mill-ECT.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

T. VAN DER STRAETEN


(1)  Approvazzjoni tal-24 ta’ April 2024 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom tat-23 ta’ Settembru 1997 rigward il-konklużjoni, mill-Komunitajiet Ewropej, tat-Trattat fuq il-Karta tal-Enerġija u l-Protokoll tal-Karta tal-Enerġija dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-aspetti ambjentali relatati (ĠU L 69, 9.3.1998, p. 1).

(3)   ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1638/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)