European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1489

27.5.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/1489

tal-21 ta’ Mejju 2024

li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati għall-emendar tal-Ftehimiet li jikkonċernaw l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji biex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, il-Prinċipat ta’ Andorra, il-Prinċipat ta’ Monaco u r-Repubblika ta’ San Marino, rispettivament

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 115, flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Dawn il-Il-Ftehimiet li jikkonċernaw l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji biex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera (1), il-Prinċipat tal-Liechtenstein (2), il-Prinċipat ta’ Andorra (3), il-Prinċipat ta’ Monaco (4) u r-Repubblika ta’ San Marino (5), rispettivament (il-“Ftehimiet”), jipprovdu l-bażi legali għall-iskambju awtomatiku reċiproku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji bejn kull wieħed mill-Istati Membri u kull wieħed minn dawk il-pajjiżi terzi, f’konformità mal-Istandard Komuni ta’ Rappurtar (CRS), żviluppat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) li ġie maqbul fil-livell internazzjonali. Il-Ftehimiet għandhom l-għan li jtejbu l-konformità fiskali internazzjonali filwaqt li jassistu lill-awtoritajiet tat-taxxa fil-prevenzjoni u l-indirizzar tal-frodi u l-evażjoni tat-taxxa.

(2)

Is-CRS huwa implimentat fi ħdan l-Unjoni għall-iskambji bejn l-Istati Membri skont id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (6).

(3)

Bidliet importanti fis-CRS ġew approvati fi ħdan l-OECD fis-26 ta’ Awwissu 2022. Dawk il-bidliet għandhom jiġu implimentati mill-1 ta’ Jannar 2026.

(4)

L-implimentazzjoni ta’ dawk il-bidliet fi ħdan l-Unjoni ġiet prevista permezz ta’ emenda għad-Direttiva 2011/16/UE.

(5)

Kull wieħed mill-Ftehimiet fih dispożizzjonijiet identiċi li jipprevedu konsultazzjonijiet formali bilaterali bejn il-Partijiet Kontraenti li għandhom isiru meta tiġi adottata bidla importanti fil-livell tal-OECD għal kull element tas-CRS u wara dan ikun possibbli li dak il-ftehim jiġi emendat permezz ta’ protokoll jew ftehim ġdid bejn il-Partijiet Kontraenti.

(6)

Huwa fl-interess tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha li l-kooperazzjoni fil-qasam tal-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji bejn l-awtoritajiet tat-taxxa li hija prevista mill-Ftehimiet tibqa’ għaddejja bla xkiel lil hinnmill-1 ta’ Jannar 2026.

(7)

Għal dan l-għan, jenħtieġ li jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġu emendati l-Ftehimiet li jikkonċernaw l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji biex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali bejn l-Unjoni u l-Konfederazzjoni Żvizzera, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, il-Prinċipat ta’ Andorra, il-Prinċipat ta’ Monaco u r-Repubblika ta’ San Marino, rispettivament,

ADOTTA DIN ID-DECIZJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tiftaħ negozjati, f’isem l-Unjoni, biex temenda l-Ftehimiet li jikkonċernaw l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji biex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, il-Prinċipat ta’ Andorra, il-Prinċipat ta’ Monaco u r-Repubblika ta’ San Marino, rispettivament.

Artikolu 2

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq in-negozjati f’konformità mad-direttivi ta’ negozjati li jinsabu fl-addendum għal din id-Deċiżjoni. Dawk id-direttivi għandhom jiġu riveduti u żviluppati aktar, kif xieraq, skont l-evoluzzjoni tan-negozjati.

2.   In-negozjati għandhom jitmexxew f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar Kwistjonijiet ta’ Taxxa, li huwa b’dan maħtur bħala l-kumitat speċjali skont it-tifsira tal-Artikolu 218(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

3.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lura lill-kumitat speċjali u tikkonsultah fuq bażi regolari. Kull meta tintalab mill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lura lill-Kunsill dwar it-twettiq u l-eżitu tan-negozjati, inkluż bil-miktub.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Mejju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)  Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji biex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali (ĠU L 385, 29.12.2004, p. 30).

(2)  Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji biex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali (ĠU L 379, 24.12.2004, p. 84).

(3)  Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Andorra dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji biex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali (ĠU L 359, 4.12.2004, p. 33).

(4)  Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prinċipat ta’ Monaco dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji biex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali f’konformità mal-Istandard għall-Iskambju Awtomatiku ta’ Informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji fi Kwistjonijiet tat-Taxxa żviluppat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) (ĠU L 19, 21.1.2005, p. 55).

(5)  Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ San Marino dwar l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji biex tittejjeb il-konformità fiskali internazzjonali (ĠU L 381, 28.12.2004, p. 33).

(6)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1489/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)