European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1604

31.5.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1604

tal-31 ta’ Mejju 2024

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2023/1529 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u għal gruppi u entitajiet armati fil-Lvant Nofsani u fir-reġjun tal-Baħar l-Aħmar

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1529 tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-appoġġ militari tal-Iran għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u għal gruppi u entitajiet armati fil-Lvant Nofsani u fir-reġjun tal-Baħar l-Aħmar (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Lulju 2023, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2023/1529.

(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 u t-22 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-aċċess tar-Russja għal oġġetti u teknoloġiji sensittivi b’rilevanza għall-kampijiet tal-battalja jrid ikun ristrett kemm jista’ jkun, inkluż billi jiġu mmirati entitajiet f’pajjiżi terzi li jippermettu iċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet. Il-Kunsill Ewropew appella lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika Barranija u l-Politika ta’ Sigurtà u lill-Kummissjoni biex iħejju aktar sanzjonijiet, b’mod partikolari kontra l-Iran. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-Unjoni ser tkompli taħdem b’mod intensiv mas-sħab reġjonali u internazzjonali biex tipprevjeni eskalazzjoni reġjonali ulterjuri, b’mod partikolari fil-Libanu u l-Baħar l-Aħmar. Il-Kunsill Ewropew appella lill-atturi kollha, partikolarment l-Iran, biex iżommu lura minn azzjonijiet eskalatorji.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ April 2024, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bil-qawwa u b’mod inekwivoku l-attakk Iranjan fuq Iżrael u tenna s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-poplu ta’ Iżrael u l-impenn tiegħu għas-sigurtà ta’ Iżrael u għall-istabbiltà tar-reġjun. Il-Kunsill Ewropew appella lill-Iran u lill-forzi bi prokura tiegħu biex iwaqqfu l-attakki kollha u ħeġġeġ lill-partijiet kollha jeżerċitaw l-akbar trażżin u joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista’ żżid it-tensjonijiet fir-reġjun. Barra minn hekk, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew iddikjaraw li l-Unjoni jenħtieġ li tieħu aktar miżuri restrittivi kontra l-Iran, b’mod partikolari fir-rigward tal-vetturi tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAVs) u l-missili. Fl-aħħar nett, il-Kunsill Ewropew tenna li l-Unjoni tibqa’ impenjata bis-sħiħ li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-tensjoni u għas-sigurtà fir-reġjun.

(4)

Ir-Russja qed tuża UAVs prodotti mill-Iran b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, li tikser is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, inkluż kontra l-persuni ċivili u l-infrastruttura ċivili. Il-programm Iranjan sponsorjat mill-Istat għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ UAVs għalhekk jikkontribwixxi għall-ksur tal-Karta tan-NU u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali.

(5)

F’dak il-kuntest, jenħtieġ li sitt persuni u tliet entitajiet jiġu inklużi fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2023/1529.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2023/1529 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1529 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2024

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU L 186, 25.7.2023, p. 1.


ANNESS

L-entrati li ġejjin jiżdiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2023/1529:

Persuni

 

Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Ismijiet

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“7.

Mohammad-Reza Gharaei ASHTIANI

محمد رضا قرایی آشتیانی

(Ortografija Farsi)

Pożizzjoni(jiet): Ministru għad-Difiża tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran

Data tat-twelid: 1960

Post tat-twelid: Tehran, Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Entitajiet assoċjati: Ministeru għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati (MODAFL)

Mohammad-Reza Gharaei Ashtiani ilu l-Ministru għad-Difiża tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran minn Awwissu 2021 u għalhekk huwa responsabbli għall-Ministeru għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati (MODAFL) elenkat mill-UE.

MODAFL huwa responsabbli għall-ippjanar, il-loġistika u l-finanzjament tal-Forzi Armati tal-Iran. Huwa wkoll attur ewlieni fl-industrija tad-difiża tal-Iran b’għadd ta’ konglomerati u subordinati attivi fir-riċerka u l-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-manifattura ta’ tagħmir militari, inkluż il-manifattura ta’ vetturi tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAVs).

MODAFL huwa involut ukoll fl-istabbiliment ta’ impjant konġunt għall-produzzjoni ta’ UAVs u l-bejgħ ta’ UAVs lir-Russja bil-ħsieb tal-użu fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Bħala Ministru għad-Difiża, Ashtiani huwa direttament involut fil-programm UAV tal-Iran u huwa involut fit-trasferiment tal-UAVs tal-Iran lejn ir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

31.5.2024

8.

Gholam Ali RASHID

magħruf ukoll bħala Gholamali RASHID

غلامعلی رشید

(Ortografija Farsi)

Pożizzjoni(jiet): Kmandant tal-IRGC tal-Khatam al-Anbia Central Headquarters (KCHG)

Data tat-twelid: 1953

Post tat-twelid: Dezful, Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Entitajiet assoċjati: Khatam al-Anbiya Central Headquarters (KCHG)

Gholam Ali Rashid ilu l-kmandant tal-Khatam al-Anbiya Central Headquarters (KCHG) elenkata mill-UE minn Ġunju 2016.

Il-KCHG hija l-entità ċentrali fil-katina ta’ kmand tal-forzi armati tal-Iran li tagħmel deċiżjonijiet militari operazzjonali, kif ukoll tikkoordina bejn l-armata konvenzjonali tal-Iran (Artesh) u l-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC), li t-tnejn li huma jakkwistaw kif ukoll jiskjeraw vetturi tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAVs).

Il-missjoni tal-KCHG hija li tissorvelja l-operazzjonijiet offensivi u difensivi, inkluż permezz tal-kwartieri ġenerali reġjonali u tematiċi tagħha bħal dawk fil-Golf Persjan jew fil-Golf tal-Oman, li jirrapportaw lill-kwartieri ġenerali ewlenin. Hija responsabbli wkoll għall-ippjanar u l-koordinazzjoni ta’ operazzjonijiet militari konġunti, inkluż provi.

Gholam Ali Rashid issorvelja l-iskjeramenti tal-UAV u għamel superviżjoni tat-tħejjija tal-kamp tal-battalja tal-UAV fi provi u eżerċizzji.

Khatam al-Anbiya Central Headquarters tieħu preċedenza fuq l-IRGC u Artesh fil-katina tal-kmand, u għaldaqstant tissorvelja l-forzi armati kollha tal-Iran, l-intelligence u l-Khatam al-Anbiya Construction Headquarters elenkata mill-UE, bir-riżultat li Khatam al-Anbiya Construction Headquarters qiegħda fil-qalba tal-forzi militari tal-Iran u għalhekk hija involuta fit-trasferiment ta’ UAVs lejn ir-Russja u gruppi armati fil-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Baħar l-Aħmar.

Gholam Ali Rashid huwa għalhekk involut fil-programm UAV tal-Iran u fit-trasferiment ta’ UAVs lir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u lil gruppi armati u entitajiet li jdgħajfu l-paċi u s-sigurtà fil-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Baħar l-Aħmar.

31.5.2024

9.

Hossein Hatefi ARDAKANI

magħruf ukoll bħala

Hasan HASHEM; Hossein Hatafi ARDAKANI Hossein Hatfi ARDAKANI

حسین هاتفی اردکانی

(Ortografija Farsi)

Pożizzjoni(jiet): President tal-bord tad-diretturi ta’ Kavan Electronics Behrad LLC; Aġent tal-akkwist pubbliku għall-IRGC, aġent tal-akkwist għall-IRGC,

Data tat-twelid: 21.9.1985

Post tat-twelid: Ardakan, Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Numru tal-passaport: U34290111 (Iran);

4449916581 (Iran)

Entitajiet assoċjati: Islamic Revolutionary Guard Corps Research and Self-Sufficiency Jihad Organization (IRGC SSJO); Kavan Electronics Behrad LLC

Individwi assoċjati: Mehdi Dehghani MOHAMMADABADI

Hossein Hatefi Ardakani jservi bħala President tal-bord tad-diretturi u huwa azzjonist ta’ Kavan Electronics Behrad LLC, ibbażata fl-Iran u elenkata mill-UE.

Bl-użu ta’ network kumpless ta’ kumpaniji fittizji u barranin, inkluż Kavan Electronics Behrad LLC elenkata mill-UE, Ardakani jappoġġa l-isforzi tal-IRGC SSJO fil-kisba ta’ oġġetti kruċjali għall-produzzjoni tal-UAV.

Bħala President tal-bord ta’ Kavan Electronics Behrad LLC, huwa responsabbli għat-tmexxija tal-bord tal-kumpanija, id-definizzjoni tal-objettivi strateġiċi tagħha u s-sorveljanza tan-negozju tagħha, u b’hekk huwa involut fit-trasferiment tal-UAVs tal-Iran lejn ir-Russja.

Għalhekk Hossein Hatefi Ardakani qed jappoġġa l- -programm UAV tal-Iran. Huwa involut ukoll fit-trasferiment tal-UAVs tal-Iran lejn ir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

31.5.2024

10.

Mehdi Dehghani MOHAMMADABADI

مهدی دهقانی محمدآبادی

(Ortografija Farsi)

Pożizzjoni(jiet): CEO ta’ Kavan Electronics Behrad LLC

Data tat-twelid: 23.9.1982

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Numru tal-passaport: 4433172081 (Iran)

Entitajiet assoċjati: Revolutionary Guard Corps Research and Self-Sufficiency Jihad Organization (IRGC SSJO); Kavan Electronics Behrad LLC

Individwi assoċjati: Hossein Hatefi ARDAKANI

Mehdi Dehghani Mohammadabadi jservi bħala uffiċjal kap eżekuttiv (CEO), membru tal-bord tad-diretturi, kif ukoll azzjonist ta’ Kavan Electronics Behrad LLC ibbażata fl-Iran u elenkata mill-UE.

Kavan Electronics Behrad LLC hija kumpanija involuta fil-provvista ta’ oġġetti ta’ vetturi tal-ajru mingħajr bdot (UAV) lill-Islamic Revolutionary Guard Corps Research and Self-Sufficiency Jihad Organization (IRGC SSJO) elenkata mill-UE.

Bħala CEO, huwa responsabbli għall-ġestjoni u t-tmexxija tal-kumpanija. Bħala membru tal-bord, huwa involut fid-deċiżjonijiet sinifikanti kollha li tieħu l-kumpanija. Għalhekk huwa involut fit-trasferiment tal-UAVs tal-Iran lejn ir-Russja.

Għalhekk Mehdi Dehghani Mohammadabadi huwa involut fil-programm UAV tal-Iran. Huwa involut ukoll fit-trasferiment tal-UAVs tal-Iran lejn ir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

31.5.2024

11.

Ismail QAANI

magħruf ukoll bħala Esma’il QANI; Esmaeil GHA’ANI; Esmaeil GHAANI; Esmail QA’ANI; Ismail Akbar QAANI

اسماعیل قاآنی

(Ortografija Farsi)

Pożizzjoni(jiet): Kmandant tal-IRGC Qods Force

Data tat-twelid: 8.8.1957

Post tat-twelid: Mashad, Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Grad: Brigadier Ġeneral

Numru tal-passaport: D9003033; D9008347

Entitajiet assoċjati: Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC); IRGC-Qods Force

Ismail Qaani huwa l-Kmandant tal-Islamic Revolutionary Guard Corps Qods Force (IRGC-QF) elenkata mill-UE.

L-IRGC-QF hija responsabbli għall-orkestrazzjoni ta’ network ta’ milizzji reġjonali li estendew b’mod aggressiv l-influwenza militari tal-Iran madwar id-dinja Għarbija f’dawn l-aħħar deċennji.

Taħt il-kmand ta’ Qaani, l-IRGC-QF tiffaċilita u tappoġġa attakki ta’ vetturi tal-ajru mingħajr bdot (UAV) u ta’ missili billi tittrasferixxi armi Iranjani lejn milizzji fil-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Baħar l-Aħmar.

Taħt l-ordnijiet ta’ Qaani, l-IRGC-QF tiffaċilita u tappoġġa l-attakki tad-droni u tal-missili mill-Houthis.

Għalhekk, fil-kapaċità tiegħu bħala mexxej tal-IRGC-QF, Ismail Qaani huwa involut fit-trasferiment tal-missili u l-UAVs tal-Iran lil gruppi armati u entitajiet li jdgħajfu l-paċi u s-sigurtà fil-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Baħar l-Aħmar.

31.5.2024

12.

Afshin Khaji FARD

افشین خواجه فرد

(Ortografija Farsi)

Pożizzjoni(jiet): Kap tal-Iranian Aviations Industries Organization (IAIO)

Post tat-twelid: Abadan, Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Nru tal-ID nazzjonali: 1819457850

Entitajiet assoċjati: Iranian Aviations Industries Organization (IAIO); Ministeru għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati (MODAFL)

Afshin Khaji Fard huwa l-kap tal-Iranian Aviations Industries Organization (IAIO) elenkata mill-UE, kumpanija tal-Istat taħt l-awtorità tal-Ministeru għad-Difiża u l-Loġistika tal-Forzi Armati (MODAFL) elenkat mill-UE.

L-IAIO hija responsabbli għall-ippjanar u l-ġestjoni tal-industrija tal-avjazzjoni militari tal-Iran, inkluż l-iżvilupp ta’ vetturi tal-ajru mingħajr bdot (UAVs).

Fil-kapaċità tiegħu bħala kap tal-IAIO, Fard ippromwova pubblikament l-industrija tal-UAV tal-Iran u spiss iddikjara li l-IAIO hija involuta b’mod attiv fl-innovazzjoni tal-UAVs tal-Iran.

Għalhekk Afshin Khaji Fard qed jappoġġa u huwa involut fil-programm UAV tal-Iran.

31.5.2024”.

Entitajiet

 

Ismijiet (Trażlitterazzjoni bl-alfabett Latin)

Ismijiet

Informazzjoni għall-identifikazzjoni

Raġunijiet għall-elenkar

Data tal-elenkar

“6.

Khatam al-Anbiya Central Headquarters (KCHG)

magħrufa wkoll bħala Khatam al-Anbiye Central Headquarters; KACHQ

قرارگاه مرکزی خاتمالانبیا (ص)

(Ortografija Farsi)

Tip ta’ entità: entità tal-gvern

Entitajiet assoċjati: Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC)

Individwi assoċjati: Gholam Ali RASHID (kmandant tal-KCHG)

Il-Khatam al-Anbiya Central Headquarters (KCHG) hija l-entità ċentrali fil-katina ta’ kmand tal-forzi armati tal-Iran li tagħmel deċiżjonijiet militari operazzjonali, kif ukoll tikkoordina bejn l-armata konvenzjonali tal-Iran (Artesh) u l-Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC), li t-tnejn li huma jakkwistaw kif ukoll jiskjeraw vetturi tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAVs).

Il-missjoni tal-KCHG hija li tissorvelja l-operazzjonijiet offensivi u difensivi, inkluż permezz tal-kwartieri ġenerali reġjonali u tematiċi tagħha bħal dawk fil-Golf Persjan jew fil-Golf tal-Oman, li jirrapportaw lill-kwartieri ġenerali ewlenin. Hija responsabbli wkoll għall-ippjanar u l-koordinazzjoni ta’ operazzjonijiet militari konġunti, inkluż provi.

Il-KCHG hija mmexxija mill-kmandant tal-IRGC Gholam Ali Rashid elenkat mill-UE, li ssorvelja l-iskjeramenti tal-UAV u għamel superviżjoni tat-tħejjija tal-kamp tal-battalja tal-UAV fi provi u eżerċizzji.

Khatam al-Anbiya Central Headquarters tieħu preċedenza fuq l-IRGC u Artesh fil-katina tal-kmand, u għaldaqstant tissorvelja l-forzi armati kollha tal-Iran, l-intelligence u l-Khatam al-Anbiya Construction Headquarters elenkata mill-UE, bir-riżultat li -Khatam al-Anbiya Construction Headquarters qiegħda fil-qalba tal-forzi militari tal-Iran u għalhekk hija involuta fit-trasferiment ta’ UAVs lejn ir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u lil gruppi u entitajiet armati li jdgħajfu l-paċi u s-sigurtà fil-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Baħar l-Aħmar. Barra minn hekk, il-KCHG hija involuta fil-programm UAV tal-Iran.

31.5.2024

7.

Kavan Electronics Behrad LLC

magħrufa wkoll bħala Kavan Electronics;

Kavan Electronic co. LTD;

Kavan Electronic Company;

Kavan Electronic Sadr Aria Engineering Limited Liability Company

شرکت بامسیولیت محدود

کاوان الکترونیک بهراد

(Ortografija Farsi)

Indirizz: No. 63, Unit 4, Shahrara, Patrice Lumumba St., Abshori Sharghi St., Tehran 144593491, Iran

Tip ta’ entità: kumpanija b’responsabbiltà limitata (LLC)

Post tar-reġistrazzjoni: Iran

Data tar-reġistrazzjoni: 13.7.2016

Numru tar-reġistrazzjoni: 495080 (Iran)

Numru tal-identità nazzjonali: 14005997725 (Iran)

Post prinċipali tan-negozju: Iran

Entitajiet assoċjati: Islamic Revolutionary Guard Corps Research and Self-Sufficiency Jihad Organization (IRGC SSJO)

Individwi assoċjati:

Hossein Hatefi ARDAKANI (President tal-Board of Directors); Mehdi Dehghani MOHAMMADABADI (CEO)

Kavan Electronics Behrad LLC hija kumpanija bbażata fl-Iran li takkwista u tbigħ servomuturi u komponenti rilevanti oħrajn għall-manifattura ta’ vetturi tal-ajru mingħajr bdot (UAV) lill-Islamic Revolutionary Guard Corps Research and Self-Sufficiency Jihad Organization (IRGC SSJO) elenkata mill-UE.

Il-President tal-Bord tad-Diretturi tal-kumpanija huwa Hossein Hatefi Ardakani elenkat mill-UE, li jissorvelja network ta’ akkwist tranżnazzjonali li jkopri l-Lvant Nofsani u l-Asja tal-Lvant, li jaqdi l-produzzjoni ta’ UAVs issorveljata mill-IRGC SSJO.

Għalhekk Kavan Eletronics Behrad LLC hija involuta fil-programm UAV tal-Iran. Hija involuta wkoll fit-trasferiment tal-UAVs tal-Iran lejn ir-Russja b’appoġġ għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

31.5.2024

8.

Islamic Revolutionary Guard Corps Navy (IRGCN)

magħrufa wkoll bħala

Nirooy-e Daryaei-e Sepah;

NEDSA

نیروی دریایی سپاه پاسداران انقلاب اسلامی

(Ortografija Farsi)

Tip ta’ entità: entità tal-gvern

Post tar-reġistrazzjoni: Bandar Abbas, Iran

Data tar-reġistrazzjoni: 1981

Post prinċipali tan-negozju: Iran

Entitajiet assoċjati: Islamic Revolutionary Guard Corps (IRGC)

L-Islamic Revolutionary Guard Corps Navy (IRGCN) hija parti mill-IRGC, u tinkludi diviżjoni tal-vetturi tal-ajru mingħajr bdot (UAVs) u diviżjoni tal-missili.

L-IRGC Navy hija mgħammra b’UAVs u missili Iranjani u tinvolvi ruħha f’metodi ta’ gwerra asimetriċi.

L-IRGC Navy għandha Akkademja Navali li fiha tipprovdi taħriġ dwar l-isparar ta’ missili kontra l-vapuri u t-tħaddim ta’ UAVs. Milizzji u forzi bi prokura appoġġati mill-Iran huma mħarrġa fl-Akkademja Navali.

L-IRGC Navy hija involuta fil-faċilitazzjoni tat-trasport ta’ armi Iranjani, inkluż UAVs u missili Iranjani. Dawk il-missili u l-UAVs huma skjerati minn gruppi armati bħall-Houthis u l-Hezbollah biex idgħajfu l-paċi u s-sigurtà fil-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Baħar l-Aħmar.

Għalhekk, l-IRGC Navy hija involuta fil-programmi tal-UAVs u l-missili tal-Iran u involuta fit-trasferiment tal-missili tal-Iran lil gruppi armati u entitajiet li jdgħajfu l-paċi u s-sigurtà fil-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Baħar l-Aħmar.

31.5.2024”


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1604/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)