European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1450

24.5.2024

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1450

tat-23 ta’ Mejju 2024

li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ tagħmir ta’ aċċess mobbli li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li infurmat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fit-13 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-notifika ta’ bidu”), il-bidu ta’ investigazzjoni anti-dumping (“l-investigazzjoni anti-dumping”) fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ tagħmir għall-aċċess mobbli (mobile access equipment, MAE), li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”), wara lment imressaq mill-Koalizzjoni biex jerġa’ jkun hemm kundizzjonijiet ekwi fis-Settur tat-Tagħmir għall-Aċċess Mobbli tal-UE (“l-ilmentatur”), magħmul minn manifatturi tat-tagħmir tal-UE.

1.   Prodott soġġett għar-reġistrazzjoni

(2)

Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni huwa tagħmir għall-aċċess mobbli awtopropulsiv iddisinjat għall-irfigħ ta’ persuni, li għandu għoli massimu ta’ operat ta’ sitt metri jew aktar, u li l-biċċiet tiegħu huma magħqudin minn qabel jew lesti biex jingħaqdu, esklużi l-komponenti individwali meta jiġu ppreżentati separatament, u eskluż tagħmir għall-irfigħ ta’ persuni mmuntat fuq vetturi tal-Kapitolu 86 u l-Kapitolu 87 tas-Sistema Armonizzata li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”).

(3)

Il-prodott bħalissa huwa kklassifikat, għall-MAE, taħt il-kodiċijiet NM ex 8427 10 10, ex 8427 20 19, ex 8428 90 90 u, għas-sezzjonijiet immuntati minn qabel jew lesti għall-immuntar tal-MAE, taħt ex 8431 20 00 u ex 8431 39 00 (kodiċijiet TARIC: 8427101010, 8427201910, 8428909020, 8431200060 u 8431390010). Il-kodiċijiet NM u TARIC huma mogħtija għall-informazzjoni biss u bla ħsara għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja.

2.   Talba

(4)

Fil-15 ta’ Jannar 2024 u fit-12 ta’ Marzu 2024, l-ilmentatur ippreżenta talbiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. L-ilmentatur talab li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat isiru soġġetti għar-reġistrazzjoni sabiex sussegwentement ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data tar-reġistrazzjoni.

(5)

Fit-22 ta’ Jannar 2024, il-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta’ Makkinarju u Prodotti Elettroniċi (“CCCME”), ippreżentat kummenti dwar l-ewwel talba għar-reġistrazzjoni tal-15 ta’ Jannar 2024, bl-argument li din it-talba ma kienx fiha biżżejjed evidenza ta’ żieda fl-importazzjonijiet, speċjalment fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ wara l-bidu miċ-Ċina, li l-istaġjonalità tad-domanda ma tqisitx u li s-suq tal-MAE xprunat mid-domanda ma jippermettix importazzjonijiet addizzjonali mhux mistennija jew akkumulazzjoni ta’ ħażniet, li jimmina l-effett rimedjali tad-dazju. Il-Kummissjoni ċaħdet dawn il-kummenti tas-CCCME peress li t-tieni talba għar-reġistrazzjoni ppreżentata mill-ilmentatur fit-12 ta’ Marzu 2024 kien fiha biżżejjed evidenza dwar iż-żieda fl-importazzjonijiet wara l-bidu, inkluż meta titqies l-istaġjonalità tad-domanda.

3.   Raġunijiet għar-reġistrazzjoni

(6)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-awtoritajiet tad-dwana jieħdu l-passi meħtieġa għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, sabiex il-miżuri jkunu jistgħu jiġu sussegwentement applikati fuq dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ dik ir-reġistrazzjoni. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni wara talba mill-industrija tal-Unjoni li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika din l-azzjoni.

(7)

Skont l-ilmentatur, ir-reġistrazzjoni hija ġġustifikata peress li l-prodott ikkonċernat qed ikun oġġett ta’ dumping u l-importazzjonijiet bi prezz baxx jikkawżaw dannu sinifikanti lill-industrija tal-Unjoni.

(8)

Il-Kummissjoni eżaminat it-talba fid-dawl tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament anti-dumping bażiku.

(9)

Il-Kummissjoni vverifikat jekk l-importaturi kinux konxji, jew jekk kellhomx ikunu konxji, mid-dumping fir-rigward tal-livell tad-dumping u d-dannu allegat jew misjub. Hija analizzat ukoll jekk kienx hemm żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet li, fid-dawl ta’ meta seħħet u l-volum u ċirkostanzi oħra, x’aktarx iddgħajjef serjament l-effett ta’ rimedju tad-dazju antidumping definittiv li għandu jiġi applikat.

3.1.   Il-konoxxenza tal-importaturi dwar id-dumping, il-livell tiegħu u d-dannu allegat

(10)

Fir-rigward tad-dumping, fl-ilment l-ilmentatur ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet mir-RPĊ kienu qed ikunu oġġett ta’ dumping. L-ilment ipprovda wkoll biżżejjed evidenza tad-dannu allegat.

(11)

L-avviż ta’ bidu għal dan il-proċediment, ippubblikat fit-13 ta’ Novembru 2023, kien fih sommarju tal-evidenza pprovduta. Permezz tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, dik l-informazzjoni tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, u l-ilment kien aċċessibbli għall-importaturi kollha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li, l-aktar tard f’dak il-mument, l-importaturi kienu konxji, jew kellhom ikunu konxji, mill-prattiki allegati ta’ dumping, il-portata tagħhom u d-dannu allegat.

3.2.   Żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet u riskju li jiġu mminati l-effetti rimedjali tad-dazji anti-dumping definittivi

(12)

Fit-talbiet tiegħu għar-reġistrazzjoni, l-ilmentatur ipprovda l-informazzjoni disponibbli dwar is-suq li skontha, wara l-bidu tal-proċedimenti, l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat żdiedu b’10 % sa 90 % skont it-tip ta’ prodott.

(13)

Il-Kummissjoni vverifikat l-istatistika (Sorveljanza) għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, abbażi tal-informazzjoni disponibbli għat-tliet kodiċijiet TARIC identifikati fin-Notifika ta’ Bidu għal MAE (ara l-premessa (3)) (3). Abbażi tal-volumi importati taħt il-kodiċijiet TARIC speċifiċi maħluqa fil-bidu għall-prodott li qed jiġi investigat, l-ewwel stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet tal-MAE għal perjodu wara l-bidu (Diċembru 2023 sa Marzu 2024). Peress li l-importazzjonijiet taħt il-kodiċijiet NM eżistenti matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ Ottubru 2022 sat-30 ta’ Settembru 2023) kien fihom ukoll prodotti oħra, il-Kummissjoni aġġustat il-volumi bis-sehem perċentwali tal-prodott ikkonċernat mill-importazzjonijiet taħt il-kodiċijiet NM, abbażi tal-proporzjon misjub tal-prodott investigat mill-kodiċi NM totali fid-data ta’ wara l-bidu. Il-Kummissjoni mbagħad qabblet dawn il-volumi mal-volumi tal-importazzjonijiet tal-MAE għall-istess perjodu (Diċembru 2022 sa Marzu 2023) li kien parti mill-perjodu ta’ investigazzjoni.

(14)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni stabbiliet li fil-perjodu wara l-bidu (Diċembru 2023 sa Marzu 2024), il-volum tal-importazzjonijiet żdied b’ 16,2 % meta mqabbel mal-volum tal-importazzjonijiet matul l-istess perjodu s-sena ta’ qabel.

Tabella 1

Importazzjonijiet mir-RPĊ minn Diċembru sa Marzu imqabbla mas-sena ta’ qabel

 

Diċembru 2022–Marzu 2023

Diċembru 2023–Marzu 2024

Bidla

Medja ta’ kull xahar Diċembru 2022–Marzu 2023

Medja ta’ kull xahar Diċembru 2023–Marzu 2024

Importazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni (tunnellati) (4)

31 296

36 359

16,2 %

7 824

9 090

Sors: Sorveljanza (aġġustata).

 

 

(15)

Il-Kummissjoni qieset tali żieda fl-importazzjonijiet bħala sostanzjali. Għalkemm, matul l-istess perjodu ta’ tqabbil, il-prezz medju żdied bi ftit, kien għadu taħt il-prezz medju matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(16)

Fid-dawl taż-żmien, il-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u ċirkostanzi oħra (bħat-tnaqqis fil-bejgħ, il-fatturat, l-impjiegi u l-profitt tal-industrija tal-Unjoni evidenzjat fl-ilment u fit-talbiet għar-reġistrazzjoni) x’aktarx li jimminaw serjament l-effett rimedjali ta’ kwalunkwe dazju definittiv. Barra minn hekk, minħabba t-tnedija tal-proċedimenti attwali, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jiżdiedu ulterjorment qabel l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji, jekk ikun hemm minnhom, u l-importaturi jistgħu jibnu l-istokks b’mod rapidu.

4.   Proċedura

(17)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza sabiex tiġġustifika li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

(18)

Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, dment li jippreżentaw talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn jenħtieġ li jinstemgħu.

5.   Reġistrazzjoni

(19)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-reġistrazzjoni bl-iskop li jiżguraw li, f’każ li l-investigazzjoni tirriżulta f’konklużjonijiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, dawk id-dazji jistgħu, jekk il-kundizzjonijiet neċessarji jkunu ssodisfati, jiġu imposti b’mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli.

(20)

Kull obbligazzjoni fil-futur tiġi mill-konklużjonijiet tal-investigazzjoni anti-dumping.

(21)

L-allegazzjonijiet fl-ilment li jitlob il-bidu ta’ investigazzjoni anti-dumping jistmaw marġni medju tad-dumping li jvarja minn 178 % sa 275,9 % u marġni medju tal-bejgħ taħt il-prezz ta’ 57,5 % għall-prodott ikkonċernat. L-ammont ta’ responsabbiltà possibbli fil-futur huwa stabbilit fil-livell tal-bejgħ taħt il-prezz stmat fuq il-bażi tal-ilment, jiġifieri 57,5 % ad valorem fuq il-valur tal-importazzjoni CIF tal-prodott ikkonċernat.

6.   L-ipproċessar ta’ data personali

(22)

Kull data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni se tiġi trattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ tagħmir għall-aċċess mobbli, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex  8427 10 10, ex  8427 20 19, ex  8428 90 90 u, għas-sezzjonijiet immuntati minn qabel jew lesti biex jiġu assemblati tal-MAE, taħt ex  8431 20 00 u ex  8431 39 00 (kodiċijiet TARIC: 8427 10 10 10, 8427 20 19 10, 8431 20 00 60, 8431 39 00 10 u 8428 90 90 20) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, jipprovdu evidenza ta’ sostenn jew jitolbu li jinstemgħu fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Mejju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Notifika ta’ bidu ta’ proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ tagħmir ta’ aċċess mobbli (“MAE”), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C, C/2023/783, 13.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/783/oj).

(3)  L-ilmentatur sostna li l-importazzjonijiet taħt wieħed mill-kodiċijiet (NM 8428 90 90) ma għandhomx jintużaw peress li l-kodiċi ma għadux jintuża għall-prodott ikkonċernat minħabba bidla fil-klassifikazzjoni doganali wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1610 tat-13 ta’ Settembru 2022 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 738/2000 fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ vettura mgħammra b’apparat tal-irfigħ idrawliku mgħammar bi pjattaforma tax-xogħol fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 241, 19.9.2022, p. 3). Madankollu, kif muri mill-importazzjonijiet taħt il-kodiċijiet TARIC fil-perjodu ta’ wara l-bidu, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat taħt il-kodiċi inkwistjoni komplew.

(4)  Għall-finijiet tar-reġistrazzjoni, it-tqabbil isir għall-kodiċijiet TARIC li jirrigwardaw l-importazzjonijiet tal-unitajiet (magni) u mhux it-taqsimiet (partijiet tal-magna). Fil-PI u wara l-PI, it-taqsimiet kienu jikkostitwixxu biss volum żgħir ta’ importazzjonijiet u s-sehem tat-taqsimiet li jaqgħu taħt il-kodiċijiet TARIC li kellhom jiġu analizzati kien negliġibbli. Għalhekk, dawn ma ġewx ikkunsidrati għall-analiżi.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1450/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)