European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1470

22.5.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/1470

tal-21 ta’ Mejju 2024

li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/512/PESK (1).

(2)

L-Unjoni tibqa’ soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

(3)

Fl-24 ta’ Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna, u l-forzi armati tar-Russja bdew aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata kontra l-Ukrajna. Dik il-gwerra ta’ aggressjoni illegali hija ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, kif ukoll ksur tal-projbizzjoni fuq l-użu tal-forza mnaqqxa fl-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), li hija regola fundamentali tad-dritt internazzjonali, u tal-prinċipji l-oħra tal-Karta tan-NU (il-Karta tan-NU).

(4)

Fir-Riżoluzzjoni ES-11/1 tagħha, adottata fit-2 ta’ Marzu 2022, l-Assemblea Ġenerali tan-NU kkundannat bl-aktar mod qawwi l-aggressjoni mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna bi ksur tal-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-NU. Fir-Riżoluzzjoni ES-11/4 tagħha, adottata fit-12 ta’ Ottubru 2022, l-Assemblea Ġenerali tan-NU, filwaqt li ħadet nota tad-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tad-29 ta’ Settembru 2022 li fiha fakkar li kwalunkwe annessjoni ta’ territorju ta’ Stat minn Stat ieħor li tirriżulta mit-theddida jew l-użu tal-forza hija ksur tal-prinċipji tal-Karta tan-NU u tad-dritt internazzjonali, ikkundannat l-organizzazzjoni mill-Federazzjoni Russa ta’ hekk imsejħa referenda illegali f’reġjuni fil-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tal-Ukrajna, u t-tentattiv ta’ annessjoni illegali tar-reġjuni tal-Ukrajna ta’ Donetsk, Kherson, Luhansk u Zaporizhzhia, wara l-organizzazzjoni ta’ dawk l-hekk imsejħa referenda.

(5)

Fir-Riżoluzzjoni A/RES/ES-11/5 tagħha tal-15 ta’ Novembru 2022, l-Assemblea Ġenerali tan-NU esprimiet tħassib serju dwar it-telf ta’ ħajjiet, l-ispostament ċivili, il-qerda tal-infrastruttura u tar-riżorsi naturali, it-telf ta’ proprjetà pubblika u dik privata, u d-diżastru ekonomiku kkawżat mill-aggressjoni mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna, u rrikonoxxiet li l-Federazzjoni Russa trid tinżamm responsabbli għal kwalunkwe ksur tad-dritt internazzjonali fl-Ukrajna jew kontriha, inkluża l-aggressjoni tagħha bi ksur tal-Karta tan-NU, kif ukoll kwalunkwe ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u li trid iġġarrab il-konsegwenzi legali tal-atti internazzjonalment illegali tagħha kollha, inkluż ir-reparazzjoni għall-korriment, inkluż kwalunkwe dannu, ikkawżat minn tali atti.

(6)

Fir-Riżoluzzjoni A/ES-11/L.7 tagħha tat-23 ta’ Frar 2023, l-Assemblea Ġenerali tan-NU talbet ukoll għal aderenza sħiħa mill-partijiet fil-konflitt armat mal-obbligi tagħhom skont id-dritt umanitarju internazzjonali, u għal waqfien immedjat tal-attakki fuq l-infrastruttura kritika tal-Ukrajna u kwalunkwe attakk intenzjonat fuq oġġetti ċivili, inkluż dawk li huma residenzi, skejjel u sptarijiet.

(7)

Fit-28 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/335 (2) li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK, li pprojbixxiet kwalunkwe tranżazzjoni relatata mal-ġestjoni ta’ riżervi, kif ukoll ta’ assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, inklużi tranżazzjonijiet ma’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f’isem, jew taħt id-direzzjoni tal-Bank Ċentrali tar-Russja. Fid-9 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/395 (3) biex jinkludi tali projbizzjoni li tikkonċerna r-Russian National Wealth Fund (il-Fond Nazzjonali Russu għall-Ġid). Bħala riżultat ta’ dawk il-projbizzjonijiet, l-assi rilevanti miżmuma minn istituzzjonijiet finanzjarji fl-Istati Membri jiġu “immobilizzati”.

(8)

Kif issottolinjat fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta’ Ottubru 2023, huwa meħtieġ progress deċiżiv, f’koordinazzjoni mas-sħab, dwar kif kwalunkwe dħul straordinarju miżmum minn entitajiet privati li jirriżulta direttament mill-assi immobilizzati tar-Russja jista’ jiġi dirett biex jappoġġa lill-Ukrajna u l-irkupru u r-rikostruzzjoni tagħha, b’mod konsistenti mal-obbligi kuntrattwali applikabbli, u f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali. Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill Ewropew appella lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-Rappreżentant Għoli) u lill-Kummissjoni biex jaċċelleraw il-ħidma bil-ħsieb li jippreżentaw proposti.

(9)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2023, il-Kunsill Ewropew tenna l-kundanna qawwija tiegħu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li tikkostitwixxi ksur ċar tal-Karta tan-NU, u afferma mill-ġdid l-appoġġ sod tal-Unjoni għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha u d-dritt inerenti ta’ awtodifiża tagħha kontra l-aggressjoni Russa.

(10)

Fl-1 ta’ Frar 2024, il-konklużjonijiet ta’ laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew issottolinjaw il-ħtieġa li jiġi żgurat, flimkien mas-sħab, appoġġ finanzjarju stabbli, prevedibbli u sostenibbli għall-Ukrajna għall-perjodu 2024-2027, u kkonkludew li għandha tiġi stabbilita Faċilità għall-Ukrajna għall-perjodu 2024-2027. Ir-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna ġie adottat fid-29 ta’ Frar 2024. Fil-5 ta’ Marzu 2024, il-Kummissjoni pproponiet Regolament li jistabbilixxi Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea (“EDIP”) u qafas ta’ miżuri biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom ta’ prodotti tad-difiża (5). Jenħtieġ li jiġi stabbilit l-EDIP għall-perjodu 2025-2027 u jinkludi programm ta’ kooperazzjoni (l-“Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna”) li għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ukrena.

(11)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-22 ta’ Marzu 2024, il-Kunsill Ewropew iddikjara li minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, l-Unjoni Ewropea hija determinata li tkompli tipprovdi lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha l-appoġġ politiku, finanzjarju, ekonomiku, umanitarju, militari u diplomatiku meħtieġ sakemm ikun hemm bżonn u kemm ikun meħtieġ.

(12)

Fit-12 ta’ Frar 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/577 (6), li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK biex jiġu pprovduti ċerti kjarifiki rigward il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe tranżazzjoni relatata mal-ġestjoni tar-riżervi u l-assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, kif ukoll biex jiġu introdotti aktar miżuri.

(13)

Id-Deċiżjoni (PESK) 2024/577 iċċarat li t-tranżazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-karta tal-bilanċ b’rabta mal-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, jew b’rabta mal-assi u r-riżervi ta’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f’isem, jew taħt id-direzzjoni tal-Bank Ċentrali tar-Russja, bħar-Russian National Wealth Fund, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ tranżazzjonijiet li ilha tapplika mit-28 ta’ Frar 2022. It-tranżazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-karta tal-bilanċ li jibqgħu awtorizzati huma relatati b’mod partikolari mal-investiment mill-ġdid tal-bilanċi tal-flus, li jakkumulaw minħabba kupun jew dividend immobilizzat u pagamenti ta’ tifdija u depożiti li jimmaturaw, f’konformità ma’ politika ta’ investiment prudenti, f’konformità mar-rekwiżiti regolatorji applikabbli.

(14)

Jibqgħu pprojbiti tranżazzjonijiet oħra, b’mod partikolari kwalunkwe trasferiment dirett jew indirett lill-Bank Ċentrali tar-Russja jew għall-benefiċċju tiegħu, jew lil kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp, jew għall-benefiċċju tiegħu, li jaġixxi f’isem il-Bank Ċentrali tar-Russja jew taħt id-direzzjoni tiegħu, bħar-Russian National Wealth Fund.

(15)

Il-projbizzjoni ta’ tali tranżazzjonijiet oħra tiġġenera akkumulazzjoni straordinarja u mhux mistennija ta’ bilanċi tal-flus fuq il-karti tal-bilanċ ta’ depożitorji ċentrali tat-titoli fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) li jokkupaw pożizzjoni ewlenija fis-saldu u ż-żamma ċentrali tal-istrumenti finanzjarji fl-Unjoni. Dik l-akkumulazzjoni hija dovuta għall-immobilizzazzjoni tal-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, jew dawk ta’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f’isem il-Bank Ċentrali tar-Russja, jew taħt id-direzzjoni tiegħu, bħar-Russian National Wealth Fund, minħabba li huwa pprojbit kwalunkwe pagament ta’ kapital u mgħax, kupuni, dividendi jew introjtu ieħor fuq titoli lill-Bank Ċentrali tar-Russja u lil dawk il-persuni, entitajiet u korpi.

(16)

Id-depożitorji ċentrali tat-titoli jinsabu f’sitwazzjoni speċifika, li hija differenti minn dik ta’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra minħabba li l-bilanċi tal-flus ta’ klijenti ta’ depożitorji ċentrali tat-titoli, jew magħhom, normalment jiġu ttrasferiti barra mid-depożitorji ċentrali tat-titoli qabel tmiem il-jum u ma jrendu ebda remunerazzjoni għall-klijenti. Il-bilanċi tal-flus miżmuma minn depożitorji ċentrali tat-titoli relatati mal-assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, jew dawk ta’ kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f’isem il-Bank Ċentrali tar-Russja, jew taħt id-direzzjoni tiegħu, bħar-Russian National Wealth Fund, li jakkumulaw minħabba miżuri restrittivi, sussegwentement jeħtieġ li jiġu ġestiti b’mod prudenti mid-depożitorji ċentrali tat-titoli. Dan jirriżulta fil-ġenerazzjoni ta’ dħul mhux mistenni u straordinarju.

(17)

Dħul mhux mistenni u straordinarju ma għandux isir disponibbli għall-Bank Ċentrali tar-Russja skont ir-regoli applikabbli, anki wara l-waqfien tal-projbizzjoni ta’ tranżazzjonijiet. B’hekk, ma jikkostitwixxix assi sovrani. Għalhekk, ir-regoli li jipproteġu l-assi sovrani mhumiex applikabbli għal dan id-dħul.

(18)

Barra minn hekk, peress li dak id-dħul mhux mistenni u straordinarju jirriżulta neċessarjament mill-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi, b’mod partikolari l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1a(4) tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK u l-Artikolu 5a(4) tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 (8), id-depożitorji ċentrali tat-titoli ma jistgħux jistennew li jiksbu benefiċċju ekonomiku mhux dovut u mhux intenzjonat minnhom. Abbażi tal-għan leġittimu li jiġu segwiti l-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, b’mod partikolari l-konsolidazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali u l-appoġġ għalihom, inklużi d-dritt umanitarju internazzjonali, il-preservazzjoni tal-paċi, il-prevenzjoni tal-konflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali u l-protezzjoni tal-popolazzjonijiet ċivili, kif ukoll l-assistenza lill-popolazzjonijiet li jiffaċċjaw diżastri kkawżati mill-bniedem, id-Deċiżjoni (PESK) 2024/577 introduċiet miżuri addizzjonali biex jiġi żgurat li ma jitkomplewx il-profitti mhux mistennija u straordinarji tad-depożitorji ċentrali tat-titoli, li jakkumulaw fil-perjodu ta’ żmien bejn id-dħul fis-seħħ ta’ dik id-Deċiżjoni u l-mument meta l-miżuri restrittivi temporanji li jikkonċernaw l-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja, u jkunu ta’ benefiċċju għall-Ukrajna. Dawk il-miżuri ġew riflessi fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/576 (9).

(19)

B’mod partikolari, mill-15 ta’ Frar 2024, depożitorji ċentrali tat-titoli li għandhom riżervi u assi tal-Bank Ċentrali tar-Russja b’valur totali ta’ aktar minn EUR 1 miljun iridu jirrappreżentaw u jiġġestixxu tali bilanċi tal-flus straordinarji li jakkumulaw minħabba l-immobilizzazzjoni tal-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja b’mod separat mill-attivitajiet l-oħra tagħhom, u jżommu separat ukoll id-dħul mhux mistenni u straordinarju ġġenerat.

(20)

Id-depożitorji ċentrali tat-titoli huma pprojbiti wkoll milli jiddisponu mill-profitti netti li jirriżultaw tagħhom, kif determinati f’konformità mal-liġi nazzjonali, wara t-tnaqqis tat-taxxa korporattiva skont ir-reġim ġenerali tal-Istat Membru kkonċernat, kemm jekk permezz ta’ distribuzzjoni fil-forma ta’ dividendi kif ukoll fi kwalunkwe forma għall-benefiċċju tal-azzjonisti jew ta’ kwalunkwe parti terza sakemm il-Kunsill jiddeċiedi dwar l-istabbiliment ta’ kontribuzzjoni finanzjarji miġbura fuq dawk il-profitti netti biex tappoġġa lill-Ukrajna. Il-profitti netti li jirriżultaw iġġenerati qabel il-15 ta’ Frar 2024 jibqgħu mingħajr restrizzjonijiet u immedjatament disponibbli biex jassorbu l-ispejjeż, ir-riskji u t-telf imġarrba mid-depożitorji ċentrali tat-titoli, kif meħtieġ skont il-liġijiet tal-Unjoni u dawk nazzjonali applikabbli għad-depożitorji ċentrali tat-titoli inkluż skont il-leġiżlazzjoni prudenzjali, fejn rilevanti.

(21)

F’għeluq it-tieni sena tal-invażjoni illegali, mhux ġustifikabbli u mhux provokata fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja, il-Mexxejja tal-G7, fid-Dikjarazzjoni tagħhom tal-24 ta’ Frar 2024, tennew l-appoġġ kontinwu tal-pajjiżi tagħhom għad-dritt tal-Ukrajna għall-awtodifiża u l-impenn tagħhom għas-sigurtà fit-tul tal-Ukrajna, u impenjaw ruħhom li jżidu l-assistenza ta’ sigurtà tagħhom lill-Ukrajna u jżidu l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u ta’ konsenja biex jassistu lill-pajjiż. Dik id-dikjarazzjoni laqgħet l-adozzjoni tal-atti legali tal-Unjoni dwar id-dħul straordinarju ta’ depożitorji ċentrali tat-titoli miksub mill-assi sovrani immobilizzati tar-Russja u ħeġġet aktar passi biex tippermetti l-użu tagħhom, b’mod konsistenti mal-obbligi kuntrattwali applikabbli u f’konformità mal-liġijiet applikabbli.

(22)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni u b’reazzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u sakemm l-azzjonijiet illegali mill-Federazzjoni Russa jkomplu jiksru r-regoli fundamentali tad-dritt internazzjonali, inkluż b’mod partikolari l-projbizzjoni fuq l-użu tal-forza minquxa fl-Artikolu 2(4) tal-Karta tan-NU, jew tal-liġi umanitarja internazzjonali, huwa xieraq li jinżammu fis-seħħ il-miżuri kollha imposti mill-Unjoni. Huwa xieraq ukoll li jittieħdu miżuri eċċezzjonali addizzjonali li għandhom l-għan li jappoġġaw lill-Ukrajna u l-irkupru u r-rikostruzzjoni tagħha kif ukoll l-awtodifiża tagħha kontra l-aggressjoni Russa, f’konformità mal-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, b’mod partikolari l-preservazzjoni tal-valuri tal-Unjoni, l-interessi fundamentali, is-sigurtà, l-indipendenza u l-integrità, il-konsolidazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali u l-appoġġ għalihom, inkluż id-dritt umanitarju internazzjonali, id-dritt għall-awtodifiża u l-projbizzjoni tal-aggressjoni skont il-Karta tan-NU, il-preservazzjoni tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali u l-protezzjoni tal-popolazzjonijiet ċivili kif ukoll l-assistenza lill-popolazzjonijiet li jiffaċċjaw diżastri kkawżati mill-bniedem, bħal dawk ikkawżati lill-Ukrajna u lill-popolazzjoni tagħha mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja.

(23)

Jenħtieġ li l-objettiv aħħari ta’ dawn il-miżuri addizzjonali jkun li jappoġġaw lill-Ukrajna u l-irkupru u r-rikostruzzjoni tagħha, kif ukoll l-awtodifiża tagħha kontra l-aggressjoni Russa, inkluż permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (10) u programmi tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni, bħall-Faċilità tal-Ukrajna u programmi mmirati lejn l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-bażi teknoloġika u industrijali tad-difiża tal-Ukrajna. F’konformità mal-prinċipju taċ-ċertezza legali, jenħtieġ li japplikaw miżuri addizzjonali mill-15 ta’ Frar 2024.

(24)

B’mod partikolari, huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli dwar kif il-profitti netti li jirriżultaw mid-dħul mhux mistenni u straordinarju li jakkumula għad-depożitorji ċentrali tat-titoli bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi, b’mod partikolari l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1a(4) tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK u l-Artikolu 5a(4) tar-Regolament (UE) Nru 833/2014, jenħtieġ li jiġu diretti biex jappoġġaw lill-Ukrajna u l-irkupru u r-rikostruzzjoni tagħha kif ukoll lill-awtodifiża tagħha kontra l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, b’mod konsistenti mal-obbligi kuntrattwali applikabbli, u f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali, f’koordinazzjoni mas-sħab. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tinforma lill-Kunsill darbtejn fis-sena dwar l-ammonti trasferiti mid-depożitorji ċentrali tat-titoli.

(25)

Jenħtieġ li d-depożitorji ċentrali tat-titoli li għandhom assi u riżervi b’valur totali ta’ aktar minn EUR 1 miljun jikkontribwixxu mill-profitti netti korrispondenti tagħhom kontribuzzjoni finanzjarja ekwivalenti għal 99,7 % ta’ dawk il-profitti netti li jakkumulaw mill-15 ta’ Frar 2024. Din ir-rata hija ġustifikata mill-fatt li l-profitti netti inkwistjoni jirriżultaw neċessarjament mill-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi, b’mod partikolari l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1a(4) tad-Deċiżjoni 2014/512/PESK u l-Artikolu 5a(4) tar-Regolament (UE) Nru 833/2014, u għalhekk id-depożitorji ċentrali tat-titoli ma jistgħux jistennew li jiksbu benefiċċju ekonomiku mhux dovut u mhux intenzjonat minnhom. Minħabba r-responsabbiltajiet tad-depożitorji ċentrali tat-titoli u r-rwol li qed jaqdu fit-trattament tal-assi immobilizzati, huwa madankollu xieraq li jiġi previst li dawn ikunu jistgħu jżommu perċentwal limitat tal-profitti netti biex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-ħidma tagħhom. Jenħtieġ li l-pagamenti jsiru f’pagamenti parzjali biannwali sakemm il-profitti straordinarji jieqfu jakkumulaw fuq il-karti tal-bilanċ tad-depożitorji ċentrali tat-titoli minħabba l-waqfien tal-miżuri restrittivi li jipprojbixxu tranżazzjonijiet bl-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja.

(26)

Jenħtieġ li d-depożitorji ċentrali tat-titoli jkunu jistgħu jżommu b’mod proviżorju sehem li ma jaqbiżx l-10 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja bil-ħsieb li jikkonformaw mar-rekwiżiti statutorji tal-kapital u tal-ġestjoni tar-riskju fid-dawl tal-impatt minħabba l-gwerra fl-Ukrajna fir-rigward tal-assi miżmuma mid-depożitorji ċentrali tat-titoli. Jekk dan is-sehem ma jkunx biżżejjed fil-futur, jenħtieġ li jkun possibbli li depożitorji ċentrali tat-titoli jippreżentaw lill-awtorità superviżorja nazzjonali talba debitament ġustifikata biex iżomm perċentwal addizzjonali tal-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta. Iż-żamma ta’ perċentwal addizzjonali tista’ tiġi awtorizzata biss jekk ikun strettament meħtieġ għall-konformità mar-rekwiżiti tal-ġestjoni tar-riskju fid-dawl tal-impatt minħabba l-gwerra fl-Ukrajna fir-rigward tal-assi miżmuma minn depożitorji ċentrali tat-titoli.

(27)

Din id-Deċiżjoni tipprevedi miżuri addizzjonali previsti li joħolqu obbligi ġodda għad-depożitorji ċentrali tat-titoli, jiġifieri li dawn jikkontribwixxu għall-Unjoni għall-fini li jappoġġaw lill-Ukrajna u l-irkupru u r-rikostruzzjoni tagħha kif ukoll l-awtodifiża tagħha kontra l-aggressjoni Russa. Minħabba l-kuntest li fih jittieħdu dawn il-miżuri, is-sitwazzjoni speċifika tad-depożitorji ċentrali tat-titoli u l-għan leġittimu tal-miżuri għall-insegwiment tal-objettivi tal-politika estera u ta’ sigurtà tal-Unjoni, b’mod partikolari l-preservazzjoni tal-valuri, l-interessi fundamentali, is-sigurtà, l-indipendenza u l-integrità tal-Unjoni, il-konsolidazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali u l-appoġġ għalihom, inkluż id-dritt umanitarju internazzjonali, id-dritt għall-awtodifiża u l-projbizzjoni tal-aggressjoni skont il-Karta tan-NU, il-preservazzjoni tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali u l-protezzjoni tal-popolazzjonijiet ċivili kif ukoll l-assistenza lill-popolazzjonijiet li jiffaċċjaw diżastri kkawżati mill-bniedem, bħal dawk ikkawżati lill-Ukrajna u lill-popolazzjoni tagħha mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja, dawn il-miżuri jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 17 u 52 tagħha, peress li huma ġustifikati u proporzjonati mal-objettivi segwiti.

(28)

Jenħtieġ li l-miżuri restrittivi b’rabta mal-projbizzjoni ta’ tranżazzjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-assi u r-riżervi tal-Bank Ċentrali tar-Russja jibqgħu fis-seħħ sakemm ir-Russja twaqqaf il-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u tikkumpensa lill-Ukrajna għad-dannu kkawżat minn din il-gwerra.

(29)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

(30)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/512/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2014/512/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1a, il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Mill-15 ta’ Frar 2024, u sakemm jinżammu l-miżuri restrittivi stipulati fil-paragrafu 4, depożitorji ċentrali tat-titoli fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 li għandhom l-assi u r-riżervi msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu b’valur totali li jaqbeż EUR 1 miljun għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin rigward bilanċi tal-flus li jakkumulaw esklużivament minħabba l-miżuri restrittivi:

(a)

dawk il-bilanċi tal-flus għandhom jiġu kontabilizzati separatament;

(b)

id-dħul li jakkumula mill-bilanċi tal-flus imsemmija fil-punt (a) jew li jiġi ġġenerat minnhom mill-15 ta’ Frar 2024 għandu jiġi rreġistrat separatament fil-kontijiet finanzjarji tad-depożitorji ċentrali tat-titoli;

(c)

mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 9 u 10, il-profitti netti determinati fir-rigward tad-dħul imsemmi fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-liġi nazzjonali, inkluż billi jitnaqqsu l-ispejjeż rilevanti kollha b’rabta mal-ġestjoni tal-assi immobilizzati u l-ġestjoni tar-riskju assoċjat mal-assi immobilizzati jew li jirriżultaw minnhom, u wara t-tnaqqis tat-taxxa korporattiva skont ir-reġim ġenerali tal-Istat Membru kkonċernat, ma għandhomx jiġu ċeduti permezz ta’ distribuzzjoni fil-forma ta’ dividendi jew fi kwalunkwe forma għall-benefiċċju tal-azzjonisti jew kwalunkwe parti terza. Din il-projbizzjoni ma għandhiex tapplika għall-profitti netti li ma jikkostitwixxux il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 9.”

;

(2)

fl-Artikolu 1a, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“9.   Il-profitti netti msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 8 għandhom ikunu soġġetti għal kontribuzzjoni finanzjarja dovuta mid-depożitorji ċentrali tat-titoli lill-Unjoni.

Ir-rata tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandha tkun ta’ 99,7 % ta’ dawk il-profitti netti.

10.

(a)

Id-depożitorji ċentrali tat-titoli jistgħu jżommu proviżorjament sehem li ma jaqbiżx l-10 % tal-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta (‘ammonti miżmuma proviżorjament’), li għandha tibqa’ dovuta lill-Unjoni.

(b)

Jekk is-sehem imsemmi fil-punt (a) ma jkunx biżżejjed fid-dawl tar-rekwiżiti tal-ġestjoni tar-riskju, depożitorju ċentrali tat-titoli jista’ jissottometti talba biex jinżamm perċentwal addizzjonali tal-kontribuzzjoni finanzjarja dovuta. Iż-żamma ta’ perċentwal addizzjonali tista’ tiġi awtorizzata biss jekk ikun strettament meħtieġ għall-konformità mar-rekwiżiti tal-ġestjoni tar-riskju fid-dawl tal-impatt minħabba l-gwerra fl-Ukrajna fir-rigward tal-assi miżmuma minn depożitorji ċentrali tat-titoli.

(c)

L-ammonti miżmuma proviżorjament minn depożitorju ċentrali tat-titoli f’konformità ma’ dan il-paragrafu għandhom jintużaw esklużivament biex ikopru l-ispejjeż, ir-riskji u t-telf imġarrba minnu minħabba l-gwerra fl-Ukrajna fir-rigward tal-assi miżmuma minn dak id-depożitorju ċentrali tat-titoli, u biss sal-punt li tali spejjeż, riskji u telf ma jkunux jistgħu jiġu koperti mir-riżorsi interni tad-depożitorju ċentrali tat-titoli fil-mument tal-okkorrenza tagħhom. L-ammonti miżmuma proviżorjament li jkunu ntużaw f’konformità ma’ dan il-punt ma għandhomx jibqgħu dovuti lill-Unjoni.

(d)

Ammonti miżmuma proviżorjament li ma jkunux intużaw fi żmien ħames snin għall-fini msemmi fil-punt (c) għandhom jiġu trasferiti lill-Unjoni sakemm tittieħed deċiżjoni dwar jekk dawk l-ammonti jew parti minn dawk l-ammonti għadhomx meħtieġa biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-ġestjoni tar-riskju fid-dawl tal-impatt minħabba l-gwerra fl-Ukrajna fir-rigward tal-assi miżmuma minn depożitorji ċentrali tat-titoli. L-ammonti li ma jkunux għadhom miżmuma għandhom jiġu ttrasferiti lill-Unjoni.

(e)

Id-depożitorji ċentrali tat-titoli għandhom jittrasferixxu lill-Unjoni l-ammonti kollha mhux użati miżmuma proviżorjament sa mhux aktar tard minn meta l-miżuri restrittivi skont dan l-Artikolu ma jibqgħux japplikaw, sakemm ma titteħidx deċiżjoni li minn hemm ‘il quddiem dawk l-ammonti jew parti minn dawk l-ammonti jkunu għadhom meħtieġa biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-ġestjoni tar-riskju fid-dawl tal-impatt minħabba l-gwerra fl-Ukrajna fir-rigward tal-assi miżmuma minn depożitorji ċentrali tat-titoli.

11.   L-ammonti tal-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa lill-Unjoni għandhom jintużaw biex jappoġġaw lill-Ukrajna, permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (*1) u permezz ta’ programmi tal-Unjoni li huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni, skont il-koeffiċjent li ġej:

(a)

Faċilità Ewropea għall-Paċi: 90 %;

(b)

Programmi tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni: 10 %.

Din l-allokazzjoni għandha tiġi rieżaminata kull sena, u għall-ewwel darba qabel l-1 ta’ Jannar 2025, u tista’ tiġi emendata permezz ta’ Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, adottata fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-allokazzjoni speċifika fost il-programmi tal-Unjoni tal-porzjon tal-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha tintuża permezz tal-programmi tal-Unjoni li huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni.

(*1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).”."

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Mejju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/335 tat-28 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 57, 28.2.2022, p. 4).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/395 tad-9 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 81, 9.3.2022, p. 8).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna (ĠU L, 2024/792, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/792/oj).

(5)  Proċedura Interistituzzjonali 2024/0061/COD (https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/HIS/?uri=CELEX%3A52024PC0150).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/577 tat-12 ta’ Frar 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L, 2024/577, 14.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/577/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/576 tat-12 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L, 2024/576, 14.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/576/oj).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1470/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)