European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1468

24.5.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/1468 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Mejju 2024

li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/2115 u (UE) 2021/2116 fir-rigward ta’ standards tajbin tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali, skemi għall-klima, l-ambjent u l-benesseri tal-annimali, emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, rieżami tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u eżenzjonijiet mill-kontrolli u mill-penali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li jridu jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-politika agrikola komuni (il-“Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK”) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistabbilixxi regoli dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni (PAK).

(2)

Minkejja l-fatt li r-Regolamenti (UE) 2021/2115 u (UE) 2021/2116 jagħtu flessibbiltà sostanzjali lill-Istati Membri u għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi tal-bdiewa, l-ewwel sena ta’ applikazzjoni konkreta ta’ dawk ir-Regolamenti, permezz tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, għamlitha ċara li ċerti aġġustamenti limitati għall-qafas legali tal-Unjoni għall-PAK huma meħtieġa biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv marbut mal-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u mal-kontroll ta’ ċerti rekwiżiti.

(3)

Barra minn hekk, il-bdiewa qed jiffaċċjaw firxa eċċezzjonali ta’ diffikultajiet u inċertezzi. B’mod partikolari, is-snin riċenti kienu kkaratterizzati minn għadd sostanzjali ta’ avvenimenti meteoroloġiċi estremi, fosthom nixfiet u għargħar f’diversi partijiet tal-Unjoni. Dawk l-avvenimenti jaffettwaw l-output u d-dħul, u jħallu impatt sinifikanti anke fuq l-eżekuzzjoni u l-kalendarju tal-prattiki agronomiċi normali. Il-prezzijiet għoljin tal-enerġija u tal-input u l-inċertezzi li jirriżultaw mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-għoli tal-ħajja, l-inflazzjoni, it-tnaqqis tal-2023 fil-valur tal-produzzjoni taċ-ċereali u l-bidla fil-flussi kummerċjali internazzjonali wasslu għal aktar inċertezzi u pressjonijiet fuq il-bdiewa. Il-konkorrenza ta’ dawk l-avvenimenti teżerċita pressjoni qawwija fuq il-bdiewa biex jadattaw il-ġestjoni tal-azjendi tagħhom u l-eżekuzzjoni ta’ prattiki agronomiċi, bħala maniġers tar-riżorsi naturali u bħala atturi ekonomiċi.

(4)

B’konsegwenza ta’ dan, hemm bżonn li jiġu rieżaminati u ssimplifikati ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (UE) 2021/2115 u (UE) 2021/2116 biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jadattaw aħjar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għall-ħtiġijiet tal-bdiewa u jipprovdulhom aktar flessibbiltà biex iwettqu l-attivitajiet agrikoli tagħhom filwaqt li jqisu l-isfidi dejjem akbar, l-imprevedibbiltà tat-temp u l-inċertezzi ekonomiċi.

(5)

L-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/2115 jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li ż-żoni agrikoli kollha, inkluż art li ma tkunx għadha tintuża għal finijiet ta’ produzzjoni, jinżammu f’kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, standards minimi għal bdiewa u benefiċjarji oħra għal kull standard tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajbin (KAAT) elenkat fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament, f’konformità mal-għan ewlieni ta’ kull wieħed minn dawk l-istandards kif imsemmi f’dak l-Anness. L-objettivi ġenerali tal-protezzjoni tal-ħamrija u tal-kwalità tal-ħamrija segwit mill-istandards 5, 6 u 7 tal-KAAT huwa affettwat minn ħafna fatturi, bħat-tip ta’ ħamrija, l-għażla tal-għelejjel, il-kundizzjonijiet klimatiċi u tat-temp, u l-użu tal-art u s-sistemi tal-biedja tal-passat u tal-preżent, bħall-biedja organika li teħtieġ approċċ differenti għal ċerti operazzjonijiet. L-esperjenza turi li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn l-impożizzjoni ta’ ċerti rekwiżiti, mingħajr kunsiderazzjoni xierqa għal dawk il-fatturi, bħar-restrizzjonijiet fuq il-ħdim tar-raba’ jew l-obbligi li tinżera’ matul perjodu speċifiku, jista’ jkollha impatt negattiv fuq ċerti ħamrija jew ċerti għelejjel, u saħansitra tirriskja li tmur kontra l-objettiv tal-protezzjoni tal-ħamrija. L-istandard 9 tal-KAAT jimponi projbizzjoni fuq il-konverżjoni jew il-ħrit ta’ art bil-ħaxix permanenti ddeżinjati bħala ambjentalment sensittivi fis-siti ta’ Natura 2000. Madankollu, l-esperjenza wriet li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet eċċezzjonali fejn tali art bil-ħaxix permanenti li tkun ambjentalment sensittiva issirilha ħsara, pereżempju minn annimali selvaġġi jew speċijiet invażivi, u jistgħu jkunu meħtieġa miżuri xierqa biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet bħal dawn, inklużi eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni fuq il-ħrit taż-żoni kkonċernati sabiex jitreġġa’lura tali art bil-ħaxix permanenti, biex jiġi żgurat li r-rekwiżiti tal-istandard 9 tal-KAAT jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-ħabitats u tal-ispeċijiet.

(6)

L-għadd dejjem jikber ta’ avvenimenti meteoroloġiċi estremi u każijiet ta’ ħsara lil art bil-ħaxix permanenti ddeżinjata bħala ambjentalment sensittivi, minħabba fatturi bħal annimali selvaġġi jew speċijiet invażivi, iżid l-inċidenza ta’ problemi speċifiċi li jiltaqgħu magħhom il-bdiewa fl-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-istandards 5, 6, 7 u 9 tal-KAAT, li jeħtieġ li jiġu indirizzati mill-Istati Membri. Hemm ukoll riskju li tali rekwiżiti jkunu sproporzjonati fid-dawl tal-kontribut reali tagħhom biex jinkiseb l-objettiv tal-protezzjoni tal-ħamrija għall-istandards 6, 5 u 7 tal-KAAT u l-objettiva tal-protezzjoni tal-ħabitats u tal-ispeċijiet tal-istandard 9 tal-KAAT. Sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jistabbilixxu eżenzjonijiet speċifiċi mir-rekwiżiti tal-istandards 5, 6, 7 u 9 tal-KAAT sabiex jindirizzaw problemi speċifiċi fl-applikazzjoni ta’ dawk l-istandards tal-KAAT abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, bħat-tipi ta’ ħamrija, l-għelejjel jew is-sistemi tal-biedja jew ħsara permanenti lill-art bil-ħaxix, fost l-oħrajn minħabba annimali selvaġġi u speċijiet invażivi. Dawk l-eżenzjonijiet jenħtieġ li jkunu limitati fil-kopertura taż-żona tagħhom u jenħtieġ li ma jfixklux il-kontribut ta’ dawk l-istandards biex jinkisbu l-objettivi ewlenin tagħhom, kif elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115.

(7)

Il-kundizzjonijiet tat-temp u l-impatt li jirriżulta fuq kundizzjonijiet f’ ż-żoni agrikoli jistgħu jipprevjenu lill-bdiewa u lil benefiċjarji oħra milli jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-istandards tal-KAAT, bħal-limiti ta’ żmien u l-perjodi tal-operazzjonijiet, f’sena partikolari. Sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-bdiewa affaċċjati b’tali rekwiżiti jkunu obbligati, pereżempju, jiżirgħu l-għelejjel sa ċerta data fejn il-kundizzjonijiet tat-temp f’sena partikolari ma jippermettux li l-operazzjonijiet meħtieġa jiġu mwettqa, jew b’impatt negattiv serju biss fuq il-ħamrija, bħall-kompattazzjoni tal-ħamrija, jenħtieġ li meta jimplimentaw l-istandards minimi dwar kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba skont ir-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu derogi temporanji minn dawk ir-rekwiżiti. Tali derogi temporanji jenħtieġ li jkunu limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għall-bdiewa u benefiċjarji jew għal żoni oħra affettwati mill-kundizzjonijiet tat-temp konċernati u jenħtieġ li jiġu applikati mill-Istati Membri biss sakemm ikunu strettament meħtieġa.

(8)

Ir-Regolament (UE) 2021/2115 jipprevedi għadd ta’ elementi u għodod għall-Istati Membri biex jindirizzaw l-objettiv speċifiku li jikkontribwixxu għat-twaqqif u t-treġġigħ lura tat-telf tal-bijodiversità, itejbu s-servizzi tal-ekosistema u jħarsu l-ħabitats u l-pajsaġġi msemmija fl-Artikolu 6(1), il-punt (f) ta’ dak ir-Regolament. Wieħed minn dawk l-elementi huwa s-sistema ta’ kundizzjonalità. B’mod partikolari, l-istandard 8 tal-KAAT, kif elenkat fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament, jinkludi diversi rekwiżiti, inkluż obbligu li ċertu sehem ta’ raba’ li jinħadem jiġi ddedikat għal żoni u karatteristiċi mhux produttivi. L-objettiv ewlieni tal-istandard 8 tal-KAAT huwa ż-żamma ta’ karatteristiċi u żoni mhux produttivi biex tittejjeb il-bijodiversità fl-azjenda agrikola. L-Istati Membri huma wkoll kapaċi jfasslu interventi li jappoġġaw dak l-objettiv, bħall-ekoskemi biex ikopru azzjonijiet skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2021/2115. Fil-kuntest tal-isfidi u l-inċertezzi li jirriżultaw mill-konkorrenza ta’ avvenimenti avversi u inċertezzi ekonomiċi, l-esperjenza wriet il-ħtieġa li jiġi aġġustat il-bilanċ bejn l-għodod ta’ politika differenti li jikkontribwixxu għall-protezzjoni u t-titjib tal-bijodiversità biex il-bdiewa jingħataw aktar flessibbiltà lill-bdiewa biex jikkontribwixxu għal dak l-objettiv skont is-sitwazzjoni speċifika tal-azjendi tagħhom u biex jingħata kumpens finanzjarju msaħħaħ għal tali kontribuzzjoni.

(9)

B’mod aktar speċifiku, peress li l-obbligu li jiġi ddedikat sehem ta’ raba’ li jinħadem għal żoni u karatteristiċi mhux produttivi bħalissa huwa previst taħt l-ewwel rekwiżit tal-istandard 8 tal-KAAT, kif elenkat fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115, il-bdiewa li japplikaw għall-pagamenti diretti u għall-interventi msemmija fl-Artikoli 70, 71 u 72 ta’ dak ir-Regolament, jeħtieġ li jirrispettaw dak ir-rekwiżit mingħajr ebda kumpens tal-kostijiet imġarrba jew tal-introjtu mitluf. F’ċerti każijiet, dan jista’ jinvolvi piż finanzjarju sostanzjali għall-bdiewa u għall-benefiċjarji kkonċernati, b’mod partikolari meta jitqies li l-ebda produzzjoni tal-għelejjel jew tal-annimali ma hija possibbli fuq ir-raba’ li jinħadem u li jkun iddedikat għal żoni jew karatteristiċi mhux produttivi skont l-istandard 8 tal-KAAT. Meta jitqiesu l-piż u l-konsegwenzi għal ċerti bdiewa u l-firxa eċċezzjonali ta’ diffikultajiet u inċertezzi li qed jiffaċċjaw, il-ħtieġa li jkun hemm żoni u karatteristiċi mhux produttivi fuq raba’ li jinħadem tiġi indirizzata aħjar permezz ta’ għodda li tagħti aktar flessibbiltà u, aktar importanti, li toffri inċentiv li jikkumpensa għal mill-anqas parti mill-kostijiet imġarrba u l-introjtu mitluf marbut ma’ tali żoni u karatteristiċi mhux produttivi. Għaldaqstant, l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2021/2115 jenħtieġ li jiġi emendat biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jipprovdu appoġġ għall-ekoskemi li jkopru, fuq raba’ li jinħadem, prattiki għaż-żamma ta’ żoni mhux produttivi, bħal raba’ mistrieħ, u għall-ħolqien ta’ karatteristiċi ġodda tal-pajsaġġ.

(10)

Fl-istess ħin, jenħtieġ li s-sistema ta’ kundizzjonalità stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/2115 tiġi aġġustata billi jitneħħa l-obbligu li jiġi ddedikat sehem mir-raba’ li tinħadem għal żoni u karatteristiċi mhux produttivi mill-istandard 8 tal-KAAT kif elenkat fl-Anness III ta’ dak ir-Regolament. L-obbligu taż-żamma tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ u l-projbizzjoni fuq il-qtugħ ta’ sisien tal-ħaxix u siġar matul l-istaġun tat-tnissil u tat-trobbija tal-għasafar, li bħalissa huma parti mir-rekwiżiti skont l-istandard 8 tal-KAAT, jenħtieġ li jinżammu bħala parti mis-sistema ta’ kundizzjonalità biex jiġi żgurat li l-karatteristiċi tal-pajsaġġ eżistenti taż-żoni agrikoli jkunu protetti.

(11)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw flessibbiltà addizzjonali biex jemendaw il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom filwaqt li jiżguraw l-istabbiltà u l-ġestjoni tagħhomkif ukoll l-effiċjenza amministrattiva tal-proċess tal-emendar. L-esperjenza wriet li l-indirizzar tar-rekwiżiti speċifiċi kemm tal-FAEG kif ukoll tal-FAEŻR f’talba waħda għal emenda jista’ jkun ta’ sfida. Fl-istess ħin, l-għadd ta’ emendi f’kull sena kalendarja jenħtieġ li jkun limitat biex jiġi żgurat li l-bdiewa u benefiċjarji oħra jkollhom biżżejjed żmien biex iqisu dawk l-emendi, kif ukoll biex jillimitaw il-piż amministrattiv għall-Istati Membri u biex jippermettu lill-Kummissjoni tivvaluta l-kompatibbiltà ta’ dawk l-emendi mal-qafas legali tal-Unjoni stabbilit fir-Regolamenti (UE) 2021/2115 u (UE) 2021/2116 fil-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dak il-qafas legali. Għal dawk ir-raġunijiet, jenħtieġ li l-għadd massimu ta’ talbiet għal emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jiżdied għal żewġ talbiet għal emenda għal kull sena kalendarja, minbarra t-tliet talbiet ulterjuri għall-emendar tal-Pjan Strateġiku tal-PAK li jistgħu jiġu ppreżentati f’konformità mal-Artikolu 119(7) tar-Regolament (UE) 2021/2115.

(12)

Skont l-Artikolu 120 tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri huma obbligati jivvalutaw jekk il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom jeħtiġux li jiġu emendati fil-każ ta’ emendi tal-atti leġiżlattivi tal-Unjoni elenkati fl-Anness XIII ta’ dak ir-Regolament u jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’tali valutazzjonijiet fi żmien ċerta skadenza. Peress li dak l-obbligu wera li huwa ta’ piż għall-Istati Membri u l-isforzi li l-Istati Membri kieku jkollhom bżonn jinvestu fil-valutazzjoni għall-bqija tal-perjodu ta’ programmar tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK attwali jenħtieġ li jkunu limitati, jenħtieġ li dak l-obbligu ma japplikax għall-emendi, li jidħlu fis-seħħ wara l-31 ta’ Diċembru 2025, tal-atti leġiżlattivi elenkati fl-Anness XIII,

(13)

L-esperjenza turi li l-fatt li bosta avvenimenti avversi jseħħu f’daqqa ġġib magħha sfidi għall-bdiewa, li jirrikjedu aktar flessibbiltà u simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, fir-rigward ta’ ċerti standards tal-KAAT, elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115.

(14)

L-istandard 6 tal-KAAT, kif elenkat fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115, għandu bħala l-għan ewlieni tiegħu l-protezzjoni tal-ħamrija f’perjodi li huma l-aktar sensittivi permezz ta’ rekwiżit ta’ kopertura minima tal-ħamrija biex tiġi evitata ħamrija għerja f’perjodi sensittivi bħal dawn. Sa punt akbar milli huwa l-każ għal standards oħra tal-KAAT, id-disinn u l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti taħt l-istandard 6 tal-KAAT huma affettwati minn firxa wiesgħa ta’ fatturi.. B’mod partikolari, l-għata minima tal-ħamrija tista’ tiġi żgurata b’mezzi differenti li jiddependu mhux biss mill-kundizzjonijiet tal-ħamrija u dawk klimatiċi, iżda wkoll minn fatturi bħall-għażla tal-għelejjel u t-tul tal-istaġun tat-tkabbir f’sena partikolari. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm perjodi sensittivi differenti li jiddependu b’mod partikolari fuq kundizzjonijiet speċifiċi tal-ħamrija u dawk klimatiċi. Barra minn hekk, meta jagħmlu għażliet ta’ produzzjoni u b’mod partikolari deċiżjonijiet dwar iż-żrigħ, il-bdiewa u benefiċjarji oħra jeħtieġ li jkunu jistgħu jirrikonċiljaw ir-rekwiżiti tal-istandard 6 tal-KAAT ma’ kundizzjonijiet tat-temp imprevedibbli. Fid-dawl ta’ dawk il-fatturi, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jimmaniġġjaw ir-rekwiżiti tal-istandard 6 tal-KAAT b’mod aktar flessibbli minn standards oħra tal-KAAT u b’mod li jiżgura l-kontribut ta’ tali rekwiżiti għall-kisba tal-objettiv ewlieni ta’ dak l-istandard, b’kont meħud ta’ firxa ta’ fatturi, bħall-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima.

(15)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jiddeterminaw l-elementi ewlenin ta’ dak l-istandard 6 tal-KAAT u jiġbruhom fil-qosorfil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom f’konformità mal-Artikolu 109(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/2115. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura, f’konformità mal-Artikolu 13(1),l-Artikolu 109(2) u l-Artikoli 118 u 119 ta’ dak ir-Regolament, li l-elementi ewlenin tal-istandard 6 tal-KAAT, kif iddeterminat mill-Istati Membri, jkunu, b’mod ġenerali, konformi mal-objettiv ewlieni ta’ dak l-istandard tal-KAAT.

(16)

L-objettiv ewlieni tal-istandard 7 tal-KAAT, kif elenkat fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115, huwa li jħares il-potenzjal tal-ħamrija. Peress li d-diversifikazzjoni tal-għelejjel tista’ tikkontribwixxi wkoll għall-ħarsien tal-potenzjal tal-ħamrija filwaqt li tkun aktar sempliċi biex ċerti bdiewa jimplimentaw, fil-kuntest tad-diversi pressjonijiet u sfidi li jiffaċċjaw bħalissa, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu kapaċijippermettu lill-bdiewa jikkonformaw mal-istandard 7 tal-KAAT anke permezz tad-diversifikazzjoni tal-għelejjel. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi dwar id-diversifikazzjoni tal-għelejjel.

(17)

Huwa importanti għall-PAK li tkompli tikkontribwixxi għall-objettivi ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 6(1), il-punti (d), (e) u (f), tar-Regolament (UE) 2021/2115 permezz ta’ rekwiżiti ta’ kundizzjonalità. Huwa importanti wkoll li tiġi żgurata l-istabbiltà ta’ dawk ir-rekwiżiti bħala l-linja bażi komuni għall-Istati Membri u l-bdiewa. Għalhekk, ir-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità tar-Regolament (UE) 2021/2115 jenħtieġ li jibqgħu japplikaw għall-bdiewa kollha. Madankollu, il-piż amministrattiv marbut mal-kontrolli għal dawk ir-rekwiżiti tal-kundizzjonalità previsti fir-Regolament (UE) 2021/2116 jista’ jkun sproporzjonatament għoli għall-bdiewa ż-żgħar u l-amministrazzjonijiet nazzjonali. Għalhekk, minbarra l-flessibbiltajiet fir-rigward tal-istandards 6, 7 u 8 tal-KAAT, jenħtieġ li jittaffa l-piż għall-bdiewa żgħar u għall-amministrazzjonijiet nazzjonali marbut mal-kontrolli previsti mir-Regolament (UE) 2021/2116. Għalhekk, il-bdiewa b’daqs massimu ta’ azjenda li ma jaqbiżx l-10 ettari ta’ erja agrikola jenħtieġ li jiġu eżentatimill-kontrolli ta’ kundizzjonalità fir-rigward tar-rekwiżiti statutorji ta’ ġestjoni skont id-dritt tal-Unjoni u kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin. Peress li bdiewa żgħar bħal dawn jirrappreżentaw 65 % tal-benefiċjarji tal-PAK iżda jammontaw biss għal approssimament 10 % tal-erja agrikola totali, dik l-eżenzjoni tissimplifika x-xogħol ta’ ħafna bdiewa u amministrazzjonijiet nazzjonali mingħajr ma tfixkel b’mod sinifikanti l-kontribuzzjoni tar-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità għall-kisba tal-objettivi tagħhom.

(18)

Peress li l-erja agrikola ġestita minn bdiewa żgħar hija limitata u l-penali huma ġeneralment baxxi għall-bdiewa żgħar, l-applikazzjoni ta’ penali tista’ twassal għal piż sproporzjonat għall-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri. Għalhekk, il-bdiewa żgħar, eżentati mill-kontrolli ta’ kundizzjonalità, jenħtieġ li jiġu eżentati wkoll mill-applikazzjoni ta’ penali amministrattivi għan-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-kundizzjonalità.

(19)

Sabiex jiġu evitati l-kostijiet u l-piżijiet amministrattivi eċċessivi marbuta mal-kontrolli li jirrigwardaw il-kundizzjonalità, il-benefiċjarji li jirċievu pagamenti bbażati fuq l-erja kemm taħt Pjan Strateġiku tal-PAK skont ir-Regolament (UE) 2021/2115 u taħt programm tal-iżvilupp rurali implimentat skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) sal-31 ta’ Diċembru 2025, u li għalhekk soġġetti għall-kontrolli tal-kundizzjonalità skont ir-Regolament (UE) 2021/2116, jenħtieġ li jiġu eżentati mill-kontrolli tal-kundizzjonalità u mill-applikazzjoni tal-penali skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(20)

Minħabba li l-objettiv ta' dan ir-Regolament, jiġifieri biex jindirizza l-firxa eċċezzjonali ta’ diffikultajiet u inċertezzi li jiffaċċjaw il-bdiewa billi jirrevedi u jissimplifika ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (UE) 2021/2115 u (UE) 2021/2116, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettiv

(21)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) 2021/2115 u (UE) 2021/2116 jiġu emendati kif xieraq.

(22)

Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni bla xkiel tal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament fir-rigward tal-istandards 6, 7 u 8 tal-KAAT, kif elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115, jeħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet tranżizzjonali fir-rigward tal-emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK ippreżentati mill-Istati Membri għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) 2021/2115 fl-2024 u fir-rigward tal-effetti ta’ dawk l-emendi fl-2024 qabel ma l-Kummissjoni tapprova dawk l-emendi.

(23)

Minħabba l-ħtieġa li l-bdiewa jingħataw aktar flessibilità biex iwettqu l-attivitajiet agrikoli tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-isfidi li qed jiżdiedu, l-imprevedibbiltà tat-temp u l-inċertezzi ekonomiċi li qed jiffaċċjaw, u l-urġenza li jiġi indirizzat l-impatt ta’ dik il-firxa eċċezzjonali ta’ diffikultajiet u inċertezzi, jitqies li huwa xieraq li tiġi invokata l-eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat prevista fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal- Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(24)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel tal-miżuri previsti u bħala kwistjoni ta’ urġenza fid-dawl tal-ħtieġa urġenti li jiġu ndirizzati firxa eċċezzjonali ta’ diffikultajiet u inċertezzi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-bdiewa, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(25)

Sabiex jiġu evitati piżijiet amministrattivi sproporzjonati għall-bdiewa żgħar u għall-awtoritajiet nazzjonali, l-eżenzjoni minn penali relatati man-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità u l-eżenzjoni mill-penalitajiet relatati man-nuqqas ta’ konformità tar-rekwiżiti ta’ kundizzjonalità jenħtieġ li tapplika b’mod retroattiv fir-rigward tas-sena tat-talba 2024.

(26)

Peress li s-sena tat-talba 2024 bdiet fl-1 ta’ Jannar 2024, il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament fir-rigward tal-istandards 6, 7 u 8 tal-KAAT, kif elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115, jenħtieġ li japplikaw diġà għas-sena tat-talba 2024 biex l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li japplikaw dawk il-miżuri minn dik is-sena tat-talba,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament (UE) 2021/2115

Ir-Regolament (UE) 2021/2115 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

‘raba’ li jinħadem’ għandu jkun art ikkultivata għall-produzzjoni tal-għelejjel jew iż-żoni disponibbli għall-produzzjoni tal-għelejjel iżda li jinsabu mistrieħa; barra minn hekk, għandu, għaż-żmien kemm idum l-impenn, ikun raba’ kkultivat għall-produzzjoni tal-għelejjel jew żoni disponibbli għall-produzzjoni tal-għelejjel iżda li tħallew mistrieħa li kienu twarrbu f’konformità mal-Artikolu 31 jew mal-Artikolu 70 ta’ dan ir-Regolament, jew mal-Artikoli 22, 23 jew 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 (*1), jew mal-Artikolu 39 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (*2), jew mal-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3);

(*1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU L 160, 26.6.1999, p. 80, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1999/1257/oj)."

(*2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/1698/oj)."

(*3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1305/oj).”;"

(b)

fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

kwalunkwe żona tal-azjenda li hija:

(i)

miksija b’karatteristiċi tal-pajsaġġ soġġetti għall-obbligu li jinżammu skont l-istandard 8 tal-KAAT elenkat fl-Anness III; jew

(ii)

għaż-żmien kemm idum l-impenn rilevanti tal-bidwi, stabbilita jew miżmuma bħala riżultat ta’ ekoskema msemmija fl-Artikolu 31.

Jekk l-Istati Membri jiddeċiedu hekk, ‘ettaru eliġibbli’ jista’ jkun fih karatteristiċi oħra tal-pajsaġġ, sakemm dawn ma jkunux predominanti u ma jfixklux b’mod sinifikanti l-prestazzjoni tal-attività agrikola minħabba d-daqs taż-żona li jokkupaw fuq il-biċċa raba’. Fl-implimentazzjoni ta’ dak il-prinċipju, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw id-daqs massimu tal-parti mill-biċċa raba’ li tkun miksija b’dawk il-karatteristiċi l-oħra tal-pajsaġġ.

Fir-rigward tal-bwar permanenti b’elementi ineliġibbli mferrxa, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw koeffiċjenti ta’ tnaqqis fissi biex tiġi ddeterminata l-erja meqjusa eliġibbli;”;

(2)

l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Fl-istabbiliment tal-istandards 5, 6, 7 jew 9 tal-KAAT elenkati fl-Anness III, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu eżenzjonijiet speċifiċi mir-rekwiżiti ta’ dawk l-istandards. Dawk l-eżenzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, bħall-għelejjel, tipi ta’ ħamrija u sistemi ta’ biedja jew ħsara lill-art bil-ħaxix permanenti, fost l-oħrajn minħabba annimali selvaġġi u speċijiet invażivi, u għandhom ikunu limitati f’termini tal-kopertura taż-żona tagħhom. Eżenzjonijiet speċifiċi għandhom jiġu stabbiliti biss fil-każ ta’, u sa fejn, ikunu meħtieġa biex jindirizzaw problemi speċifiċi fl-applikazzjoni ta’ dawk l-istandards u ma għandhomx ifixklu b’mod sinifikanti l-kontribut ta’ kull wieħed minn dawk l-istandards għall-objettivi ewlenin tagħhom, kif elenkati fl-Anness III.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Meta jimplimentaw l-istandards minimi stabbiliti f’konformità mal-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu jagħtu derogi temporanji mir-rekwiżiti bħal limiti ta’ żmien u perjodi stabbiliti f’dawk l-istandards meta l-kundizzjonijiet tat-temp jipprevjenu lill-bdiewa u lil benefiċjarji oħra milli jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti f’sena partikolari. Tali derogi temporanji għandhom ikunu limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għall-bdiewa u benefiċjarji jew żoni oħra affettwati minn tali kundizzjonijiet tat-temp u għandhom jiġu applikati biss sakemm ikunu strettament meħtieġa.”;

(3)

fl-Artikolu 31, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Bħala parti mill-ekoskemi msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jipprovdu appoġġ għal skema waħda jew aktar li jkopru, fuq raba’ li jinħadem, prattiki għaż-żamma ta’ żoni mhux produttivi, bħal raba’ mistrieħ, u għall-ħolqien ta’ karatteristiċi ġodda tal-pajsaġġ. Dawk l-iskemi għandhom ikunu volontarji għall-bdiewa attivi u għall-gruppi ta’ bdiewa attivi.”;

(4)

fl-Artikolu 119, il-paragrafu 7, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Talba għall-emendar tal-Pjan Strateġiku tal-PAK tista’ tiġi ppreżentata darbtejn fis-sena kalendarja, soġġett għal eċċezzjonijiet possibbli previsti f’dan ir-Regolament jew li jridu jiġu determinati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 122. Barra minn hekk, tul il-perjodu tal-Pjan Strateġiku tal-PAK jistgħu jiġu ppreżentati tliet talbiet ulterjuri għall-emendar tal-Pjan Strateġiku tal-PAK. Dan il-paragrafu ma għandux japplika għal talbiet għal emendi biex jiġu ppreżentati l-elementi neqsin f’konformità mal-Artikolu 118(5).”;

(5)

fl-Artikolu 120, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“L-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-emendi, li jidħlu fis-seħħ wara l-31 ta’ Diċembru 2025, għall-atti leġislattivi elenkati fl-Anness XIII.”

(6)

l-Anness III huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artkolu 2

Emendi tar-Regolament (UE) 2021/2116

Ir-Regolament (UE) 2021/2116 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 83 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-bdiewa b’daqs massimu ta’ azjenda li ma jaqbiżx l-10 ettari ta’ erja agrikola ddikjarata f’konformità mal-Artikolu 69(1) għandhom ikunu eżentati mill-kontrolli skont sistema stabbilita f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”;

(b)

fil-paragrafu 6, il-punt (f) jitħassar;

(2)

fl-Artikolu 84, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Il-bdiewa b’daqs massimu ta’ azjenda li ma jaqbiżx l-10 ettari ta’ erja agrikola ddikjarata f’konformità mal-Artikolu 69(1) għandhom ikunu eżentati mill-penali msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 85;”;

(3)

fl-Artikolu 104 (1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), il-punt (iv) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iv)

fir-rigward tal-FAEŻR, b’rabta man-nefqa mġarrba mill-benefiċjarji u l-pagamenti magħmula mill-aġenzija tal-pagamenti fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-iżvilupp rurali skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 96 u 97 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-benefiċjarji li huma soġġetti għas-sistema ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 83 ta’ dan ir-Regolament;”.

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1   B’deroga mill-Artikolu 119(8), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/2115, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK relatati mal-emendi għall-istandards 6, 7 jew 8 tal-KAAT stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, ippreżentati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni skont l-Artikolu 119(2) ta’ dak ir-Regolament fir-rigward tas-sena tat-talba 2024 ma għandhiex tkun soġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

2   B’deroga mill-Artikolu 119(11) tar-Regolament (UE) 2021/2115, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu għas-sena tat-talba 2024 li l-emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK relatati mal- emendi għall-istandards 6, 7 jew 8 tal-KAAT stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament , għandhom effett legali qabel ma jiġu approvati mill-Kummissjoni. Fir-rigward tal-istandard 8 tal-KAAT, l-Istati Membri jistgħu jieħdu dik id-deċiżjoni biss jekk għas-sena tat-talba 2024, japplikaw, fuq raba’ li jinħadem, skema li tkopri prattiki għaż-żamma ta’ żoni mhux produttivi, bħal raba’ mistrieħ, jew għall-ħolqien ta’ karatteristiċi ġodda tal-pajsaġġ, kif imsemmija fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2021/2115.

Fit-teħid tad-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji taċ-ċertezza legali, tan-nondiskriminazzjoni u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-bdiewa u ta’ benefiċjarji oħra, jiġu rispettati u li l-ħtieġa għall-bdiewa u għal benefiċjarji oħra li jkollhom biżżejjed żmien biex jikkonformaw mal-emendi tiġi meqjusa.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 2, il-punti (2) u (3), u l-Anness għandhom japplikaw mis-sena tat-talba 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Mejju 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)  Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2024.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2116/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1305/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1306/oj).


ANNESS

Anness III tar-Regolament (UE) 2021/2115 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrata għal “KAAT 6” hija sostitwita b’din li ġejja:

“KAAT 6

Għata minima ta’ ħamrija biex tiġi evitata ħamrija għerja f’perjodi li huma l-aktar sensittivi, skont kif jiġi ddetermint mill-Istati Membri (*1).

Protezzjoni tal-ħamrija f’perjodi li huma l-aktar sensittivi

(2)

l-entrata għal “KAAT 7” hija sostitwita b’din li ġejja:

“KAAT 7

Newba tal-għelejjel f’raba’ li jinħadem, ħlief għal għelejjel li jikbru taħt l-ilma. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li jippermettu lill-bdiewa u lill-benefiċjarji l-oħra jissodisfaw dan l-istandard tad-diversifikazzjoni tal-għelejjel (*2).

Preservazzjoni tal-potenzjal tal-ħamrija

(3)

l-entrata għal “KAAT 8” hija sostitwita b’din li ġejja:

“KAAT 8

Żamma tal-karatteristiċi tal-pajsaġġi

Projbizzjoni fuq il-qtugħ tas-sisien tal-isġajriet u tas-siġar waqt l-istaġun tat-tgħammir u tat-trobbija tal-frieħ tal-għasafar

Bħala għażla, miżuri biex jiġu evitati speċijiet ta’ pjanti invażivi

Preservazzjoni tal-karatteristiċi u tal-erja mhux produttivi biex titjieb il-bijodiversità fl-azjenda agrikola”.


(*1)  L-Istati Membri jistgħu b’mod partikolari jqisu l-perjodu qasir ta’ veġetazzjoni li jirriżulta mit-tul u s-severità tal-perjodu tax-xitwa fir-reġjuni kkonċernati.”

(*2)  In-newba għandha tikkonsisti f’bidla tal-għelejjel fil-livell tal-irqajja’ tal-art (ħlief fil-każijiet ta’ għelejjel pluriennali, ħaxix u foraġġ erbaċew ieħor, u art mistrieħa), inklużi l-għelejjel sekondarji ġestiti b’mod xieraq.

Abbażi tad-diversità tal-metodi tal-biedja u tal-kundizzjonijiet agroklimatiċi l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw fir-reġjuni kkonċernati prattiki oħra ta’ newba mtejba tal-għelejjel b’għelejjel leguminużi jew b’diversifikazzjoni tal-għelejjel li għandhom l-għan li jtejbu u jippreżervaw il-potenzjal tal-ħamrija f’konformità mal-objettivi ta’ dan l-istandard tal-KAAT.

Meta jiddefinixxu r-rekwiżiti tad-diversifikazzjoni tal-għelejjel, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti minimi li ġejjin:

(a)

meta d-daqs tar-raba’ li jinħadem ta’ azjenda jkun bejn 10 u 30 ettaru, id-diversifikazzjoni tal-għelejjel għandha tikkonsisti fil-kultivazzjoni ta’ raba’ li jinħadem ta’ azjenda b’mill-inqas żewġ għelejjel differenti fuq dak ir-raba’ li jinħadem. L-għalla ewlenija ma għandhiex tkopri aktar minn 75 % tar-raba’ li jinħadem;

(b)

meta d-daqs tar-raba’ li jinħadem ta’ azjenda jkun aktar minn 30 ettaru, id-diversifikazzjoni tal-għelejjel għandha tikkonsisti fil-kultivazzjoni ta’ raba’ li jinħadem ta’ azjenda b’mill-inqas tliet għelejjel differenti fuq dak ir-raba’ li jinħadem. L-għalla ewlenija ma għandhiex tkopri aktar minn 75 % ta’ dik ir-raba’ li jinħadem u ż-żewġ għelejjel ewlenin flimkien ma għandhomx ikopru aktar minn 95 % ta’ dak ir-raba’ li jinħadem.

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-obbligi skont dan l-istandard l-azjendi:

(a)

fejn aktar minn 75 % tar-raba’ li jinħadem jintuża għall-produzzjoni ta’ ħaxix jew foraġġ erbaċew ieħor, tkun art mistrieħa, jiġi użat għall-kultivazzjoni ta’ għelejjel tal-legumi, jew ikun soġġett għal taħlita ta’ dawk l-użijiet;

(b)

fejn aktar minn 75 % taż-żona agrikola eliġibbli tkun bur permanenti, tintuża għall-produzzjoni ta’ ħaxix jew foraġġ erbaċew ieħor jew għall-kultivazzjoni ta’ għelejjel taħt l-ilma għal parti sinifikanti tas-sena jew għal parti sinifikanti taċ-ċiklu ta’ kultivazzjoni tal-għelejjel, jew tkun soġġetta għal taħlita ta’ dawk l-użijiet; jew

(c)

b’daqs ta’ raba’ li jinħadem sa 10 ettari.

L-Istati Membri jistgħu jintroduċu limitu massimu ta’ żona koperta minn għalla waħda biex jipprevjenu monokulturi kbar.

Il-bdiewa ċċertifikati f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/848 għandhom jitqiesu li jikkonformaw ma’ dan l-istandard tal-KAAT.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1468/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)