European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1514

31.5.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1514

tas-7 ta' Awwissu 2015

dwar l-istabbiliment ta’ Kumitati Xjentifiċi fil-qasam tas-saħħa pubblika, tas-sikurezza tal-konsumatur u tal-ambjent

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/721/KE (1) stabbiliet struttura konsultattiva dwar il-valutazzjoni xjentifika tar-riskju fl-oqsma tas-sikurezza tal-konsumatur, is-saħħa pubblika u l-ambjent li tikkonsisti mill-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur (SCCS), il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u għall-Ambjent (SCHER), il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Emerġenti għas-Saħħa u dawk Identifikati Reċentement (SCENIHR) u l-Grupp ta’ Konsulenti.

(2)

L-esperjenza turi l-ħtieġa li jiġu introdotti xi modifiki u titjib fl-istruttura u fil-proċeduri ta’ ħidma attwali tal-Kumitati Xjentifiċi. B’mod partikolari, biex tinkiseb l-effiċjenza, il-konsistenza, u biex jiġi evitat sforz doppju, jenħtieġ li SCHER u SCENIHR jitwaħħdu.

(3)

Jenħtieġ li l-Kumitati Xjentifiċi jitħallew jistiednu l-esperti esterni bl-għarfien u bil-kompetenza xjentifika rilevanti biex jikkontribwixxu għall-ħidmiethom. Bħala konsegwenza ta’ din l-alternattiva, il-Grupp eżistenti ta’ Konsulenti Xjentifiċi dwar il-Valutazzjoni tar-Riskju mhux se tibqa’ meħtieġa.

(4)

L-esperjenza turi wkoll li biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-sħubija fil-Kumitati, jenħtieġ li s-sostituti fis-sħubija jsiru minn lista ta’ riżerva mfassla għal dak l-għan.

(5)

It-tieni evalwazzjoni intermedja dwar il-funzjonament tal-Kumitati Xjentifiċi qed titwettaq fl-2015 u r-riżultati tagħha huma mistennija sal-bidu tal-2016. Bħala segwitu, hu possibbli li ssir riorganizzazzjoni oħra tal-Kumitati Xjentifiċi.

(6)

Il-ħidma tal-Kumitati tikkontribwixxi b’mod effettiv għat-titjib tas-saħħa pubblika, u għall-protezzjoni taċ-ċittadini u tal-ambjent. Dan jinkiseb billi tiġi evalwata l-aħħar data xjentifika disponibbli biex il-Kummissjoni tingħata valutazzjoni tar-riskju soda u f’waqtha bbażata fuq l-evidenza u l-pariri xjentifiċi għall-iżvilupp u għall-monitoraġġ tal-politiki u tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni marbuta mas-saħħa pubblika, mas-sikurezza tal-konsumatur u r-riskji ambjentali. L-attivitajiet imwettqa mill-Kumitati huma essenzjali biex il-Kummissjoni tilħaq l-objettivi ta’ politika rilevanti tal-Unjoni. Għalhekk, jixraq li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju adegwat lill-Kumitati Xjentifiċi, fil-forma ta’ benefiċċju speċjali għall-membri u għall-esperti esterni tagħhom, apparti r-rimborż tal-ispejjeż. Il-finanzjament tal-attivitajiet tal-Kumitati Xjentifiċi jenħtieġ li jiġi pprovdut mil-linja baġitarja rilevanti magħmula apposta għall-appoġġ tal-inizjattivi fil-qasam tas-saħħa pubblika, is-sikurezza tal-konsumatur u l-ambjent, kif rilevanti.

(7)

Il-ħidma tal-Kumitati Xjentifiċi jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta’ livell għoli ta’ għarfien espert, l-indipendenza u t-trasparenza. Din trid tiġi organizzata f’konformità mal-aħjar prattika u mal-prinċipji tal-valutazzjoni tar-riskju li tkun indipendenti mill-ġestjoni tar-riskju u mit-teħid tad-deċiżjonijiet.

(8)

Il-membri tal-Kumitati jenħtieġ li jkunu esperti kkwalifikati ħafna, speċjalizzati u indipendenti, u jaħdmu fl-interess pubbliku. Jenħtieġ li jintgħażlu abbażi ta’ kriterji oġġettivi u permezz ta’ sejħa pubblika għall-espressjoni ta’ interess u jenħtieġ li jinħatru fil-kapaċità personali tagħhom. L-għarfien espert tal-membri jenħtieġ li jkopri b’mod adegwat l-oqsma ta’ kompetenza tal-Kumitati, li jirriflettu d-diversità tal-problemi u tal-approċċi xjentifiċi. Jenħtieġ li kemm jista’ jkun, jinkisbu l-oriġini ġeografika u l-bilanċ bejn il-ġeneri.

(9)

L-organizzazzjoni tal-Kumitati Xjentifiċi jenħtieġ li tipprovdi l-flessibbiltà biex tippermettilhom jagħtu pariri lill-Kummissjoni dwar il-kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-oqsma ta’ kompetenza stabbiliti kif ukoll dwar ir-riskji emerġenti għas-saħħa u dawk identifikati reċentement u l-kwistjonijiet li mhumiex fil-kompetenza ta’ korpi oħra tal-Unjoni, u biex jipprovdu pariri rapidi meta jkun meħtieġ.

(10)

Ġew stabbiliti diversi korpi tal-Unjoni li huma responsabbli għall-valutazzjoni tar-riskju f’diversi oqsma, fost kompiti oħra. Jeħtieġ tiġi żgurata l-konsistenza tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa minn dawk il-korpi tal-Unjoni u li tiġi promossa l-koordinazzjoni bejn il-Kumitati Xjentifiċi u korpi oħra bħal dawn. Il-Kumitati Xjentifiċi jeħtieġ isaħħu l-effettività tagħhom ukoll bi skambji xierqa ta’ tagħrif u għarfien espert u permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet xjentifiċi oħra u ma’ organizzazzjonijiet fil-livell nazzjonali u internazzjonali.

(11)

Filwaqt li tinżamm indipendenza sħiħa, huwa importanti li jiġu żgurati l-ftuħ u t-trasparenza fil-ħidma tal-Kumitati Xjentifiċi billi jiġu stabbiliti proċeduri xierqa ta’ djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati. Jenħtieġ li fl-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jiġu żgurati l-ftuħ u t-trasparenza mfittxija filwaqt li jitħarsu bis-sħiħ ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti, inkluż il-protezzjoni tad-data personali u l-kunfidenzjalità kummerċjali.

(12)

Jenħtieġ li d-data personali tinġabar, tiġi pproċessata u ppubblikata f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(13)

Għalhekk, u għal raġunijiet ta’ ċarezza u razzjonalità, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2008/721/KE titħassar u tiġi sostitwita b’Deċiżjoni ġdida.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Kapitolu I

Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 1

Kumitati Xjentifiċi

Il-Kumitati Xjentifiċi li ġejjin huma stabbiliti:

(a)

il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sigurtà tal-Konsumatur (minn hawn ’il quddiem SCCS); u

(b)

il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Sanitarji, Ambjentali u Emerġenti (minn hawn ’il quddiem SCHEER).

Artikolu 2

Missjoni

(1)   Il-missjoni tal-Kumitati Xjentifiċi għandha tkun li jipprovdu lill-Kummissjoni pariri xjentifiċi u valutazzjoni tar-riskju fl-oqsma tas-saħħa pubblika, tas-sikurezza tal-konsumatur, u tar-riskji ambjentali, inkluż, fejn rilevanti, l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tar-riċerka biex jiġu indirizzati l-lakuni kritiċi fl-informazzjoni, il-valutazzjoni tal-azzjonijiet ta’ riċerka proposti fil-ġejjieni u tar-riżultati tar-riċerka.

(2)   L-oqsma ta’ kompetenza tal-Kumitati Xjentifiċi huma stabbiliti fl-Anness I.

(3)   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi mogħtija mill-atti tal-Unjoni lil korpi oħra tal-Unjoni li jwettqu valutazzjoni tar-riskju, b’mod partikolari, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard.

Artikolu 3

Parir xjentifiku

(1)   Il-Kumitati Xjentifiċi għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni opinjonijiet xjentifiċi dwar il-valutazzjoni tar-riskju fil-każijiet stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni.

(2)   Barra minn hekk, il-Kumitati Xjentifiċi għandhom jipprovdu lis-servizzi tal-Kummissjoni, fuq talba, parir xjentifiku dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza partikolari għas-saħħa pubblika, għas-sikurezza tal-konsumatur u għar-riskji ambjentali.

(3)   Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jistiednu lill-Kumitati Xjentifiċi biex jidentifikaw il-ħtiġijiet tar-riċerka ħalli jindirizzaw il-lakuni kritiċi fl-informazzjoni, jivvalutaw ir-riċerka proposta fil-ġejjieni u jivvalutaw ir-riżultati tar-riċerka fir-rigward tal-oqsma tas-suġġetti koperti mill-oqsma ta’ kompetenza tagħhom.

(4)   Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jitolbu wkoll lill-Kumitati biex jipprovdu pariri rapidi dwar ir-riskji fuq l-istat tal-għarfien xjentifiku rigward ir-riskji speċifiċi fil-każ tal-ħtiġijiet urġenti.

(5)   Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jistiednu lill-Kumitati Xjentifiċi biex ikunu parti min-networks jew l-avvenimenti tematiċi flimkien ma’ korpi oħra tal-Unjoni jew organizzazzjonijiet xjentifiċi, biex jimmonitorjaw u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-għarfien xjentifiku fl-oqsma ta’ kompetenza ddefiniti fl-Anness I.

(6)   Il-Kumitati Xjentifiċi għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tas-servizzi tagħha għal xi problema speċifika jew emerġenti li hija parti mill-oqsma ta’ kompetenza tagħhom, li jqisu li tista’ tkun ta’ riskju potenzjali jew attwali għas-sikurezza tal-konsumatur, għas-saħħa pubblika jew għall-ambjent, billi jadottaw u jindirizzaw il-memoranda jew id-dikjarazzjonijiet tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni. Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jiddeċiedu li jippubblikaw dawn il-memoranda u d-dikjarazzjonijiet u għandhom jiddeterminaw l-azzjoni li għandha tittieħed inkluż, jekk xieraq, talba għal opinjoni xjentifika dwar il-kwistjoni.

(7)   Il-Kumitati, wara li jikkonsultaw lis-Segretarjat previst fl-Artikolu 14, għandhom jadottaw il-metodoloġija tagħhom biex iwettqu u jipprovdu valutazzjoni tar-riskju u jirrieżaminawha minn żmien għal żmien biex tirrifletti l-fatturi xjentifiċi rilevanti kollha. Dawn għandhom jiżguraw li l-metodoloġija tirrifletti l-prattika attwali tal-valutazzjoni tar-riskju.

Kapitolu 2

Kompożizzjoni tal-Kumitati Xjentifiċi

Artikolu 4

Ħatra tal-membri tal-Kumitati Xjentifiċi

(1)   L-SCCS u l-SCHEER għandhom jikkonsistu minn massimu ta’ 19-il membru kull wieħed. Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari għandu jiddetermina n-numru tal-membri ta’ kull Kumitat f’konformità mal-ħtiġijiet neċessarji.

(2)   Il-membri tal-Kumitati Xjentifiċi għandhom jinħatru mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari abbażi tal-għarfien espert xjentifiku b’evidenza li ssostnih u tal-esperjenza li juru l-kandidati għall-firxa ddefinita ta’ dixxiplini, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġu żgurati:

(a)

ir-rappreżentanza bbilanċjata tal-għarfien espert f’wieħed jew aktar mill-oqsma ta’ kompetenza tal-Kumitat rilevanti, biex b’mod kollettiv tiġi koperta l-akbar firxa possibbli ta’ dixxiplini rilevanti biex dak il-Kumitat iwettaq il-missjoni tiegħu u jirrifletti d-diversità tal-problemi u l-approċċi xjentifiċi;

(b)

l-indipendenza u n-nuqqas tal-kunflitt ta’ interess;

(c)

ir-rappreżentazzjoni bbilanċjata tal-oriġini ġeografika;

(d)

ir-rappreżentazzjoni bbilanċjata tal-ġeneri.

(3)   Il-membri tal-Kumitati Xjentifiċi għandhom jinħatru minn lista ta’ kandidati xierqa stabbilita wara li tiġi ppubblikata sejħa għall-espressjoni ta’ interess fuq is-sit web tal-Kummissjoni; se tiġi pprovduta wkoll link mir-Reġistru tal-Gruppi ta’ Esperti tal-Kummissjoni u Entitajiet Oħra Simili (minn hawn ’il quddiem “ir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti”).

(4)   Il-kandidati xierqa li jkunu ġew inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 3, iżda li ma jkunux inħatru, għandhom jiġu inklużi f’lista ta’ riżerva. Il-lista ta’ riżerva tista’ tintuża biex jinstabu kandidati xierqa biex jissostitwixxu lill-membri li s-sħubija tagħhom fil-Kumitat tkun intemmet f’konformità mal-Artikolu 5(2) jew minħabba mewt.

(5)   Il-lista tal-membri tal-Kumitati Xjentifiċi għandha tiġi ppubblikata fir-Reġistru tal-Gruppi ta’ Esperti u tkun disponibbli wkoll fuq is-sit web rilevanti tal-Kummissjoni.

Artikolu 5

Mandat

(1)   Il-membri tal-Kumitati Xjentifiċi għandhom jinħatru għal terminu ta’ 5 snin. Għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jiġu sostitwiti jew il-ħatra tagħhom tiġġedded.

(2)   Meta membru li ma jibqax jikkonforma mal-kundizzjoni skont l-Artikoli 16 sa 18 ta’ din id-Deċiżjoni jew skont l-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ikun jixtieq jirriżenja jew ma jibqax kapaċi jikkontribwixxi b’mod effettiv għad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jtemmu s-sħubija ta’ dak il-membru.

(3)   Meta s-sħubija ta’ membru tkun intemmet f’konformità mal-paragrafu 2 jew minħabba mewt, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari għandu jaħtar sostitut għall-bqija tal-mandat ta’ 5 snin.

Kapitolu 3

Funzjonament tal-Kumitati Xjentifiċi

Artikolu 6

Elezzjoni tal-Presidenti u tal-Viċi-Presidenti

(1)   Fil-bidu ta’ kull terminu, kull Kumitat Xjentifiku għandu jeleġġi President u żewġ Viċi Presidenti minn fost il-membri tiegħu. L-elezzjoni għandha sseħħ b’maġġoranza sempliċi tan-numru totali tal-membri tal-Kumitat.

(2)   Il-mandat tal-President u dak tal-Viċi President għandu jkun ta’ 5 snin, u dan għandu jkun jista’ jiġġedded. Kwalunkwe sostituzzjoni tal-President jew tal-Viċi President matul il-mandat ta’ 5 snin għandha tkun għall-bqija ta’ dak il-mandat.

(3)   Il-proċedura għall-elezzjoni tal-President u tal-Viċi-Presidenti tal-Kumitati Xjentifiċi għandha tiġi stabbilita fir-regoli ta’ proċeduri msemmija fl-Artikolu 12.

Artikolu 7

Regoli tal-votazzjoni

(1)   Kull Kumitat Xjentifiku għandu jieħu deċiżjoni b’maġġoranza tan-numru totali tal-membri tiegħu.

(2)   Dawk il-membri ta’ Kumitat li jkunu rriżenjaw jew li s-sħubija tagħhom tkun intemmet f’konformità mal-Artikolu 5(2) jew minħabba mewt ma għandhomx jitqiesu għall-kalkolu tal-maġġoranza msemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 8

Tħejjija tal-opinjonijiet xjentifiċi

(1)   Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jeħtieġu l-adozzjoni ta’ opinjoni xjentifika minn xi Kumitat Xjentifiku f’perjodu speċifikat.

(2)   Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jeħtieġu l-adozzjoni ta’ opinjoni konġunta dwar il-kwistjonijiet li jeħtieġ jiġu kkunsidrati miż-żewġ Kumitati.

(3)   Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jorganizzaw il-konsultazzjonijiet, is-seduti ta’ smigħ jew il-kollaborazzjoni ma’ korpi xjentifiċi oħra li jqisu meħtieġa għat-tħejjija tal-opinjonijiet tal-Kumitati.

Artikolu 9

Esperti esterni

(1)   Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jistiednu l-esperti esterni, kif ukoll l-esperti minn korpi oħra tal-Unjoni b’għarfien xjentifiku u għarfien espert speċifiku u rilevanti biex jikkontribwixxu għall-ħidma tal-Kumitati Xjentifiċi, inklużi l-gruppi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 10.

(2)   L-għażla tal-esperti esterni għandha tikkonforma mar-regoli ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 12.

Artikolu 10

Gruppi ta’ ħidma

(1)   Bi ftehim mas-servizzi tal-Kummissjoni, il-Kumitati Xjentifiċi jistgħu jistabbilixxu gruppi ta’ ħidma speċifiċi li l-kompitu tagħhom għandu jikkonsisti fit-tħejjija u fl-abbozzar tal-opinjonijiet xjentifiċi tal-Kumitati. Dawn il-gruppi ta’ ħidma għandhom jiġu stabbiliti b’mod partikolari meta jkun meħtieġ għarfien espert estern dwar suġġett partikolari.

(2)   Il-gruppi ta’ ħidma għandhom ikunu magħmula minn membri tal-Kumitat rilevanti, u jistgħu jinkludu wkoll l-esperti esterni. Il-gruppi ta’ ħidma għandhom ikunu ppreseduti minn membru tal-Kumitat Xjentifiku. Il-President tal-grupp ta’ ħidma għandu jkollu r-responsabbiltà li jsejjaħ il-grupp ta’ ħidma u jirrapporta lill-Kumitat, u jista’ jaħtar relatur minn fost il-parteċipanti tal-grupp ta’ ħidma. Għal kwistjonijiet partikolarment komplessi ta’ natura multidixxiplinarja, jista’ jinħatar aktar minn relatur wieħed.

(3)   Meta kwistjoni tkun komuni għal iżjed minn Kumitat Xjentifiku wieħed, għandu jitwaqqaf grupp ta’ ħidma konġunt li jinkludi l-membri miż-żewġ Kumitati, kif ukoll l-esperti esterni, kif meħtieġ.

Artikolu 11

Parteċipazzjoni ta’ trainees

Bi ftehim mas-servizzi tal-Kummissjoni u f’konformità mar-regoli ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 12, il-Kumitati Xjentifiċi jistgħu jdaħħlu xi trainees fil-laqgħat tagħhom, bil-ħsieb li jikkontribwixxu għall-bini tal-kapaċità fil-qasam tal-valutazzjoni tar-riskju.

Artikolu 12

Regoli ta’ proċedura

(1)   Fuq proposta tas-servizzi tal-Kummissjoni u bi ftehim magħhom, il-Kumitati Xjentifiċi għandhom jadottaw ir-regoli komuni ta’ proċedura.

(2)   Ir-regoli ta’ proċedura għandhom jiżguraw li l-Kumitati Xjentifiċi jwettqu l-kompiti tagħhom skont il-prinċipji ta’ eċċellenza, indipendenza u trasparenza kif stabbilit fil-Kapitolu 4 u mar-regoli tal-Kummissjoni dwar il-gruppi ta’ esperti, filwaqt li jqisu t-talbiet leġittimi għall-kunfidenzjalità kummerċjali kif ukoll il-prinċipji tal-valutazzjoni tar-riskju li jistgħu jiġu stabbiliti mis-servizzi tal-Kummissjoni fid-dawl tal-esperjenza u tal-politika tagħha f’dan il-qasam.

(3)   Ir-regoli ta’ proċedura għandhom jipprevedu b’mod partikolari:

(a)

l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fil-Kapitolu 4;

(b)

proċedura ta’ djalogu mal-partijiet ikkonċernati kif imsemmi fl-Artikolu 14(3);

(c)

il-proċeduri għall-adozzjoni ta’ opinjoni xjentifika u l-għoti ta’ parir xjentifiku rapidu kif imsemmi fl-Artikolu 3(4);

(d)

ir-relazzjonijiet ma’ partijiet terzi, inkluż il-korpi xjentifiċi;

(e)

regoli dettaljati oħra dwar il-funzjonament tal-Kumitati Xjentifiċi inkluż il-koordinazzjoni bejn il-Kumitati.

Artikolu 13

Opinjonijiet diverġenti, koordinazzjoni u kollaborazzjoni ma’ korpi oħra nazzjonali, internazzjonali tal-Unjoni

(1)   Fir-rigward tar-relazzjonijiet ma’ korpi rilevanti oħra nazzjonali, internazzjonali jew tal-Unjoni li jwettqu kompiti simili, il-Kumitati Xjentifiċi għandhom jgħinu lis-servizzi tal-Kummissjoni:

(a)

jidentifikaw, fi stadju bikri, il-ħtiġijiet u l-possibbiltajiet għall-koordinazzjoni tax-xogħol u l-kollaborazzjoni, inkluż il-kondiviżjoni tad-data u tal-informazzjoni, u d-diverġenzi potenzjali jew attwali fl-opinjonijiet xjentifiċi;

(b)

jevitaw, isolvu, jew jiċċaraw l-opinjonijiet diverġenti u jistabbilixxu u jżommu relazzjonijiet ta’ kollaborazzjoni.

(2)   Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jitolbu u jorganizzaw ħidma konġunta, inklużi opinjonijiet konġunti, tal-Kumitati Xjentifiċi mal-korpi nazzjonali, internazzjonali jew tal-Unjoni li jwettqu kompiti simili.

(3)   Fejn tkun ġiet identifikata diverġenza sostantiva dwar kwistjonijiet xjentifiċi u l-korp inkwistjoni jkun korp tal-Unjoni, il-Kumitat Xjentifiku kkonċernat għandu, fuq talba tas-servizzi tal-Kummissjoni, jikkoopera mal-korp ikkonċernat bil-ħsieb li jew isolvi d-diverġenza jew jippreżenta dokument konġunt lis-servizzi tal-Kummissjoni fejn jiċċara l-kwistjonijiet xjentifiċi kontenzjużi u jidentifika l-inċertezzi rilevanti fid-data. Dan id-dokument għandu jiġi ppubblikat.

Artikolu 14

Segretarjat tal-Kumitati Xjentifiċi

(1)   Id-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari għandu jipprovdi segretarjat għall-Kumitati Xjentifiċi u l-gruppi ta’ ħidma tagħhom kif ukoll għall-attivitajiet l-oħra kollha marbuta mal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(2)   Is-segretarjat għandu jkun responsabbli biex jipprovdi l-appoġġ xjentifiku u amministrattiv meħtieġ biex jiġi ffaċilitat il-funzjonament effiċjenti tal-Kumitati Xjentifiċi, tiġi mmonitorjata l-konformità mar-regoli ta’ proċedura, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ eċċellenza, indipendenza u trasparenza, tiġi żgurata l-komunikazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Kumitati u d-djalogu xieraq mal-partijiet ikkonċernati, inkluż b’mod partikolari l-organizzazzjoni tas-seduti ta’ smigħ dwar l-attivitajiet tal-Kumitati, u l-pubblikazzjoni tal-opinjonijiet u ta’ dokumenti oħra pubbliċi. Barra minn hekk, is-segretarjat għandu jipprovdi appoġġ lill-Kumitati u jorganizza u japplika kontroll tal-kwalità tal-opinjonijiet, kif previst fir-regoli ta’ proċedura, sa fejn għandhom x’jaqsmu l-kompletezza, il-konsistenza, iċ-ċarezza, il-korrispondenza mat-talbiet u l-livelli editorjali.

(3)   Is-segretarjat għandu jiżgura l-koordinazzjoni xjentifika u teknika tal-attivitajiet tal-Kumitati Xjentifiċi u, fejn meħtieġ, il-koordinazzjoni f’waqtha tal-attivitajiet tagħhom ma’ dawk ta’ korpi oħra nazzjonali, internazzjonali jew tal-Unjoni, biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa fuq suġġetti ta’ tħassib komuni, kif ukoll l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ djalogu mal-partijiet ikkonċernati stabbilita fir-regoli ta’ proċedura u l-komunikazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Kumitati.

Artikolu 15

Benefiċċju speċjali

(1)   Il-membri tal-Kumitati Xjentifiċi u l-esperti esterni għandhom ikunu intitolati għal benefiċċju speċjali għax-xogħol ta’ tħejjija u l-parteċipazzjoni tagħhom, personalment jew mill-bogħod b’mezzi elettroniċi, fil-laqgħat tal-Kumitati, fil-gruppi ta’ ħidma u f’attivitajiet oħra relatati mal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u organizzati mis-servizzi tal-Kummissjoni, u talli jservu bħala relatur dwar kwistjoni speċifika, kif previst fl-Anness II.

(2)   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u, fejn xieraq, tas-sussistenza tal-membri u tal-esperti esterni b’rabta mal-attivitajiet tal-Kumitati Xjentifiċi għandhom jiġu rimborżati skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ tal-Kummissjoni. Dawk l-ispejjeż għandhom jiġu rrimborżati fil-limiti tal-baġit annwali allokat għall-Kumitati Xjentifiċi mis-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni.

Kapitolu 4

Prinċipji

Artikolu 16

Indipendenza

(1)   Il-membri tal-Kumitati Xjentifiċi u l-esperti esterni għandhom jiġu nnominati personalment. Dawn ma għandhomx jiddelegaw ir-responsabbiltajiet tagħhom lil xi persuna oħra.

(2)   Il-membri tal-Kumitati Xjentifiċi u l-esperti esterni għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku. Għal dan l-għan, għandhom jagħmlu dikjarazzjoni tal-interessi li tindika kwalunkwe interess li jista’ jikkomprometti jew li b’mod raġonevoli jista’ jitqies li jikkomprometti l-indipendenza tagħhom, inkluż kwalunkwe ċirkostanza rilevanti marbuta mal-membri tal-familja qrib tagħhom.

(3)   Id-dikjarazzjonijiet tal-interessi għandhom isiru bil-miktub, qabel il-ħatra bħala membru tal-Kumitat Xjentifiku jew bħala espert estern, u kull sena. Dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom jiġu aġġornati kull meta bidla fiċ-ċirkostanzi tirrikjedi dan.

(4)   F’kull laqgħa, il-membri tal-Kumitati Xjentifiċi u l-esperti esterni għandhom jiddikjaraw kwalunkwe interess speċifiku li jista’ jikkomprometti jew li jista’ raġonevolment jitqies li jikkomprometti l-indipendenza tagħhom fir-rigward tal-punti fuq l-aġenda. L-istess obbligu għandu japplika, mutatis mutandis, meta titnieda proċedura bil-miktub fi kwalunkwe wieħed mill-Kumitati Xjentifiċi.

Artikolu 17

Kunfidenzjalità

(1)   Il-membri tal-Kumitati Xjentifiċi u l-esperti esterni ma għandhomx jiddivulgaw informazzjoni miksuba bħala riżultat tax-xogħol tal-Kumitati Xjentifiċi, jew gruppi ta’ ħidma jew bħala riżultat ta’ attivitajiet oħra marbuta mal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Għal dan l-għan, għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità.

(2)   Il-membri tal-Kumitati Xjentifiċi u l-esperti esterni għandhom jikkonformaw mar-regoli tas-sigurtà tal-Kummissjoni għall-protezzjoni ta’ Informazzjoni Klassifikata tal-Unjoni Ewropea (EUCI) u ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (3) u 2015/444 (4). Jekk dawn l-obbligi ma jintlaħqux, is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jieħdu l-miżuri xierqa kollha.

Artikolu 18

Impenn

Il-membri tal-Kumitati Xjentifiċi u l-esperti esterni għandhom jintrabtu li jaġixxu b’mod indipendenti, fl-interess pubbliku u li jikkontribwixxu b’mod attiv għax-xogħol tal-Kumitati Xjentifiċi. Għal dan l-għan, għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni ta’ kunfidenzjalità.

Artikolu 19

Trasparenza

(1)   L-attivitajiet tal-Kumitati Xjentifiċi għandhom jitwettqu b’livell għoli ta’ trasparenza. Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jippubblikaw id-dokumenti rilevanti kollha, bħall-aġendi, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti, fuq sit web apposta; se tiġi pprovduta wkoll link mir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti għal dan is-sit web. B’mod partikolari, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tagħhom, mingħajr dewmien żejjed:

(a)

it-talb għall-opinjonijet indirizzati lill-Kumitati Xjentifiċi;

(b)

l-aġendi u l-minuti tal-laqgħat tal-Kumitati Xjentifiċi, u l-minuti tal-gruppi ta’ ħidma;

(c)

l-opinjonijiet xjentifiċi adottati mill-Kumitati Xjentifiċi, inkluż l-opinjonijiet tal-minoranza u l-ismijiet tal-parteċipanti fil-gruppi ta’ ħidma li kkontribwew għall-opinjoni kkonċernata; l-opinjonijiet tal-minoranza għandhom jiġu attribwiti lill-membri kkonċernati;

(d)

ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitati Xjentifiċi;

(e)

l-ismijiet tal-membri tal-Kumitati Xjentifiċi, flimkien ma’ curriculum vitae qasira ta’ kull membru;

(f)

id-dikjarazzjonijiet tal-interessi, tal-kunfidenzjalità u tal-impenn tal-membri tal-Kumitati Xjentifiċi u tal-esperti esterni.

(2)   L-ismijiet u d-dikjarazzjonijiet tal-interess tal-membri tal-grupp ta’ ħidma għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-Kummissjoni wara li tiġi ppubblikata l-opinjoni li jkunu kkontribwew għaliha.

L-eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni għandhom ikunu possibbli meta d-divulgazzjoni ta’ dokument iddgħajjef il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif iddefinit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

(3)   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu applikati f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), speċjalment fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u l-kunfidenzjalità kummerċjali.

Kapitolu 5

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 20

Sostituzzjoni tal-Kumitati Xjentifiċi

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21, il-Kumitati Xjentifiċi stabbiliti bl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jissostitwixxu l-Kumitati Xjentifiċi eżistenti mwaqqfa bid-Deċiżjoni 2008/721/KE kif ġej:

(a)

il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur għandu jissostitwixxi l-Kumitat tal-istess isem;

(b)

il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Sanitarji, Ambjentali u Emerġenti għandu jissostitwixxi l-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u għall-Ambjent u l-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Emerġenti għas-Saħħa u dawk Identifikati Reċentement.

Artikolu 21

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

Il-Kumitati Xjentifiċi kollha stabbiliti bid-Deċiżjoni 2008/721/KE għandhom ikomplu joperaw f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dik id-Deċiżjoni, u l-membri tagħhom għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jinħatru l-membri tal-Kumitati Xjentifiċi stabbiliti b’din id-Deċiżjoni.

Artikolu 22

Tħassir

(1)   Id-Deċiżjoni 2008/721/KE titħassar.

(2)   Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni. Ir-referenzi għall-Kumitati stabbiliti bid-deċiżjoni mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għall-Kumitati stabbiliti b’din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Awwissu 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/721/KE tal-5 ta’ Settembru 2008 li twaqqaf Struttura Konsultattiva ta’ Kumitati Xjentifiċi u esperti fil-qasam tas-sigurtà tal-konsumatur, is-saħħa pubblika u l-ambjent u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2004/210/KE (ĠU L 241, 10.9.2008, p. 21).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


Anness 1

Oqsma ta’ Kompetenza

(1)

Il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur (SCCS)

Fuq talba tas-servizzi tal-Kummissjoni, l-SCCS għandu jipprovdi opinjonijiet dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-riskji għas-saħħa u għas-sikurezza, b’mod partikolari r-riskji kimiċi, bijoloġiċi, mekkaniċi u fiżiċi oħra, ta’:

(a)

il-prodotti tal-konsumatur mhux tal-ikel bħal

—

il-prodotti kożmetiċi u l-ingredjenti tagħhom, inklużi n-nanomaterjal, iż-żebgħa tax-xagħar, l-ingredjenti tal-fwieħa;

—

il-prodotti tal-kura personali u tad-dar bħal deterġenti; il-ġugarelli, it-tessuti, il-ħwejjeġ, eċċ.

(b)

is-servizzi bħat-tatwaġġi, is-smurija tal-ġilda artifiċjali, eċċ.

(2)

Il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Sanitarji, Ambjentali u Emerġenti (SCHEER)

Fuq talba tas-servizzi tal-Kummissjoni, l-SCHEER għandu jipprovdi opinjonijiet dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-riskji sanitarji, ambjentali u emerġenti.

B’mod partikolari, il-Kumitati għandu jipprovdi opinjonijiet dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-riskji emerġenti għas-saħħa u għall-ambjent jew li ġew identifikati reċentement u dwar il-kwistjonijiet ġenerali, komplessi jew multidixxiplinarji li jeħtieġu valutazzjoni komprensiva tar-riskji għas-sikurezza tal-konsumatur jew għas-saħħa pubblika u l-kwistjonijiet relatati mhux koperti minn korpi oħra tal-Unjoni għall-valutazzjoni tar-riskju.

L-eżempji ta’ oqsma tal-attività jinkludu r-riskji potenzali assoċjati mar-resistenza għall-antimikrobiċi, it-teknoloġiji ġodda bħan-nanoteknoloġiji, l-apparati mediċi inkluż dawk li jinkorporaw sustanzi ta’ oriġini mill-annimali u/jew mill-bniedem, l-inġinerija tat-tessuti, il-prodotti tad-demm, it-tnaqqis tal-fertilità, il-perikli fiżiċi bħall-istorbju u l-kampijiet elettromanjetiċi, l-interazzjoni ta’ fatturi ta’ riskju, l-effetti sinerġiċi, l-effetti kumulattivi, u l-metodologiji ghall-valutazzjoni ta’ riskji ġodda. Barra minn hekk, jista’ jintalab jindirizza r-riskji marbuta mad-determinanti tas-saħħa pubblika u mal-mard mhux trażmissibbli.

L-SCHEER għandu jipprovdi wkoll opinjonijiet dwar ir-riskji marbuta mas-sustanzi niġġiesa fl-ambjent u fatturi bijoloġiċi u fiżiċi oħra jew kundizzjonijiet fiżiċi li qed jinbidlu li jista’ jkollhom impatt negattiv fuq is-saħħa u l-ambjent, pereżempju fir-rigward tal-kwalità tal-arja, tal-ilmijiet, tal-iskart u l-ħamrija, kif ukoll fuq il-valutazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja.

Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi mogħtija lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), u lil korpi oħra tal-Unjoni li jwettqu l-valutazzjoni tar-riskju, l-SCHEER jista’ jiġi mistieden ukoll jindirizza l-kwistjonijiet marbuta mal-eżaminar tat-tossiċità u l-ekotossiċità ta’ komposti kimiċi, bijokimiċi u bijoloġiċi li l-użu tagħhom jista’ jkollu effetti negattivi għas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, inkluż il-bijoċidi.

Barra minn hekk, il-Kumitat se jindirizza l-kwistjonijiet marbuta mal-aspett metodoloġiku tal-valutazzjoni tar-riskji tas-sustanzi kimiċi għas-saħħa u għall-ambjent, inklużi t-taħlitiet ta’ sustanzi kimiċi, kif meħtieġ, biex jipprovdi pariri tajba u konsistenti fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu stess kif ukoll biex jikkontribwixxi għall-kwistjonijiet rilevanti b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ aġenziji Ewropej oħra.


ANNESS II

Benefiċċju speċjali

(1)

Il-ħidma tal-Kumitati tikkontribwixxi b’mod effettiv għat-titjib tas-saħħa pubblika, u għall-protezzjoni taċ-ċittadini u tal-ambjent. Dan jinkiseb billi tiġi evalwata l-aħħar data xjentifika disponibbli biex il-Kummissjoni tingħata valutazzjoni tar-riskju soda u f’waqtha bbażata fuq l-evidenza u l-pariri xjentifiċi għall-iżvilupp u għall-monitoraġġ tal-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni marbuta mas-saħħa pubblika, mas-sikurezza tal-konsumatur u mar-riskji ambjentali. Minħabba l-fatt li l-parir ipprovdut huwa speċifiku u ta’ tali natura li mingħajrha l-politika tal-Unjoni kkonċernata ma setgħetx tilħaq l-objettivi tagħha, il-membri tal-Kumitati Xjentifiċi u l-esperti esterni huma intitolati għal benefiċċju speċjali kif stipulat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014)2220.

(2)

Il-membri tal-Kumitati Xjentifiċi u l-esperti esterni huma intitolati għal benefiċċju speċjali li jikkumpensahom għall-parteċipazzjoni tagħhom, personalment jew mill-bogħod, u għax-xogħol ta’ tħejjija relatat fil-laqgħat tal-Kumitati, fil-gruppi ta’ ħidma u f’attivitajiet oħra organizzati mis-servizzi tal-Kummissjoni relatati mal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Il-benefiċċju speċjali jikkonsisti f’massimu ta’ EUR 450 fil-forma ta’ kost ta’ unità ta’ kuljum għal kull jum sħiħ ta’ xogħol. Il-benefiċċju totali għandu jiġi kkalkulat u aġġustat ’il fuq favur l-ammont li jikkorrispondi mal-eqreb nofs jum ta’ xogħol.

(3)

Il-membri tal-Kumitati Xjentifiċi u l-esperti esterni huma intitolati għal benefiċċju speċjali biex jaġixxu bħala relaturi ħalli jiġu kkumpensati għax-xogħol imwettaq. Dan il-benefiċċju speċjali għandu jiġi kkalkulat skont in-numru ta’ jiem ta’ xogħol meħtieġa biex isir ix-xogħol. Il-kalkolu tan-numru ta’ jiem ta’ xogħol huwa mmodulat skont l-ammont ta’ xogħol marbut mal-kumplessità tal-kwistjoni, it-tul tal-perjodu meħtieġ biex titlesta l-opinjoni, l-ammont u l-aċċessibbiltà tad-data u tal-letteratura xjentifika u l-informazzjoni li trid tinġabar u tiġi pproċessata u l-ammont u l-kumplessità tal-konsultazzjonijiet pubbliċi u mal-partijiet ikkonċernati u l-kuntatti ma’ korpi oħra, fid-dawl tal-kriterji indikattivi li ġejjin:

jiem ta’ xogħol

Kriterji indikattivi

jum sħiħ ta’ xogħol

—

kwistjoni sempliċi u ta’ rutina

—

opinjoni bbażata fuq l-eżaminar ta’ fajl, b’tiftix limitat tad-data u eżaminar limitat tal-letteratura

—

l-ebda konsultazzjoni pubblika

—

b’mod indikattiv, 6 xhur bejn l-ewwel u l-aħħar laqgħa

jumejn sħaħ ta’ xogħol

—

kwistjoni kumplessa

—

opinjoni bbażata fuq ammont sinifikanti ta’ data u studju tad-dokumenti u bibljografija

—

konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u/jew pubblika b’ammont ta’ xogħol limitat ta’ eżaminar tal-feedback

—

b’mod indikattiv, minn 6 xhur sa 12-il xahar bejn l-ewwel u l-aħħar laqgħa

3 ijiem sħaħ ta’ xogħol

—

kwistjoni kumplessa ħafna

—

ħtieġa ta’ studju u analiżi estensivi ħafna tad-data u tal-bibljografija

—

konsultazzjonijiet estensivi u kumplessi mal-partijiet ikkonċernati, mal-pubbliku u ma’ korpi xjentifiċi oħra, b’eżaminar importanti tal-feedback

—

b’mod indikattiv, aktar minn 12-il xahar bejn l-ewwel u l-aħħar laqgħa

(a)

F’kull każ speċifiku, abbażi tal-kriterji msemmija fit-tabella ta’ hawn fuq, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jindikaw il-benefiċċju totali għar-relatur. Il-benefiċċju totali jista’ jiġi mmodifikat mill-Kummissjoni matul ix-xogħol ta’ tħejjija għall-opinjoni mitluba jekk dan ikun iġġustifikat minn tibdil mhux previst fir-rigward tal-kriterji rilevanti.

(b)

F’każ li jkun meħtieġ aktar minn relatur wieħed biex titfassal opinjoni, il-benefiċċju totali applikabbli għal kull relatur jiġi kkalkulat mis-servizzi tal-Kummissjoni fil-forma ta’ jiem ta’ xogħol meħtieġa biex isir ix-xogħol, filwaqt li jitqiesu l-kriterji rilevanti msemmija hawn fuq u l-kompiti speċifiċi assenjati lil kull relatur.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1514/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)