Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
2024/1505 |
30.5.2024 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1505
tat-22 ta’ Frar 2024
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jiddetermina l-ammont tat-tariffi għas-sorveljanza li jridu jiġu imposti mis-Sorveljant Ewlieni fuq fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT u l-mod li bih dawn it-tariffi jridu jitħallsu
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2022/2554 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 909/2014 u (UE) 2016/1011 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Jenħtieġ li tiġi stabbilita tariffa annwali għas-sorveljanza biex tkopri kompletament in-nefqa meħtieġa tas-Sorveljant Ewlieni u tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej l-oħra meta jwettqu kompiti ta’ sorveljanza fil-kuntest tar-Regolament (UE) 2022/2554. It-tariffa annwali għas-sorveljanza jenħtieġ li tkopri wkoll il-kostijiet stmati mill-awtoritajiet kompetenti li lilhom jiġu delegati l-kompiti mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. |
(2) |
F’konformità mal-prinċipju tal-annwalità u l-prinċipju tal-irkupru sħiħ tal-kostijiet, it-tariffi annwali għas-sorveljanza jenħtieġ li jiġu kkalkolati abbażi tal-kostijiet diretti u indiretti stmati mill-ASE biex iwettqu l-kompiti ta’ sorveljanza tagħhom. It-tariffi annwali għas-sorveljanza jenħtieġ li jiġu aġġustati kull sena biex jaqblu mal-kostijiet stmati. |
(3) |
Sabiex tiġi żgurata l-allokazzjoni ġusta tat-tariffi għas-sorveljanza li, fl-istess waqt, tirrifletti l-isforz amministrattiv reali ddedikat għal fornitur taħt superviżjoni, it-tariffa annwali għas-sorveljanza jenħtieġ li tkun proporzjonata għall-fatturat iġġenerat mill-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT fl-Unjoni mill-forniment tas-servizzi tal-ICT lill-klijenti mis-settur finanzjarju. |
(4) |
Sabiex tiġi żgurata l-preċiżjoni tal-informazzjoni finanzjarja meħtieġa għall-kalkolu tal-fatturat applikabbli, jenħtieġ li jiġu awditjati ċ-ċifri kollha pprovduti mill-fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT. Meta wieħed iqis li l-informazzjoni dwar il-fatturat applikabbli hija meħtieġa sabiex is-Sorveljant Ewlieni jistabbilixxi l-ammont tat-tariffa għas-sorveljanza imposta fuq kull fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT kull sena biex ikopri l-kostijiet tas-sorveljanza, is-Sorveljant Ewlieni jenħtieġ li jikkunsidra d-dħul dinji tal-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT iġġenerat irrispettivament mit-tipi ta’ klijenti fil-każ li fih il-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT ma jipprevedix informazzjoni mfassla apposta dwar id-dħul iġġenerat fl-Unjoni mill-forniment tas-servizzi tal-ICT lill-istituzzjonijiet finanzjarji. |
(5) |
Jenħtieġ li tiġi imposta tariffa annwali minima għas-sorveljanza fuq kull fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT, minħabba li ċerti kostijiet amministrattivi fissi japplikaw għas-superviżjoni tal-fornituri terzi kritiċi kollha ta’ servizzi tal-ICT, irrispettivament mill-ammont ta’ fatturat akkumulat. |
(6) |
Sabiex jiġu koperti l-kostijiet speċifiċi mġarrba matul l-ewwel sena tad-deżinjazzjoni u tas-sorveljanza ta’ fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT, relatati fost l-oħrajn mal-proċess tad-deżinjazzjoni u l-appuntar tas-Sorveljant Ewlieni, jenħtieġ li tiġi stabbilita tariffa fissa. Sabiex jiġu riflessi l-kostijiet imġarrba għas-sorveljanza wara d-deżinjazzjoni tal-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT, jenħtieġ li din it-tariffa tiġi aġġustata għall-perjodu ta’ żmien f’dik l-ewwel sena li matulu jkun ġie deżinjat il-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT. Jenħtieġ li din tissostitwixxi t-tariffa annwali għas-sorveljanza għal dik is-sena. |
(7) |
Sabiex jiġu koperti l-kostijiet addizzjonali relatati mad-deżinjazzjoni ta’ fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT li jitolbu b’mod volontarju li jiġu deżinjati bħala kritiċi f’konformità mal-Artikolu 31(11) tar-Regolament (UE) 2022/2554, jenħtieġ li tiġi stabbilita tariffa fissa addizzjonali. Sabiex jitnaffru t-talbiet bla bażi, jenħtieġ li tali tariffa fissa addizzjonali ma tiġix rimborżata jekk fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT jirtira t-talba tiegħu matul il-proċess ta’ reġistrazzjoni, u lanqas jekk it-talba tiġi miċħuda. |
(8) |
Sabiex jiġi żgurat il-pagament f’waqtu tat-tariffi għas-sorveljanza, jenħtieġ li dawk it-tariffi jitħallsu fi żmien 30 jum mid-data tal-ħruġ tan-nota ta’ debitu tas-Sorveljant Ewlieni. Sabiex jiġu ssimplifikati l-flussi tal-pagament tat-tariffi, u sabiex jiġi żgurat li l-ASE jkollhom il-fondi meħtieġa biex iwettqu l-attivitajiet superviżorji ppjanati tagħhom, jenħtieġ li t-tariffi annwali għas-sorveljanza jitħallsu f’pagament wieħed matul l-ewwel erba’ xhur tas-sena kalendarja li għaliha jkunu dovuti tali tariffi minn fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT soġġetti għal attivitajiet ta’ sorveljanza fl-1 ta’ Jannar ta’ dik is-sena jew, fil-każ ta’ fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT deżinjati matul dik is-sena, sa mhux aktar tard minn tmiem dik is-sena. |
(9) |
Jenħtieġ li t-tariffi kollha imposti jiġu stabbiliti f’livell li jkun tali li jiġu evitati defiċit jew akkumulazzjoni sinifikanti ta’ surplus. Meta riżultat baġitarju pożittiv jew negattiv sinifikanti jsir rikorrenti, il-livell tat-tariffi jenħtieġ li jiġi rivedut, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Stima tal-infiq tas-Sorveljanti Ewlenin meta jwettqu d-dmirijiet tagħhom ta’ sorveljanza
1. F’kull sena, is-Sorveljant Ewlieni u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej l-oħra għandhom jagħtu stima tal-kostijiet annwali kumplessivi li jkunu mistennija li jiġġarrbu għat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom ta’ sorveljanza. L-ammont tal-kostijiet annwali kumplessivi stmati għandu jkun il-bażi għad-determinazzjoni tal-ammont kumplessiv tat-tariffi għas-sorveljanza li jridu jiġu imposti.
2. Meta jagħti stima tal-kostijiet annwali kumplessivi, is-Sorveljant Ewlieni għandu jqis il-kostijiet diretti u indiretti li ġejjin:
(a) |
il-kostijiet relatati mad-deżinjazzjoni ta’ fornituri terzi ta’ servizzi tal-ICT bħala kritiċi; |
(b) |
il-kostijiet relatati mal-appuntar tas-Sorveljant Ewlieni; |
(c) |
il-kostijiet relatati mas-sorveljanza reali tal-fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT, inklużi dawn li ġejjin:
|
(d) |
il-kostijiet relatati mas-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mis-Sorveljanti Ewlenin f’konformità mal-Artikolu 35(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2022/2554; |
(e) |
il-kostijiet relatati mal-governanza tal-qafas ta’ sorveljanza. |
Artikolu 2
Fatturat applikabbli ta’ fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT għall-kalkolu tat-tariffi għas-sorveljanza
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 3, il-fatturat ta’ fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT għandu jkun id-dħul tiegħu ġġenerat fl-Unjoni mill-forniment tas-servizzi tal-ICT elenkati fl-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 28(9) tar-Regolament (UE) 2022/2554 u pprovduti lill-entitajiet finanzjarji elenkati fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554.
2. Il-fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT għandhom jipprovdu lis-Sorveljant Ewlieni, fuq bażi annwali fis-sena n-1 b’ċifri awditjati li jispeċifikaw il-fatturat imsemmi fil-paragrafu 1 għas-sena n-2. Il-fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT għandhom jipprovdu dawn iċ-ċifri lis-Sorveljant Ewlieni sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena.
3. Meta l-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT ma jipprovdix lis-Sorveljant Ewlieni b’ċifri awditjati sad-data msemmija fil-paragrafu 2 li jkunu limitati għal jew jinkludu d-dħul kollu kemm hu ġġenerat mill-forniment ta’ servizzi lill-entitajiet finanzjarji elenkati fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554, is-Sorveljant Ewlieni għandu jikkunsidra l-fatturat iġġenerat fl-Unjoni mill-forniment tas-servizzi tal-ICT elenkati fl-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 28(9) tar-Regolament (UE) 2022/2554 irrispettivament mit-tip ta’ klijenti tal-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT.
Meta l-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT ma jipprovdix lis-Sorveljant Ewlieni b’ċifri awditjati sad-data msemmija fil-paragrafu 2 li jkunu limitati għal jew jinkludu d-dħul kollu kemm hu ġġenerat fl-Unjoni mill-forniment ta’ servizzi tal-ICT imsemmija fl-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 28(9) tar-Regolament (UE) 2022/2554, is-Sorveljant Ewlieni għandu jikkunsidra l-fatturat dinji ġġenerat mill-forniment ta’ dawn is-servizzi tal-ICT.
Meta l-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT ma jipprovdix lis-Sorveljant Ewlieni b’ċifri awditjati sad-data msemmija fil-paragrafu 2 li jkunu limitati għal jew jinkludu d-dħul kollu kemm hu ġġenerat mill-forniment ta’ servizzi tal-ICT lill-entitajiet finanzjarji elenkati fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2022/2554, u ma jipprovdix lis-Sorveljant Ewlieni b’ċifri awditjati sad-data msemmija fil-paragrafu 2 li jkunu limitati għad-dħul iġġenerat fl-Unjoni, is-Sorveljant Ewlieni għandu jikkunsidra l-fatturat dinji irrispettivament mit-tip ta’ klijenti tal-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT.
4. Meta l-fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT jirrapportaw id-dħul f’munita għajr l-euro, is-Sorveljant Ewlieni għandu jikkonverti dak id-dħul f’euro bl-użu tar-rata tal-kambju medja tal-euro applikabbli għall-perjodu li matulu jkun ġie rreġistrat id-dħul, kif ippubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.
Artikolu 3
Kalkolu tat-tariffi għas-sorveljanza
1. Għal kull fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT, it-tariffa annwali għas-sorveljanza għal sena partikolari (n) għandha tkun il-kostijiet annwali kumplessivi stmati msemmija fl-Artikolu 1 aġġustati bil-koeffiċjent tal-fatturat imsemmi fil-paragrafu 2 abbażi tal-fatturat applikabbli tiegħu għas-sena n-2.
2. Għal kull fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT, il-koeffiċjent tal-fatturat għandu jkun ibbażat fuq il-fatturat applikabbli msemmi fl-Artikolu 2 u għandu jiġi kkalkolat kif ġej:
3. Il-fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT fl-ebda każ ma għandu jħallas tariffa annwali għas-sorveljanza li tkun inqas minn EUR 50 000.
Artikolu 4
Tariffi għas-sorveljanza fis-sena tad-deżinjazzjoni u talbiet ta’ “inklużjoni fakultattiva”
1. B’deroga mill-Artikolu 3, għall-ewwel lista ppubblikata ta’ fornituri terzi kritiċi deżinjati ta’ servizzi tal-ICT skont l-Artikolu 31(9) tar-Regolament (UE) 2022/2554, it-tariffi għas-sorveljanza għandhom jinqasmu b’mod ugwali bejn il-fornituri terzi kritiċi deżinjati ta’ servizzi tal-ICT. It-tariffa li trid tiġi imposta fuq kull fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT għandha tiġi kkalkulata billi n-nefqa kumplessiva stmata tas-Sorveljanti Ewlenin tiġi diviża bl-għadd ta’ fornituri terzi kritiċi deżinjati ta’ servizzi tal-ICT.
2. B’deroga mill-Artikolu 3 u l-paragrafu 1 hawn fuq, għall-ewwel sena li fiha fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT jiġi deżinjat bħala kritiku, dan għandu jħallas tariffa fissa għas-sorveljanza li tkun daqs l-ammont imħallas minn kull fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT skont il-paragrafu 1. Meta l-perjodu tal-attivitajiet ta’ sorveljanza ta’ tali fornitur terz kritiku ta’ servizzi tal-ICT ma jikkorrispondix għal sena sħiħa, din it-tariffa għas-sorveljanza għandha tkun daqs l-ammont imħallas minn kull fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT skont il-paragrafu 1, immultiplikat bl-għadd ta’ jiem kalendarji mid-deżinjazzjoni tal-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT bħala kritiku sa tmiem dik is-sena u diviż bl-għadd totali ta’ jiem f’dik is-sena.
3. Meta fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT jitlob li jiġi deżinjat bħala kritiku f’konformità mal-Artikolu 31(11) tar-Regolament (UE) 2022/2554, dan għandu jħallas tariffa ta’ inklużjoni fakultattiva fissa ta’ EUR 50 000. L-ASE li tirċeviha ma għandhiex tirrimborża din it-tariffa fissa ta’ inklużjoni fakultattiva meta t-talba għal deżinjazzjoni bħala kritiku tiġi rrifjutata jew irtirata mill-fornitur terz ta’ servizzi tal-ICT.
Artikolu 5
Pagament tat-tariffi għas-sorveljanza
1. Il-fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT għandhom iħallsu t-tariffi għas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) 2022/2554 lis-Sorveljant Ewlieni fuq bażi annwali.
2. It-tariffi kollha għas-sorveljanza għandhom jiġu fatturati u mħallsa f’euro. In-noti ta’ debitu għat-tariffi għas-sorveljanza għandhom jistabbilixxu termini ta’ pagament ta’ minn tal-inqas 30 jum.
3. It-tariffi kollha għas-sorveljanza għandhom jitħallsu abbażi ta’ pagament rateali wieħed. Il-fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT li se jkunu soġġetti għal attivitajiet ta’ sorveljanza fl-1 ta’ Jannar ta’ sena partikolari għandhom iħallsu n-nota ta’ debitu sat-30 ta’ April ta’ dik is-sena. Il-fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT deżinjati matul is-sena għandhom iħallsu t-tariffi msemmija fl-Artikolu 4 f’pagament rateali wieħed sal-31 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena.
4. Kwalunkwe pagament tard għandu jkun soġġett għall-imgħax ta’ inadempjenza stipulat fl-Artikolu 99 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.
Artikolu 6
Komunikazzjoni bejn is-Sorveljant Ewlieni u l-fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-komunikazzjoni kollha bejn l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u l-fornituri terzi kritiċi ta’ servizzi tal-ICT għandha ssir b’mezzi elettroniċi.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 333, 27.12.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2554/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1505/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)