European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1474

27.5.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1474

tal-24 ta’ Mejju 2024

li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4), il-punt (a), tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 fir-rigward tad-deroga mill-marġni ta’ tolleranza fl-estimi tal-qabdiet għall-kwantitajiet mhux magħżula, żbarkati u trażbordati mis-sajd ta’ ħut pelaġiku żgħir, mis-sajd industrijali u mis-sajd għat-tonn tropikali bit-tartarun tal-borża

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ ir-“Regolament dwar il-Kontroll”) jipprevedi regoli u miżuri dwar il-marġni ta’ tolleranza permess f’estimi rreġistrati fil-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd tal-kwantitajiet f’kilogrammi ta’ ħut miżmum abbord il-bastimenti tas-sajd.

(2)

Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi biex jiġu stmati b’mod akkurat il-qabdiet abbord skont l-ispeċi, l-Artikolu 14(4), il-punt (a), tar-Regolament dwar il-Kontroll, kif emendat bir-Regolament (UE) 2023/2842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jipprevedi deroga mill-marġni ta’ tolleranza eżistenti li tista’ tingħata għall-iżbarki ta’ qabdiet mhux magħżula mis-sajd ta’ ħut pelaġiku żgħir, mis-sajd industrijali u mis-sajd għat-tonn tropikali bit-tartarun tal-borża. L-istess deroga tapplika għall-estimi rreġistrati fid-dikjarazzjoni tat-trażbord, f’konformità mal-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-Kontroll.

(3)

Deroga bħal din tista’ tingħata biss jekk l-ispeċijiet maqbuda f’dak is-sajd jiġu żbarkati jew trażbordati f’portijiet elenkati abbażi tal-applikazzjonijiet ippreżentati mill-Istati Membri. Jenħtieġ ukoll li l-użin ta’ dawk il-qabdiet isir f’konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet uniformi biex tiġi żgurata l-akkuratezza tar-rappurtar tal-qabdiet. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli dwar il-kundizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-iżbark, mat-trażbord, u mal-użin tal-qabdiet koperti minn dik id-deroga u dwar l-elenkar tal-portijiet li fihom għandu jsir l-iżbark, it-trażbord u l-użin tal-qabdiet tas-sajd koperti mill-Artikolu 14(4), il-punt (a), tar-Regolament dwar il-Kontroll.

(4)

Jenħtieġ li r-regoli dwar il-kundizzjonijiet marbuta mal-iżbark, mat-trażbord, u mal-użin tal-qabdiet koperti mill-Artikolu 14(4), il-punt (a) tar-Regolament dwar il-Kontroll jiddistingwu bejn sajd speċifiku, kif ukoll bejn portijiet tal-Unjoni u ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ kontroll u spezzjoni, li għalihom tista’ tkun meħtieġa l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ikkonċernat.

Għall-portijiet elenkati fi ħdan l-Unjoni, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti għall-adozzjoni ta’ sistemi, tagħmir u proċeduri meħtieġa biex tiġi żgurata l-akkuratezza tal-użin u tar-rappurtar tal-qabdiet mal-iżbark.

(5)

Peress li d-deroga għall-marġni ta’ tolleranza tintroduċi riskji sinifikanti li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni u r-rappurtar preċiżi tal-qabdiet, huma meħtieġa miżuri ta’ salvagwardja, li jenħtieġ li jkunu jinkludu l-użu ta’ sistemi ta’ monitoraġġ elettroniku mill-bogħod b’kameras tas-CCTV jew teknoloġija ekwivalenti oħra biex jiġi żgurat il-kontroll tal-kundizzjonijiet relatati mal-iżbark, mat-trażbord u mal-użin tal-qabdiet koperti mid-deroga għall-marġni ta’ tolleranza.

(6)

Jenħtieġ li l-ipproċessar, l-iskambju, il-kontroverifika u l-ħżin mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta’ data miġbura permezz tal-użu ta’ tali sistemi u teknoloġija għall-finijiet ta’ kontroll stabbiliti f’dan ir-Regolament ikunu konformi mar-regoli stabbiliti fir-Regolament dwar il-Kontroll, inklużi r-regoli rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data personali. Għalhekk jenħtieġ li s-sistemi ta’ monitoraġġ elettroniku mill-bogħod jew teknoloġija ekwivalenti oħra użati għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament jitħaddmu b’mod li jeskludi l-immaġnijiet u l-identifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi f’reġistrazzjonijiet awdjoviżivi. Għal dan il-għan, jenħtieġ li dawk is-sistemi u t-teknoloġija jitqiegħdu b’tali mod li jippermettu biss il-monitoraġġ tal-partijiet speċifiċi tal-bastimenti u taż-żoni, tas-sistemi jew tal-faċilitajiet fejn iseħħu l-iżbark, it-trażbord u l-użin tal-qabdiet koperti mid-deroga għall-marġni ta’ tolleranza speċifikata fl-Artikolu 14(4), il-punt (a), u fl-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-Kontroll. F’każijiet fejn l-immaġnijiet ta’ persuni fiżiċi jiġu rreġistrati u identifikati xorta waħda b’mod li dawk il-persuni fiżiċi jkunu direttament jew indirettament identifikabbli, jenħtieġ li l-immaġnijiet tagħhom jiġu anonimizzati mingħajr dewmien żejjed.

(7)

Ħalli jiġi żgurat li l-operazzjonijiet tal-użin fil-portijiet elenkati jipprovdu riżultati tal-użin preċiżi, jenħtieġ li l-piżaturi indipendenti akkreditati ta’ partijiet terzi jkunu responsabbli għall-użin tal-qabdiet tas-sajd kollha koperti mid-deroga mill-marġni ta’ tolleranza. Fil-portijiet tal-Unjoni, l-Istati Membri kostali jistgħu jipprevedu l-użu ta’ mezzi alternattivi biex jiżguraw l-akkuratezza tar-rappurtar tal-użin u tal-qabdiet. Mezzi alternattivi bħal dawn ma setgħux jiġu estiżi awtomatikament għall-portijiet elenkati fit-territorju ta’ pajjiż terz, peress li jkunu jinvolvu l-involviment jew l-użu obbligatorju ta’ awtorità nazzjonali jew ċerti għodod ta’ kontroll.

(8)

Jenħtieġ li għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jiżbarkaw jew li jittrażbordaw f’portijiet ta’ pajjiżi terzi, ma tkun permessa l-ebda deroga għall-marġni ta’ tolleranza jekk il-livelli ta’ kontroll u r-riżorsi meħtieġa għall-iżgurar ta’ rappurtar akkurat tal-qabdiet ma jkunux disponibbli f’tali portijiet, jew jekk iseħħ sajd mhux sostenibbli u sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) fir-rigward tal-pajjiż terz.

(9)

Jenħtieġ li l-elenkar tal-portijiet ikun soġġett għall-preżentazzjoni ta’ evidenza xierqa, li turi li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament għall-applikazzjoni tad-deroga skont l-Artikolu 14(4), il-punt (a), tar-Regolament dwar il-Kontroll.

(10)

Huwa neċessarju wkoll li tiġi stabbilita l-proċedura li għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni għall-inklużjoni u t-tneħħija ta’ port mil-lista ta’ portijiet, inklużi l-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-elenkar tal-portijiet, il-kontenut tagħhom u l-valutazzjoni li għandha twettaq il-Kummissjoni.

(11)

Biex jiġi żgurat il-kontroll adegwat tad-deroga mill-marġni ta’ tolleranza permess fil-portijiet elenkati, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet addizzjonali għall-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, l-Istati Membri kostali u l-Istati Membri tal-bandiera. Jenħtieġ li dawn il-kundizzjonijiet ikunu jikkonċernaw aspetti relatati mal-iżbark, mat-trażbord, mal-użin u mar-reġistrazzjoni tal-qabdiet tas-sajd koperti mid-deroga, bħall-użu ta’ sistemi tal-użin iċċertifikati li jirrapportaw b’mod elettroniku d-data, il-pjanijiet ta’ teħid ta’ kampjuni, u r-rekwiżiti ta’ monitoraġġ għall-operazzjonijiet tal-użin. Jenħtieġ ukoll li dawn il-kundizzjonijiet jinkorporaw ukoll salvagwardji, miżuri addizzjonali ta’ kontroll u spezzjoni u obbligi ta’ rappurtar għall-Istati Membri.

(12)

Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti livelli minimi u armonizzati ta’ spezzjonijiet fid-dawl tal-konsegwenzi negattivi, inkluż rappurtar ħażin serju, li jistgħu jirriżultaw min-nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti għad-deroga għall-marġni ta’ tolleranza stabbilit b’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawn il-livelli ta’ spezzjoni jkunu konsistenti mal-approċċ diġà segwit mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha skont ir-regoli tal-PKS, bħal fil-kuntest tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 (3), kif ukoll skont ir-regoli adottati mill-organizzazzjonijiet tal-ġestjoni tas-sajd reġjonali li huma vinkolanti fuq l-Unjoni, inklużi dawk dwar l-ispezzjoni fil-port stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/2343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li jistabbilixxi l-miżuri ta’ ġestjoni, ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll li japplikaw fl-Oċean Indjan.

(13)

Skont l-Artikolu 14(4), il-punt (a), tar-Regolament dwar il-Kontroll, huma biss il-bastimenti tas-sajd li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament li jistgħu jibbenefikaw mid-deroga għall-marġni ta’ tolleranza. Ħalli jiġi żgurat il-kontroll meħtieġ ta’ dawn il-kundizzjonijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jfasslu lista tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom li huma konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-Regolament. Jenħtieġ li din il-lista tinżamm aġġornata b’mod partikolari f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità ta’ xi bastiment ma’ dawn il-kundizzjonijiet. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jiżguraw li jittieħdu miżuri ta’ segwitu xierqa kontra l-individwi jew l-entitajiet responsabbli għan-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn il-kundizzjonijiet. Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u ħalli l-awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll tal-portijiet elenkati jkunu jistgħu jkunu jafu liema bastimenti jistgħu jibbenefikaw mid-deroga għall-marġni ta’ tolleranza, din il-lista għandha tkun disponibbli għall-Istati Membri kollha u għall-Kummissjoni.

(14)

Il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti dwar l-iżbark, l-użin u t-trażbord, kif ukoll għal regoli tal-politika komuni tas-sajd oħra, kif definit fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-Kontroll, inkluż l-obbligi internazzjonali applikabbli adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd, kif ukoll dawk adottati fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli jew ftehimiet oħra dwar is-sajd konklużi mill-Unjoni ma’ pajjiżi terzi.

(15)

Il-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura ma tax opinjoni fil-limitu taż-żmien stipulat mill-President tiegħu.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-deroga li tikkonċerna l-marġni ta’ tolleranza meta jiġu stmati l-qabdiet kif stabbilit fl-Artikolu 14(4), il-punt (a), tar-Regolament dwar il-Kontroll li jiġu żbarkati jew trażbordati mhux issortjati, fil-każ ta’ (i) sajd imsemmi fl-Artikolu 15(1), il-punt (a), l-ewwel u t-tielet inċiż tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u (ii) is-sajd għat-tonn tropikali bit-tartarun tal-borża. Dawn il-kundizzjonijiet jikkonċernaw:

(a)

l-elenkar tal-portijiet tal-Unjoni u ta’ pajjiżi terzi li fihom għandhom isiru l-iżbark, it-trażbord u l-użin tal-qabdiet tas-sajd koperti mill-Artikolu 14(4), il-punt (a), tar-Regolament dwar il-Kontroll jekk tiġi applikata d-deroga mill-marġni ta’ tolleranza skont dak l-Artikolu; u

(b)

l-iżbark, it-trażbord u l-użin tal-qabdiet tas-sajd koperti mill-Artikolu 14(4), il-punt (a), tar-Regolament dwar il-Kontroll biex jiġi żgurat rappurtar akkurat tal-qabdiet, kif ukoll il-kontroll u s-salvagwardji meħtieġa li għandhom jiġu rrispettati jekk tiġi applikata d-deroga mill-marġni ta’ tolleranza fil-portijiet elenkati fl-Artikolu 14(6) tar-Regolament dwar il-Kontroll.

2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll il-proċedura għall-approvazzjoni u t-tneħħija ta’ port mil-lista stabbilita f’konformità mal-Artikolu 14(6) tar-Regolament dwar il-Kontroll.

3.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti dwar l-iżbark, l-użin u t-trażbord, kif ukoll regoli oħra tal-politika komuni tas-sajd, kif definiti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-Kontroll, inkluż l-obbligi internazzjonali applikabbli adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMO, regional fisheries management organizations), kif ukoll dawk adottati fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli (SFPA, sustainable fisheries partnership agreements) jew ftehimiet oħra dwar is-sajd konklużi mill-Unjoni ma’ pajjiżi terzi.

KAPITOLU II

KUNDIZZJONIJIET GĦALL-ELENKAR TAL-PORTIJIET

TAQSIMA 1

Portijiet tal-Unjoni

Artikolu 2

Kundizzjonijiet għal sistemi tal-użin, għat-tagħmir u għall-għodod ta’ kontroll

1.   Port jista’ jiġi elenkat biss skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament dwar il-Kontroll jekk ikun mgħammar bis-sistemi tal-użin, it-tagħmir u l-għodod ta’ kontroll kollha li ġejjin, biex tiġi żgurata l-akkuratezza tar-rappurtar tal-qabdiet u l-kontroll meħtieġ tagħhom:

(a)

sistema ta’ monitoraġġ elettroniku mill-bogħod b’kameras tat-televiżjoni b’ċirkwit magħluq (CCTV) li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kostali jimmonitorjaw l-iżbark, it-trażbord u l-użin tal-qabdiet kollha tas-sajd koperti mill-Artikolu 14(4), il-punt (a), tar-Regolament dwar il-Kontroll;

(b)

miżien tat-tagħbija jew sistema tal-użin permezz ta’ krejn biex jintużaw għall-użin tal-qabdiet kollha tas-sajd koperti mill-Artikolu 14(4), il-punt (a), tar-Regolament dwar il-Kontroll;

(c)

separatur tal-ilma jew aktar minn wieħed li jippermetti t-tneħħija tal-ilma mill-qabdiet mal-iżbark qabel l-użin tagħhom għas-sajd imsemmi fl-Artikolu 15(1), il-punt (a), l-ewwel u t-tielet inċiż tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013; u

(d)

delu tal-kampjunar awtomatizzat jew semiawtomatizzat aċċessibbli kemm mill-operaturi kif ukoll mill-ispetturi biex tiġi żgurata l-imparzjalità tal-kampjuni meħuda f’konformità mal-proċeduri tal-użin tal-kampjuni għas-sajd applikabbli msemmija fl-Artikolu 15(1), il-punt (a), l-ewwel u t-tielet inċiż tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, is-sistemi tal-użin, it-tagħmir u l-għodod ta’ kontroll imsemmija f’dak il-paragrafu jistgħu jiġu sostitwiti b’teknoloġija ekwivalenti jew b’sistema b’tagħmir li kapaċi tiżgura l-istess livell ta’ akkuratezza fl-użin u fir-reġistrazzjoni tal-qabdiet mal-iżbark jew mat-trażbord.

Għall-identifikazzjoni tat-teknoloġija jew tas-sistema ekwivalenti, jistgħu jitqiesu aspetti bħad-dimensjonijiet tal-port, l-użu staġjonali tiegħu, il-kwantitajiet żgħar żbarkati ta’ qabdiet, u l-kontenut ta’ pjan ta’ kontroll jew ta’ programm ta’ kontroll komuni approvat mill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet speċifiċi għal użin akkurat

1.   Port jista’ jiġi elenkat biss skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament dwar il-Kontroll jekk ikollu fis-seħħ proċeduri biex jiżgura l-użin akkurat tal-qabdiet tas-sajd kollha msemmija fl-Artikolu 14(4), il-punt (a) tar-Regolament dwar il-Kontroll, li jiġu żbarkati jew trażbordati f’port elenkat u biex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   L-użin imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jsir skont waħda mill-għażliet li ġejjin:

(a)

il-kontroll mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kostali, li għandhom jimmonitorjaw għalkollox l-akkuratezza tal-użin ta’ kull żbark u trażbord tal-qabdiet tas-sajd koperti mill-Artikolu 14(4), il-punt (a);

(b)

taħt ir-responsabbiltà ta’ piżaturi terzi indipendenti, soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4; jew

(c)

taħt ir-responsabbiltà ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra responsabbli għall-użin, soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 5.

3.   Il-piżatur terz indipendenti msemmi fil-paragrafu 2(b) għandu jimmonitorja għalkollox l-akkuratezza tal-użin ta’ kull żbark u trażbord tal-qabdiet tas-sajd koperti mill-Artikolu 14(4), il-punt (a), u għandu jissodisfa r-rekwiżiti minimi li ġejjin:

(a)

ikun akkreditat f’konformità mal-ISO 17020 tat-tip A jew ma’ standards aktar stretti li jikkonfermaw l-indipendenza tal-piżatur terz;

(b)

ikun awtorizzat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kostali;

(c)

ikun imparzjali, ħieles minn kwalunkwe kunflitt ta’ interess, u b’mod partikolari joqgħod lura milli jinvolvi ruħu f’sitwazzjonijiet li jistgħu, direttament jew indirettament, jaffetwaw l-imparzjalità tal-etika professjonali tiegħu fir-rigward tal-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu;

(d)

iżomm rekord tal-kalibrazzjoni tas-sistemi użati għall-użin, inkluż kopja taċ-ċertifikati tal-kalibrazzjoni;

(e)

ikollu persunal kwalifikat b’taħriġ adegwat applikat fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu, inkluż persunal ta’ appoġġ, kif xieraq; u

(f)

ikollu aċċess għall-infrastruttura u t-tagħmir biex iwettaq il-kompiti assenjati lilu.

4.   Il-piżaturi indipendenti terzi msemmija fil-paragrafu 2(b) għandhom jimlew reġistru tal-użin għal kull żbark u trażbord tal-qabdiet tas-sajd imsemmi fl-Artikolu 14(4), il-punt (a), tar-Regolament dwar il-Kontroll u jibagħtuh lill-operatur rilevanti u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kostali.

5.   Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi l-oħra msemmija fil-paragrafu 2(c) għandhom ikunu awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kostali u jimmonitorjaw għalkollox l-eżattezza tal-użin ta’ kull żbark u trażbord tal-qabdiet tas-sajd koperti mill-Artikolu 14(4), il-punt (a), permezz tal-użu tas-sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) jew kwalunkwe teknoloġija ekwivalenti, u għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kostali b’aċċess għad-data ta’ monitoraġġ.

TAQSIMA 2

Portijiet ta’ pajjiżi terzi

Artikolu 4

Kundizzjonijiet ġenerali

Port ta’ pajjiż terz jista’ jiġi elenkat biss jekk:

(a)

ikun jinsab fit-territorju ta’ Parti Kontraenti għall-Ftehim dwar miżuri tal-Istat tal-port li jimpedixxu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (6);

(b)

ma jkunx jinsab fit-territorju ta’ pajjiż identifikat jew innotifikat bil-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax, f’konformità mal-Kapitolu VI tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (7);

(c)

ma jkunx jinsab fit-territorju ta’ pajjiż identifikat bħala pajjiż li jippermetti s-sajd mhux sostenibbli skont l-Artikolu 4(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 1026/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8); u

(d)

huwa port deżinjat għall-attivitajiet ta’ żbark skont l-SFPAs jew ftehimiet bilaterali oħra konklużi mill-Unjoni u pajjiżi terzi jew fil-qafas tal-RFMOs, fejn applikabbli.

Artikolu 5

Kundizzjonijiet speċifiċi għal użin akkurat

1.   Port li jinsab fit-territorju ta’ pajjiż terz jista’ jiġi elenkat biss jekk il-proċeduri jkunu fis-seħħ li jiżguraw:

(a)

l-użin akkurat tal-qabdiet tas-sajd kollha msemmija fl-Artikolu 14(4), il-punt (a), tar-Regolament dwar il-Kontroll, meta jiġu żbarkati jew trażbordati fil-port tiegħu;

(b)

li l-użin imsemmi fil-punt (a) jitwettaq taħt ir-responsabbiltà ta’ piżatur indipendenti terz li jkun konformi mar-rekwiżiti minimi stabbiliti fil-paragrafu 2; u

(c)

li l-piżaturi indipendenti terzi jimlew reġistru tal-użin għal kull żbark u trażbord tal-qabdiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 14(4), il-punt (a), tar-Regolament dwar il-Kontroll, u jibagħtuh lill-operatur u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd rilevanti.

2.   Il-piżatur indipendenti terz għandu jimmonitorja għalkollox l-eżattezza tal-użin ta’ kull żbark u trażbord tal-qabdiet tas-sajd koperti mill-Artikolu 14(4), il-punt (a), u għandu jissodisfa r-rekwiżiti minimi li ġejjin:

(a)

ikun akkreditat f’konformità mal-ISO 17020 tat-tip A jew ma’ kwalunkwe standard ekwivalenti jew aktar strett ieħor li jikkonferma l-indipendenza tal-piżatur terz;

(b)

ikun awtorizzat li jiżen u jirreġistra l-qabdiet b’mod akkurat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera;

(c)

ikun imparzjali, ħieles minn kwalunkwe kunflitt ta’ interess, u b’mod partikolari ma jkunx f’sitwazzjoni li tista’, direttament jew indirettament, taffettwa l-imparzjalità tal-etika professjonali tiegħu fir-rigward tal-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu;

(d)

iżomm rekord tal-kalibrazzjoni tas-sistemi użati għall-użin, inkluż kopja taċ-ċertifikati tal-kalibrazzjoni;

(e)

ikollu persunal kwalifikat b’taħriġ adegwat applikat fil-qasam ta’ kompetenza tiegħu, inkluż persunal ta’ appoġġ, kif xieraq; u

(f)

ikollu aċċess għall-infrastruttura u t-tagħmir biex iwettaq il-kompiti assenjati lilu.

KAPITOLU III

PROĊEDURA GĦALL-APPROVAZZJONI TAL-PORTIJIET GĦALL-ELENKAR U GĦAR-REVOKA TAGĦHOM

Artikolu 6

Preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet mill-Istati Membri

Stat Membru (l-“Istat Membru applikant”) jista’ jippreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni biex port li jinsab fit-territorju tiegħu jew fit-territorju ta’ pajjiż terz jiġi inkluż fil-lista tal-portijiet approvati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 14(6) tar-Regolament dwar il-Kontroll.

L-applikazzjoni ppreżentata għandha tinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem tal-port li ġie propost li għandu jiġi elenkat u fejn jinsab;

(b)

id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru responsabbli għall-applikazzjoni;

(c)

id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità tal-pajjiż terz responsabbli għall-kontroll tas-sajd, fejn applikabbli; u

(d)

evidenza speċifika, affidabbli u verifikabbli li turi l-issodisfar tal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-Kapitolu II għal kull port li ġie propost li għandu jiġi elenkat.

L-Istat Membru applikant jista’ jinkludi kwalunkwe informazzjoni oħra li jqis rilevanti.

Artikolu 7

Valutazzjoni mill-Kummissjoni

1.   Sal-1 ta’ Novembru ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tkun ivvalutat kwalunkwe applikazzjoni ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 6 riċevuta mhux aktar tard mill-1 ta’ Settembru tal-istess sena biex tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu II ġewx issodisfati.

2.   Jekk, matul il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni mitluba skont l-Artikolu 6 hija nieqsa, għandha titlob lill-Istat Membru applikant biex jimla l-applikazzjoni tiegħu fi żmien raġonevoli u fi kwalunkwe każ sa mhux aktar tard minn 60 jum wara meta ssir it-talba. Jekk l-Istat Membru applikant ma jimliex l-applikazzjoni qabel din l-iskadenza, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-applikazzjoni u tinforma lill-Istat Membru applikant b’dan. Tista’ tiġi ppreżentata applikazzjoni ġdida skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

3.   Jekk il-Kummissjoni ssib li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu II ġew issodisfati, għandha tinforma lill-Istat Membru applikant mingħajr dewmien u tipproċedi bl-elenkar tal-port f’konformità mal-Artikolu 14(6) tar-Regolament dwar il-Kontroll.

4.   Jekk il-Kummissjoni ssib li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu II ma ġewx issodisfati, għalkollox jew parzjalment, jew li l-evidenza ppreżentata mhijiex biżżejjed għal valutazzjoni tal-issodisfar ta’ dawk il-kundizzjonijiet, għandha tirrifjuta l-applikazzjoni u tgħarraf lill-Istat Membru applikant b’dan, filwaqt li tispjega r-raġunijiet għal tali rifjut.

5.   Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-pajjiżi terzi jew lill-Istati Membri tal-bandiera kkonċernati dwar applikazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 6 biex jipprovdu informazzjoni jew kjarifika addizzjonali, kif xieraq. Din l-informazzjoni jew kjarifika tista’ titqies mill-Kummissjoni għall-valutazzjoni prevista f’dan l-Artikolu.

Artikolu 8

Revoka tal-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ port elenkat

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrevoka l-approvazzjoni tagħha u temenda l-lista tal-portijiet adottata f’konformità mal-Artikolu 14(6) tar-Regolament dwar il-Kontroll jekk:

(a)

ikollha evidenza li port elenkat ma għadux jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu II; jew

(b)

tqis li l-informazzjoni ppreżentata f’konformità mal-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament mhijiex biżżejjed għal valutazzjoni tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu II.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika bl-intenzjoni tagħha li tirrevoka l-approvazzjoni tagħha ta’ port elenkat, lill-Istat Membru applikant u lill-Istati Membri tal-bandiera tal-bastimenti tas-sajd li jużaw dak il-port. u dawn ikollhom 30 jum biex jipprovdu informazzjoni u evidenza lill-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu II huma ssodisfati. Wara dak il-perjodu, il-Kummissjoni għandha tipproċedi bir-revoka tal-approvazzjoni u għandha tgħarraf lill-Istati Membri kkonċernati tal-anqas xahar qabel ir-revoka jekk:

(a)

ma jkunx hemm biżżejjed evidenza li dawn il-kundizzjonijiet ġew issodisfati;

(b)

l-informazzjoni ppreżentata ma tkunx biżżejjed għal valutazzjoni tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu II; jew

(c)

ma tkun ġiet ipprovduta l-ebda informazzjoni mill-Istat Membru applikant jew mill-Istat Membru tal-bandiera tal-bastimenti tas-sajd rilevanti li jużaw il-port elenkat.

3.   Il-Kummissjoni tista’ wkoll tirrevoka l-approvazzjoni tagħha u temenda l-lista tal-portijiet adottata f’konformità mal-Artikolu 14(6) tar-Regolament dwar il-Kontroll fuq talba motivata mill-Istat Membru applikant.

KAPITOLU IV

KUNDIZZJONIJIET ADDIZZJONALI RELATATI MAL-KONTROLL U S-SALVAGWARDJI MEĦTIEĠA GĦALL-IŻBARK, GĦALL-UŻIN JEW GĦAT-TRAŻBORD TAL-QABDIET TAS-SAJD IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 14(4), IL-PUNT (A) TAR-REGOLAMENT DWAR IL-KONTROLL

TAQSIMA 1

Kundizzjonijiet għall-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni

Artikolu 9

Kundizzjonijiet ġenerali

1.   Fir-rigward tal-qabdiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 14(4), il-punt (a), tar-Regolament dwar il-Kontroll, li li jiġu żbarkati jew trażbordati f’portijiet elenkati, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jiżbarkaw jew jittrażbordaw il-qabdiet kollha mill-istess vjaġġ tas-sajd f’portijiet elenkati biss.

2.   Fir-rigward tal-qabdiet tas-sajd għat-tonn tropikali bit-tartarun tal-borża li għandhom jiġu żbarkati jew trażbordati f’port elenkat li jinsab fit-territorju ta’ pajjiż terz, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jiżguraw li l-għażla, it-teħid ta’ kampjuni u l-użin ta’ dawk il-qabdiet abbord ikunu kkontrollati f’kull ħin minn sistemi ta’ monitoraġġ elettroniku mill-bogħod b’kameras tas-CCTV jew b’teknoloġija ekwivalenti li tiżgura l-istess livell ta’ akkuratezza tal-kontroll.

TAQSIMA 2

Kundizzjonijiet għall-Istati Membri

Artikolu 10

Pjanijiet ta’ teħid ta’ kampjuni

1.   Fil-portijiet elenkati fl-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-determinazzjoni tal-kompożizzjoni tal-qabdiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 14(4), il-punt (a), tar-Regolament dwar il-Kontroll li jiġu żbarkati jew trażbordati f’port elenkat minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom, tkun ibbażata fuq pjanijiet ta’ teħid ta’ kampjuni adottati jew approvati mill-Kummissjoni, fejn applikabbli.

2.   Għall-qabdiet tat-tonn tropikali, il-kompożizzjoni tal-qabda għandha tiġi ddeterminata billi l-qabda tintgħażel u tintiżen skont l-ispeċi.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2, il-kompożizzjoni tal-qabdiet ta’ eżemplari tat-tonna safra (Thunnus albacares) u ta’ tonn obeż (Thunnus obesus) ta’ inqas minn 5 kg li jiġu żbarkati jew trażbordati fil-port elenkat ta’ pajjiż terz tista’ tiġi ddeterminata f’konformità ma’ metodoloġija ta’ kampjunar stabbilita mill-Istat Membru tal-bandiera fil-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tas-sajd tal-bastiment tas-sajd.

Artikolu 11

Informazzjoni dwar il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jibbenefikaw mid-deroga għall-marġni ta’ tolleranza

1.   Fuq bażi annwali, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’lista ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom li jistgħu jibbenefikaw mid-deroga għall-marġni ta’ tolleranza stabbilita fl-Artikolu 14(4), il-punt (a), u l-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-Kontroll f’port elenkat.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti tas-sajd inklużi fil-lista msemmija fil-paragrafu 1 u li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu biss jibbenefikaw mid-deroga stabbilita fl-Artikolu 14(4), il-punt (a), u fl-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-Kontroll.

Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-livell ta’ kontroll meħtieġ fuq dawk il-bastimenti f’konformità mat-Titolu VIII tar-Regolament dwar il-Kontroll u jiżguraw li persuni fiżiċi li kkommettew jew persuni ġuridiċi miżmuma responsabbli għall-ksur tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu jkunu soġġetti għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, inkluż it-tħassir temporanju jew permanenti ta’ bastimenti tas-sajd mhux konformi mil-lista msemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-lista msemmija fil-paragrafu 1 disponibbli għall-Istati Membri l-oħra u għall-Kummissjoni u jżommuha aġġornata.

Artikolu 12

Kontroll u spezzjoni fil-portijiet tal-Unjoni

1.   L-Istati Membri kostali tal-portijiet elenkati li jinsabu fit-territorji tagħhom għandhom jiżguraw li jkun hemm miżuri fis-seħħ biex jikkontrollaw b’mod effettiv l-akkuratezza tar-rappurtar tal-qabdiet mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jibbenefikaw mid-deroga stabbilita fl-Artikolu 14(4), il-punt (a), u fl-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-Kontroll u għandhom jivverifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu.

2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu punti ta’ riferiment minimi għall-attivitajiet ta’ spezzjoni bbażati fuq il-ġestjoni tar-riskju, kif definit fl-Artikolu 4(18) tar-Regolament dwar il-Kontroll, u għandhom jiġu riveduti perjodikament.

Parametri referenzjarji bħal dawn ma għandhomx ikunu inqas minn 5 % tal-għadd totali tal-iżbarki u t-trażbordi ta’ qabdiet u 7,5 % tal-kwantitajiet tal-iżbarki u t-trażbordi ta’ qabdiet minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni elenkati li jibbenefikaw mid-deroga stabbilita fl-Artikolu 14(4), il-punt (a), u fl-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-Kontroll, fuq bażi annwali.

Artikolu 13

Kontroll u spezzjoni f’portijiet ta’ pajjiżi terzi

1.   L-Istati Membri tal-bandiera tal-bastimenti tas-sajd li jibbenefikaw mid-deroga stabbilita fl-Artikolu 14(4), il-punt (a), u fl-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-Kontroll għandhom jiżguraw li jkun hemm miżuri fis-seħħ biex jikkontrollaw b’mod effettiv l-akkuratezza tar-rappurtar tal-qabdiet minn dawk il-bastimenti tas-sajd u biex jivverifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu.

2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu punti ta’ riferiment minimi għall-attivitajiet ta’ spezzjoni bbażati fuq il-ġestjoni tar-riskju, kif definit fl-Artikolu 4(18) tar-Regolament dwar il-Kontroll, u għandhom jiġu riveduti perjodikament.

Parametri referenzjarji bħal dawn ma għandhomx ikunu inqas minn 5 % tal-għadd totali tal-iżbarki u t-trażbordi ta’ qabdiet u 7,5 % tal-kwantitajiet tal-iżbarki u t-trażbordi ta’ qabdiet minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni elenkati li jibbenefikaw mid-deroga stabbilita fl-Artikolu 14(4), il-punt (a), u fl-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-Kontroll, fuq bażi annwali.

3.   Dan l-Artikolu għandu japplika biss meta l-aċċess għall-port u l-faċilitajiet elenkati tal-pajjiż terz ikkonċernat għall-finijiet ta’ kontroll u spezzjoni jkun permess fil-qafas ta’ SFPA, ftehimiet bilaterali oħra konklużi mill-Unjoni mal-pajjiż terz jew fi kwalunkwe każ ieħor skont id-dritt internazzjonali li jippermetti lill-uffiċjali, kif definiti fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament dwar il-Kontroll, iwettqu l-ispezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2.

4.   Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-pajjiż terz ikkonċernat jagħti aċċess permezz ta’ uffiċjali għall-port u l-faċilitajiet tiegħu għal skopijiet ta’ kontroll u spezzjoni fuq bażi ta’ kull każ għalih.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14

Obbligi ta’ rappurtar

1.   Kull sena, l-Istati Membri applikanti għandhom jirrevedu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6 u jirrapportaw kwalunkwe bidla rilevanti lill-Kummissjoni.

2.   Kull sena, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni kwalunkwe nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet stipulati identifikat jew ikkonfermat skont il-Kapitolu II u IV ta’ dan ir-Regolament, inkluż:

(a)

ir-riżultati ta’ kwalunkwe spezzjoni mwettqa skont l-Artikoli 12 u 13; u

(b)

ir-riżultati tal-analiżi u l-kontroverifika tad-data miġbura permezz tal-użu ta’ sistemi ta’ monitoraġġ elettroniku mill-bogħod b’kameras tas-CCTV jew teknoloġija ekwivalenti oħra skont dan ir-Regolament.

3.   Tali rapport jenħtieġ li jkun jinkludi l-azzjonijiet ta’ segwitu meħuda fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet elenkati fil-Kapitolu II u IV ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Ġestjoni tad- data

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istess regoli dwar l-analiżi tad-data, l-aċċess, l-ipproċessar, l-iskambju u l-ħżin tad-data kif stabbiliti fl-Artikoli 109, 110, 111 u 113 tar-Regolament dwar il-Kontroll japplikaw fir-rigward tad-data miġbura skont dan ir-Regolament.

Artikolu 16

Protezzjoni u pproċessar ta’ data personali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data personali miġbura skont dan ir-Regolament tkun tista’ tiġi pproċessata biss skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 112 tar-Regolament dwar il-Kontroll.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi ta’ monitoraġġ elettroniku mill-bogħod b’kameras tas-CCTV jew b’teknoloġija ekwivalenti oħra użata għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament jitħaddmu b’mod li jeskludi l-identifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi f’materjal awdjoviżiv irreġistrat. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-użu ta’ tali sistemi u teknoloġija jitqiegħed b’tali mod li jippermetti biss il-monitoraġġ biss tal-partijiet speċifiċi tal-bastimenti u taż-żoni, tas-sistemi jew tal-faċilitajiet fejn iseħħu l-iżbark, it-trażbord u l-użin tal-qabdiet koperti mid-deroga għall-marġni ta’ tolleranza speċifikat fl-Artikolu 14(4), il-punt (a) u fl-Artikolu 21(3) tar-Regolament dwar il-Kontroll.

3.   F’każijiet fejn, madankollu, l-immaġnijiet ta’ persuni fiżiċi jiġu rreġistrati u identifikati b’mod li dawk il-persuni fiżiċi jkunu direttament jew indirettament identifikabbli, jenħtieġ li l-immaġnijiet tagħhom jiġu anonimizzati mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Mejju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2023/2842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 u (KE) Nru 1005/2008 u r-Regolamenti (UE) 2016/1139, (UE) 2017/2403 u (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontroll tas-sajd (ĠU L, 2023/2842, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2842/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2022/2343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 li jistabbilixxi l-miżuri ta’ ġestjoni, ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll li japplikaw fiż-Żona ta’ Kompetenza tal-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC) u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1936/2001, (KE) Nru 1984/2003 u (KE) Nru 520/2007 (ĠU L 311, 2.12.2022, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(6)   ĠU L 203, 6.8.2011, p. 1.

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 1026/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ċerti miżuri għall-iskop tal-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut fir-rigward ta’ pajjiżi li jippermettu sajd mhux sostenibbli (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 34).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1474/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)