![]() |
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
2024/1493 |
27.5.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1493
tas-27 ta’ Mejju 2024
li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fis-17 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 269/2014. |
(2) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta' Frar 2022, il-Kunsill Ewropew ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna. Bl-azzjonijiet militari illegali tagħha, ir-Russja qed tikser b'mod serju d-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u qed iddgħajjef is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropej u globali. Il-Kunsill Ewropew appella għat-tħejjija u l-adozzjoni urġenti ta' pakkett ta' sanzjonijiet individwali u ekonomiċi ulterjuri. Il-Kunsill Ewropew appella lir-Russja u lill-formazzjonijiet armati appoġġati mir-Russja biex iwaqqfu l-kampanja ta' diżinformazzjoni tagħhom. |
(3) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 u t-22 ta' Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid l-appoġġ sod tal-Unjoni għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u d-dritt inerenti tagħha ta' awtodifiża kontra l-aggressjoni Russa. Huwa appella wkoll għal aktar passi biex tiddgħajjef il-kapaċità tar-Russja li tkompli għaddejja bil-gwerra ta' aggressjoni tagħha, inkluż bit-tisħiħ tas-sanzjonijiet. |
(4) |
Il-Federazzjoni Russa impenjat ruħha f'kampanja sistematika u internazzjonali ta' manipulazzjoni tal-media u distorsjoni tal-fatti sabiex issaħħaħ l-istrateġija tagħha ta' destabbilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien tagħha, u tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. B'mod partikolari, il-propaganda kienet immirata ripetutament u konsistentement lejn il-partiti politiċi Ewropej, speċjalment matul il-perjodi elettorali, kif ukoll lejn is-soċjetà ċivili, il-persuni li jfittxu l-ażil, il-minoranzi etniċi Russi, il-minoranzi tal-ġeneru u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha. |
(5) |
Sabiex tiġġustifika u tappoġġa l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, il-Federazzjoni Russa impenjat ruħha f'azzjonijiet ta' propaganda kontinwi u miftiehma mmirati lejn is-soċjetà ċivili fl-Unjoni u l-pajjiżi ġirien, li jgħawġu u jimmanipulaw b'mod gravi l-fatti. |
(6) |
Dawk l-azzjonijiet ta' propaganda twasslu permezz ta' għadd ta' mezzi tal-media taħt il-kontroll permanenti dirett jew indirett tat-tmexxija tal-Federazzjoni Russa. Tali azzjonijiet jikkostitwixxu theddida sinifikanti u diretta għall-ordni pubbliku u s-sigurtà tal-Unjoni. Dawk il-mezzi tal-media huma essenzjali u strumentali biex imexxu 'l quddiem u jappoġġaw l-aggressjoni kontra l-Ukrajna, u għad-destabbilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien tagħha. |
(7) |
Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, huwa xieraq li jiġu adottati aktar miżuri restrittivi. |
(8) |
B'mod partikolari, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li żewġ persuni u entità waħda responsabbli għall-appoġġ jew għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet jew politiki li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna jinżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għal miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 269/2014. |
(9) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 269/2014 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
ANNESS
Il-persuni u l-entità li ġejjin jinżdiedu mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 269/2014:
Persuni
|
Isem |
Informazzjoni għall-identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
“1753. |
Artem Pavlovich MARCHEVSKYI magħruf ukoll bħala Artem Pavlovich MARCHEVSKIJ magħruf ukoll bħala Artěm Pavlovič MARČEVSKIJ (Артем Павлович МАРЧЕВСЬКИЙ) |
Funzjoni: Politiku Produttur tal-Media Propagandista Data tat-twelid: 5.7.1988 Post tat-twelid: Kyiv, USSR, issa Ukraine Nazzjonalità: Ukraina, Iżraeljana Sess: raġel Numru ta' Identifikazzjoni tat-Taxxa: 3232824038 |
Artem Marchevskyi huwa eks politiku Ukren, li huwa assoċjat mill-qrib ma' Viktor Medvedchuk, eks politiku u negozjant Ukren. Minn April 2022 Artem Marchevskyi kien qed jiġi investigatin absentia mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Investigazzjoni tal-Ukrajna għal atti kontra l-Ukrajna. Artem Marchevskyi kellu rwol ewlieni fl-akkwist ta' marka tal-media, Voice of Europe u l-inkorporazzjoni tal-attività tagħha f'kumpanija b'responsabbiltà limitata bl-istess isem domiċiljata fi Praga. Bħala l-kap moħbi ta' Voice of Europe, Artem Marchevskyi kellu rwol strumentali fit-tixrid ta' diżinformazzjoni miftiehma u narrattivi preġudikati bl-għan li jdgħajfu l-kredibbiltà u l-immaġni pubblika tal-Ukrajna u l-isforzi tagħha biex tiddefendi ruħha kontra l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja. Artem Marchevskyi uża Voice of Europe bħala mezz biex jiġu ffinanzjati riżorsi finanzjarji maħsuba għar-rimunerazzjoni tal-propagandisti, u għall-bini ta' network ta' influwenza li jgħaqqad lil Medvedchuk u lill-assoċjati tiegħu mar-rappreżentanti tal-partiti politiċi fl-Ewropa. Għalhekk, Artem Marchevskyi qed jappoġġa u jimplimenta azzjonijiet u politiki li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
27.5.2024 |
1754 |
Viktor Volodymyrovych MEDVEDCHUK magħruf ukoll bħala Viktor Volodymyrovič MEDVEDČUK (bir-Russu: Виктор Владимирович МЕДВЕДЧУК; (bl-Ukren: Віктор Володимирович МЕДВЕДЧУК; |
Funzjoni: Politiku, Negozjant, Sid de facto ta' mezz tal-media Data tat-twelid: 7.8.1954 Post tat-twelid: Pochet, Krasnoyarsk Krai, USSR (issa Russian Federation) Nazzjonalità: Russa Sess: raġel Numru ta' Identifikazzjoni tat-Taxxa: 1994214296 |
Viktor Medvedchuk huwa eks politiku u negozjant Ukren, li kien il-proponent ewlieni ta' politika favur ir-Russja fl-Ukrajna u li ppromwova politiki u azzjonijiet maħsuba biex idgħajfu l-kredibbiltà u l-leġittimità tal-Gvern tal-Ukrajna. Viktor Medvedchuk għandu rabtiet personali mill-qrib mal-President tal-Federazzjoni Russa Vladimir Putin u huwa assoċjat miegħu. Permezz tal-assoċjati tiegħu, fosthom Artem Marchevskyi, Viktor Medvedchuk ikkontrolla l-mezzi tal-media Ukreni u użahom biex ixerred propaganda favur ir-Russja fl-Ukrajna u lil hinn minnha. Wara l-bidu tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, Viktor Medvedchuk xerred narrattivi ta’ propaganda Russi dwar il-gwerra, li jdgħajfu s-sovranità tal-Ukrajna. Għal dak l-għan, f'April 2023 Viktor Medvedchuk waqqaf moviment politiku fir-Russja msejjaħ ‘Another Ukraine’. Mal-assoċjati u l-entitajiet assoċjati tiegħu, fosthom Marchevskyi u l-istazzjon tal-media Voice of Europe, Viktor Medvedchuk kompla jiffinanzja u jwettaq operazzjonijiet ta' influwenza mmirati lejn partiti politiċi u politiċi individwali fl-Ewropa. Dawk l-attivitajiet kienu jinkludu l-provvista ta' riżorsi finanzjarji lil atturi politiċi individwali fl-Ewropa. Viktor Medvedchuk mexxa u żamm kontroll fuq l-attivitajiet malizzjużi ta' Marchevskyi u Voice of Europe, bl-użu tad-direzzjoni de facto ta' Voice of Europe minn Marchevskyi. Għalhekk, Viktor Medvedchuk qed jappoġġa u jimplimenta azzjonijiet u politiki li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
27.5.2024” |
Entitajiet
|
Isem |
Informazzjoni għall-identifikazzjoni |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
“426. |
VOICE OF EUROPE S.R.O. |
Indirizz: Krakovská 583/9, 110 00 Prague, Czech Republic Post tar-reġistrazzjoni: Prague, Czech Republic Data tar-reġistrazzjoni: 14.3.2023 Numru ta' reġistrazzjoni: CZ05185327 |
Post prinċipali tan-negozju: Czech Republic Voice of Europe huwa mezz tal-media online, involut f'kampanja sistematika u internazzjonali ta' manipulazzjoni tal-media u distorsjoni tal-fatti sabiex tissaħħaħ id-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna, u tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, u biex tiġi ġġustifikata l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Voice of Europe jmexxi sit web u għandu kontijiet fuq Facebook, YouTube, Telegram u X li jxerrdu b'mod attiv diżinformazzjoni relatata mal-Ukrajna u jippromwovi narrattivi foloz favur il-Kremlin dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Voice of Europe huwa ffinanzjat u dirett b'mod sigriet minn Viktor Medvedchuk permezz tal-assoċjat tiegħu Artem Marchevskyi. Voice of Europe huwa għodda strumentali biex jinxterdu diżinformazzjoni miftiehma u narrattivi preġudikati bl-għan li jdgħajfu l-kredibbiltà u l-immaġni pubblika tal-Ukrajna u l-isforzi tagħha biex tiddefendi lilha nnifisha kontra l-gwerra ta’ aggressjoni Russa. Barra minn hekk, Voice of Europe ntuża bħala mezz biex jiġu ffinanzjati riżorsi finanzjarji maħsuba għar-rimunerazzjoni tal-propagandisti, u l-bini ta' network ta' influwenza li jgħaqqad lil Medvedchuk u lill-assoċjati tiegħu mar-rappreżentanti tal-partiti politiċi fl-Ewropa. Għalhekk, Voice of Europe qed jappoġġa azzjonijiet materjali u finanzjarji li jdgħajfu u jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. |
27.5.2024” |
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1493/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)