European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1504

30.5.2024

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1504

tat-22 ta’ Frar 2024

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika r-regoli proċedurali għall-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu imposti multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali mill-Awtorità Bankarja Ewropea fuq l-emittenti tat-tokens irreferenzjati ma’ assi sinifikanti u fuq l-emittenti tat-tokens tal-flus elettroniċi sinifikanti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 134(10) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex il-persuna soġġetta għal investigazzjoni ta’ ksur allegat stabbilit fl-Anness V jew VI tar-Regolament (UE) 2023/1114 tingħata l-opportunità li tinstema’, dik il-persuna jenħtieġ li jkollha d-dritt li tagħmel kummenti bil-miktub dwar id-dikjarazzjoni tas-sejbiet tal-investigazzjoni f’limitu ta’ żmien raġonevoli ta’ mhux inqas minn erba’ ġimgħat qabel ma l-uffiċjal tal-investigazzjoni jkun irid jissottometti s-sejbiet tiegħu lill-EBA. Jenħtieġ li l-persuna soġġetta għall-investigazzjoni titħalla tiġi assistita minn konsulent tal-għażla tagħha. Jenħtieġ li l-uffiċjal tal-investigazzjoni jqis jekk, bħala riżultat tas-sottomissjonijiet magħmula mill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni, huwiex meħtieġ li tiġi emendata d-dikjarazzjoni tas-sejbiet qabel ma jissottomettiha lill-EBA.

(2)

Jenħtieġ li l-EBA tivverifika l-kompletezza tal-fajl sottomess mill-uffiċjal tal-investigazzjoni abbażi ta’ lista ta’ dokumenti. Biex jiġi żgurat li l-persuna soġġetta għall-investigazzjoni tkun tista’ tħejji d-difiża tagħha b’mod adegwat, qabel tadotta deċiżjoni finali fir-rigward ta’ multi jew miżuri superviżorji, l-EBA jenħtieġ li tagħtihom id-dritt li jipprovdu aktar kummenti bil-miktub.

(3)

Sabiex jiġi żgurat li l-persuna soġġetta għall-investigazzjoni tikkoopera, l-EBA jenħtieġ li tkun tista’ tieħu ċerti miżuri koerċittivi. Meta l-EBA tkun ħadet deċiżjoni li tirrikjedi li persuna soġġetta għall-investigazzjoni ttemm ksur jew tkun talbitha li tipprovdi informazzjoni kompleta jew li tissottometti rekords, data jew kwalunkwe materjal ieħor b’mod komplet, jew tkun ħadet deċiżjoni biex twettaq spezzjoni fuq il-post, hija tista’ timponi pagamenti perjodiċi ta’ penali sabiex dik il-persuna tiġi mġiegħla tikkonforma mad-deċiżjoni meħuda. Qabel ma timponi pagamenti perjodiċi ta’ penali, l-EBA jenħtieġ li tipprovdi lill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni l-opportunità li tipprovdi sottomissjonijiet bil-miktub.

(4)

Peress li l-uffiċjal tal-investigazzjoni jwettaq il-ħidma tiegħu b’mod indipendenti, l-EBA jenħtieġ li ma tkunx marbuta bil-fajl imħejji mill-uffiċjal tal-investigazzjoni. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-persuna soġġetta għall-investigazzjoni tkun tista’ tħejji d-difiża tagħha b’mod adegwat, kemm jekk l-EBA ma taqbilx kif ukoll jekk taqbel mas-sejbiet kollha jew ma’ parti mis-sejbiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni, jenħtieġ li l-persuna tiġi infurmata u tingħata l-opportunità li twieġeb.

(5)

Meta l-EBA tadotta deċiżjoni interim skont l-Artikolu 135(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114, jenħtieġ li tagħti lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni l-opportunità li tinstema’ malajr kemm jista’ jkun wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni interim u qabel ma tiġi adottata deċiżjoni konfermatorja. Madankollu, il-proċedura jenħtieġ li tagħti d-dritt tal-persuna soġġetta għall-investigazzjoni li tinstema’ minn qabel meta l-investigazzjoni titwettaq minn uffiċjal tal-investigazzjoni.

(6)

Is-setgħa tal-EBA li timponi pagament perjodiku ta’ penali għandha tiġi eżerċitata b’kunsiderazzjoni xierqa għad-dritt għad-difiża u ma għandhiex tinżamm lil hinn mill-perjodu meħtieġ. Meta l-ESMA tiddeċiedi li timponi pagament perjodiku ta’ penali, il-persuna kkonċernata jenħtieġ għalhekk li tingħata l-opportunità li tinstema’ u kwalunkwe pagament ta’ penali jenħtieġ li ma jibqax dovut mill-mument li l-persuna kkonċernata tikkonforma mad-deċiżjoni li l-EBA tkun indirizzat lil dik il-persuna.

(7)

Il-fajls ippreparati mill-EBA u mill-uffiċjal tal-investigazzjoni fihom informazzjoni li hija indispensabbli għall-persuna kkonċernata fit-tħejjija għal proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi. Għalhekk, jenħtieġ li persuna soġġetta għal investigazzjoni, wara li tkun irċeviet in-notifika ta’ dikjarazzjoni ta’ sejba jew mill-uffiċjal tal-investigazzjoni jew mill-EBA, tkun intitolata li jkollha aċċess għall-fajl soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. L-użu tad-dokumenti tal-fajl aċċessati jenħtieġ li jkun permess biss għal proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi fir-rigward ta’ ksur tar-Regolament (UE) 2023/1114.

(8)

Kemm is-setgħa li jiġu imposti multi kif ukoll pagamenti perjodiċi ta’ penali u s-setgħa li jiġu infurzati multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali jenħtieġ li jkunu soġġetti għal perjodu ta’ preskrizzjoni. Għal raġunijiet ta’ konsistenza, il-perjodi ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali jenħtieġ li jqisu l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni applikabbli għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ penali fuq entitajiet taħt superviżjoni u l-esperjenza tal-EBA fl-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni.

(9)

Sabiex l-EBA tiżgura s-salvagwardja tal-multi u tal-penali perjodiċi miġbura, jenħtieġ li l-EBA tiddepożitahom f’kontijiet bl-imgħax li jinfetħu esklussivament għall-fini ta’ multa unika jew pagamenti perjodiċi ta’ penali li jkollhom l-għan li jtemmu ksur wieħed. Bħala kwistjoni ta’ prudenza baġitarja, l-EBA jenħtieġ li tittrasferixxi biss l-ammonti lill-Kummissjoni ladarba d-deċiżjonijiet ikunu finali minħabba li d-drittijiet ta’ appell ikunu ġew eżawriti jew skaduti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Regoli Proċedurali fi proċedimenti ta’ ksur quddiem l-uffiċjal tal-investigazzjoni

1.   Mat-tlestija ta’ investigazzjoni ta’ ksur allegat kif stabbilit fl-Anness V jew VI tar-Regolament (UE) 2023/1114 u qabel ma jissottometti l-fajl lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) skont l-Artikolu 134(2) ta’ dak ir-Regolament, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jinforma lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni bil-miktub dwar is-sejbiet tiegħu u għandu jagħti lil dik il-persuna l-opportunità li tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub f’konformità mal-Artikolu 134(5) ta’ dak ir-Regolament.

2.   Id-dikjarazzjoni tas-sejbiet għandha tistabbilixxi l-fatti li jistgħu jikkostitwixxu ksur wieħed jew aktar stabbiliti fl-Anness V jew VI tar-Regolament (UE) 2023/1114, inkluża valutazzjoni tan-natura u tas-serjetà ta’ dak il-ksur, filwaqt li jitqiesu l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 130(3) ta’ dak ir-Regolament.

3.   Id-dikjarazzjoni tas-sejbiet għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien raġonevoli li matulu l-persuna suġġetta għal investigazzjoni tista’ tagħmel is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. F’investigazzjonijiet għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 4, dak il-limitu ta’ żmien għandu jkun mill-inqas erba’ ġimgħat. L-uffiċjal tal-investigazzjoni m’għandux ikun obbligat iqis sottomissjonijiet bil-miktub li jkunu waslu wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.

4.   Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-persuna soġġetta għal investigazzjoni tista’ tistabbilixxi l-fatti kollha li taf bihom li jkunu rilevanti għad-difiża tagħha, u għandha, jekk ikun possibbli, tehmeż dokumenti bħala prova ta’ dawk il-fatti. Il-persuna soġġetta għal investigazzjoni tista’ tipproponi li l-uffiċjal tal-investigazzjoni jisma’ persuni oħrajn li jistgħu jikkorroboraw il-fatti stabbiliti fis-sottomissjonijiet tal-persuna soġġetta għal investigazzjoni. Il-persuna soġġetta għal investigazzjoni tista’ tiġi megħjuna minn avukat tal-għażla tagħha fit-tħejjija tas-sottomissjonijiet bil-miktub.

5.   L-uffiċjal tal-investigazzjoni jista’ jistieden persuna soġġetta għal investigazzjoni li tkun ġiet indirizzata b’dikjarazzjoni tas-sejbiet biex tattendi seduta orali. Il-persuni soġġetti għal investigazzjoni jistgħu jiġu assistiti minn konsulent tal-għażla tagħhom. Seduti orali ma għandhomx ikunu miftuħa għall-pubbliku.

Artikolu 2

Regoli proċedurali fi proċedimenti ta’ ksur quddiem l-EBA fir-rigward ta’ multi u miżuri superviżorji

1.   Il-fajl komplet li għandu jiġi sottomess mill-uffiċjal tal-investigazzjoni lill-EBA għandu jinkludi d-dokumenti li ġejjin:

(a)

id-dikjarazzjoni tas-sejbiet u kopja tagħha indirizzata lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni kif ukoll kwalunkwe dikjarazzjoni emendata tas-sejbiet bħala riżultat tas-sottomissjonijiet magħmula mill-persuna soġġetta għal investigazzjoni;

(b)

kopja tas-sottomissjonijiet bil-miktub mill-persuna soġġetta għal investigazzjoni;

(c)

il-minuti ta’ kwalunkwe seduta orali, jekk applikabbli.

2.   Meta fajl ma jkunx komplut, l-EBA għandha tagħmel talba motivata għal dokumenti addizzjonali lill-uffiċjal tal-investigazzjoni.

3.   Meta l-EBA tqis li l-fatti deskritti fid-dikjarazzjoni tal-konstatazzjonijiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni jidhru li ma jikkostitwixxux ksur kif stabbilit fl-Anness V jew VI għar-Regolament (UE) 2023/1114, din għandha tiddeċiedi li tagħlaq l-investigazzjoni u tinnotifika dik id-deċiżjoni lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni.

4.   Meta l-EBA taqbel mas-sejbiet kollha tal-uffiċjal tal-investigazzjoni jew ma’ xi wħud minnhom, din għandha tinforma lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni dwar dan. Tali komunikazzjoni għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien ta’ mill-inqas ġimagħtejn f’każ li l-EBA taqbel mas-sejbiet kollha, u mill-inqas erba’ ġimgħat f’każ li l-EBA ma taqbilx mas-sejbiet kollha, perjodu li fih il-persuna soġġetta għal investigazzjoni tista’ tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub. L-EBA ma għandhiex tkun obbligata li tikkunsidra sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien biex tadotta deċiżjoni dwar ksur u dwar miżuri superviżorji u l-impożizzjoni ta’ multa f’konformità mal-Artikoli 130 u 131 tar-Regolament (UE) 2023/1114.

5.   L-EBA tista’ tistieden lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni li tkun ġiet indirizzata b’dikjarazzjoni tas-sejbiet biex tattendi seduti orali. Il-persuna soġġetta għal investigazzjoni tista’ tiġi assistita minn konsulent tal-għażla tagħha. Seduti orali ma għandhomx ikunu miftuħa għall-pubbliku.

6.   Fejn l-EBA tiddeċiedi li wieħed jew aktar mill-ksur stabbiliti fl-Anness V jew VI għar-Regolament (UE) 2023/1114 ikun twettaq minn persuna soġġetta għal investigazzjoni u tkun adottat deċiżjoni li timponi multa f’konformità mal-Artikolu 131 ta’ dak ir-Regolament, din għandha tinnotifika minnufih lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni b’dik id-deċiżjoni.

Artikolu 3

Regoli proċedurali fi proċedimenti ta’ ksur quddiem l-EBA fir-rigward ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali

1.   Qabel ma tadotta deċiżjoni li timponi pagament perjodiku ta’ penali skont l-Artikolu 132 tar-Regolament (UE) 2023/1114, l-EBA għandha tissottometti dikjarazzjoni tas-sejbiet lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni li tistabbilixxi r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ pagament perjodiku ta’ penali u l-ammont tal-pagament perjodiku ta’ penali għal kull jum ta’ nuqqas ta’ konformità.

Id-dikjarazzjoni tas-sejbiet għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat li fih il-persuna soġġetta għal investigazzjoni tista’ tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub. L-EBA ma għandhiex tkun obbligata li tqis sottomissjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien sabiex tiddeċiedi dwar il-pagament perjodiku ta’ penali.

2.   L-EBA tista’ tistieden lill-persuna soġġetta għall-proċedimenti biex tattendi seduta orali. Il-persuna soġġetta għall-proċedimenti tista’ tiġi assistita minn konsulent tal-għażla tagħha. Seduti orali ma għandhomx ikunu miftuħa għall-pubbliku.

3.   Deċiżjoni mill-EBA li timponi pagament perjodiku ta’ penali għandha tindika l-bażi ġuridika u r-raġunijiet għad-deċiżjoni, l-ammont u d-data tal-bidu tal-pagament perjodiku ta’ penali.

4.   Ladarba l-persuna soġġetta għad-deċiżjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 132(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114, tkun ikkonformat ma’ dik id-deċiżjoni, ma għandux jibqa’ jiġi impost pagament perjodiku ta’ penali.

Artikolu 4

Regoli ta’ proċedura għal deċiżjonijiet interim dwar miżuri superviżorji

1.   Meta l-EBA tadotta deċiżjoni interim kif imsemmi fl-Artikolu 135(2) tar-Regolament (UE) 2023/1114 li timponi miżuri superviżorji skont l-Artikolu 130 ta’ dak ir-Regolament, din għandha tinnotifika minnufih dik id-deċiżjoni interim lill-persuna kkonċernata.

L-EBA għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat li fih il-persuna soġġetta għad-deċiżjoni interim tkun tista’ tagħmel sottomissjonijiet bil-miktub dwar din id-deċiżjoni. L-EBA ma għandhiex tkun obbligata tqis sottomissjonijiet bil-miktub li jkunu waslu wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.

Fuq talba, l-EBA għandha tagħti aċċess għall-fajl lill-persuna soġġetta għal deċiżjoni interim. Id-dokumenti tal-fajl aċċessati għandhom jintużaw biss għall-iskopijiet tal-proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1114.

L-EBA tista’ tistieden lill-persuna soġġetta għad-deċiżjoni interim biex tattendi seduta orali. Il-persuni soġġetti għad-deċiżjoni interim jistgħu jiġu assistiti minn konsulent tal-għażla tagħhom. Seduti orali ma għandhomx ikunu miftuħa għall-pubbliku.

2.   L-EBA għandha tieħu deċiżjoni finali mill-aktar fis possibbli wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni interim.

Meta l-EBA tqis, wara li tkun semgħet lill-persuna soġġetta għal deċiżjoni interim, li jkun twettaq ksur ta’ rekwiżit kif stabbilit fl-Anness V jew VI tar-Regolament (UE) 2023/1114 mill-persuna soġġetta għad-deċiżjoni interim, din għandha tadotta deċiżjoni ta’ konferma li timponi miżura superviżorja waħda jew aktar stabbilita fl-Artikolu 130 tar-Regolament (UE) 2023/1114. L-EBA għandha tinnotifika immedjatament dik id-deċiżjoni lill-persuna soġġetta għad-deċiżjoni interim.

3.   Meta l-EBA tadotta deċiżjoni finali li ma tikkonfermax id-deċiżjoni interim, id-deċiżjoni interim għandha titqies li tkun tħassret.

Artikolu 5

Aċċess għall-fajl u użu tad-dokumenti

1.   Fuq talba, l-EBA għandha tagħti aċċess għall-fajl lill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni li lilha l-uffiċjal tal-investigazzjoni jew l-EBA jkunu bagħtu dikjarazzjoni tas-sejbiet. L-aċċess għandu jingħata wara n-notifika ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni tas-sejbiet f’konformità mal-Artikolu 134(7) tar-Regolament (UE) 2023/1114.

2.   Id-dokumenti tal-fajl aċċessati għandhom jintużaw mill-persuna msemmija fil-paragrafu 1 biss għall-finijiet ta’ proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1114.

Artikolu 6

Perjodi ta’ preskrizzjoni biex jiġu imposti multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1.   Il-multi u l-pagamenti perjodiċi ta’ penali fuq persuni soġġetti għal investigazzjoni għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin.

2.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jibda fil-jum ta’ wara dak li fih jitwettaq il-ksur. Fil-każ ta’ ksur kontinwu jew ripetut, dan il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jibda mill-jum li fih jieqaf il-ksur.

3.   Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-EBA, jew mill-awtorità nazzjonali kompetenti li taġixxi fuq talba tal-EBA f’konformità mal-Artikolu 138(1) tar-Regolament (UE) 2023/1114 għall-fini tal-investigazzjoni fir-rigward ta’ ksur elenkat fl-Anness V jew VI tar-Regolament (UE) 2023/1114 għandha tinterrompi l-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi u ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali. Dak il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi interrott b’effett mid-data li fiha l-azzjoni tiġi nnotifikata lill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni fir-rigward ta’ ksur elenkat fl-Anness V jew VI tar-Regolament (UE) 2023/1114.

4.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jerġa jibda ma’ kull interruzzjoni msemmija fil-paragrafu 3. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jagħlaq mhux aktar tard mill-jum li fih ikun għadda perjodu ugwali għad-doppju tal-perjodu ta’ preskrizzjoni mingħajr ma l-EBA tkun imponiet multa jew pagament perjodiku ta’ penali. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż biż-żmien li matulu l-perjodu ta’ preskrizzjoni jkun sospiż skont il-paragrafu 5.

5.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali għandu jiġi sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-EBA tkun soġġetta għal proċedimenti pendenti quddiem il-Bord tal-Appell imsemmi fl-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jew tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) 2023/1114.

Artikolu 7

Perjodi ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali

1.   Is-setgħa tal-EBA li tinforza deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 131 u 132 tar-Regolament (UE) 2023/1114 għandha tkun soġġetta għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin.

2.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jibda fil-jum wara dak li fih d-deċiżjoni ssir finali.

3.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-infurzar tal-penali għandu jiġi interrott minn kwalunkwe azzjoni tal-EBA, jew ta’ awtorità kompetenti li taġixxi fuq talba tal-EBA f’konformità mal-Artikolu 138 tar-Regolament (UE) 2023/1114, imfassla biex tinforza pagament jew termini u kundizzjonijiet ta’ pagament tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali.

4.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jerġa jibda ma’ kull interruzzjoni msemmija fil-paragrafu 3.

5.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-infurzar tal-penali għandu jiġi sospiż sakemm:

(a)

huwa permess iż-żmien għall-ħlas;

(b)

l-infurzar tal-pagament jiġi sospiż skont deċiżjoni pendenti tal-Bord tal-Appell tal-EBA f’konformità mal-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) 2023/1114.

Artikolu 8

Ġbir ta’ multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1.   L-ammonti ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali miġbura mill-EBA għandhom jiġu ddepożitati f’kont bl-imgħax miftuħ mill-EBA sakemm dawn isiru finali. F’każ ta’ diversi multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali miġbura mill-EBA b’mod parallel, l-EBA għandha tiżgura li dawn jiġu ddepożitati f’kontijiet jew f’subkontijiet differenti. Il-multi u l-pagamenti perjodiċi ta’ penali mħallsa ma għandhomx jiddaħħlu fil-baġit tal-EBA jew jiġu rreġistrati bħala ammonti baġitarji.

2.   Ladarba l-EBA tkun stabbilixxiet li l-multi jew il-pagamenti perjodiċi ta’ penali jkunu saru finali wara li jkunu ġew eżawriti d-drittijiet kollha ta’ appell, l-EBA għandha tittrasferixxi dawk l-ammonti u l-imgħax potenzjali dovut lill-Kummissjoni. Dawk l-ammonti għandhom imbagħad jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   L-EBA għandha tirrapporta fuq bażi regolari lill-Kummissjoni dwar l-ammonti ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti u l-istatus tagħhom.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Frar 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1114/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1093/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2024/1504/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)